Kotba | Sħan u tajbin
Mark Vella jabqad erba’ kotba ta’ Merlin ġodda għall-etajiet żgħar: Jaħarqu għax maħruġa sħan sħan, imma forsi anki għax iqajmu dibattiti importanti li jmorru lil hinn minnhom
Bħal tal-pastizzi sħan sħan, il-Merlin jiftaħ is-sena b’erba’ kotba għall-etajiet iżgħar, il-marka klassika ta’ din id-dar storika. Rari naqra ktieb tat-tfal, bħalma forsi ftit jagħmlu jekk mhux għal xi bżonn bħall-mestier, anki għax jekk nixtrihom biex nagħtihom rigal, imma hija dejjem rivelazzjoni tara jew x’qed jaqraw it-tfal jew x’mingħalina rriduhom jaqraw. Ovvjament, il-verdett finali t-tfal x’aktarx jagħtuh, u l-popolarità tal-kotba għalihom, lil hinn minn kull reklamar u promozzjoni li jista’ jagħmel il-pubblikatur, jixhduha fl-aħħar mill-aħħar il-klassifiki ta’ min ibigħ l-aktar, x’aktarx għaliex huma t-tfal stess li jitolbu lill-ġenituri tagħhom għal dejjem aktar mill-istess benna.
Imma jaf il-ġuħ għall-pastizz sħun sikwit jismotlok ilsienek mal-ewwel gidma. Paradossalment, madankollu, dan mhux qed ngħidu għal dawn l-erba’ kotba mill-isbaħ li ħarġu l-Merlin, imma qed neħodha minn angolu ieħor. Jaf inqajjem l-għadab tal-pedagogi u l-għalliema, u saħansitra ta’ biċċa mill-Fakultà tal-Edukazzjoni għal opinjoni li għandha mnejn mhix popolari, imma t-tgħaffiġa li jidher li hemm fit-tagħlim tal-Malti għandha konsegwenzi wiesgħa għall-aħħar li donnu ħadd ma jrid jiddiskutihom. Meta kont tfal jien, is-sitwazzjoni kienet aktar netta: il-ktieb Malti, l-aktar dak għat-tagħlim tal-lingwa, kien idejqek u jimbuttak, waqt li dak tal-Ingliż kien imlewwen u b’wisa’ ta’ testi, reġistri u attivitajiet. Filwaqt li x’aktarx imxejna f’dak l-aspett, speċjalment mil-lat editorjali, ir-realtà tal-illiteriżmu funzjonali, speċjalment fil-każ tal-Malti, u kif mixhud mhux biss mir-riżultati tal-eżamijiet imma anki osservazzjoni empirika ta’ kif nużaw ilsienna, tissuġġerixxi li d-duda xi mkien qiegħda, u mid-dehra fil-fond nett.
Dan tarah ukoll meta tisma’ ġenituri ta’ tfal li fiċ-ċokon ġa ddarrsu mill-Malti, u dan mhux għax il-ġenituri jkunu jitkellmu bl-Ingliż jew barranin. Anzi, il-weġgħa tinħass meta l-każ ikun suppost l-ideali tat-trobbija lingwistika, u tisma’ li l-ulied ġa għandhom l-idea tal-Malti bħala dil-lingwa ‘barranija’ antipatika, li tistudjaha ta’ bilfors, minkejja li evidenti li almenu, bil-mitkellem malli tirfes ’il barra mill-għatba, din hija l-mezz ewlieni tat-tranżazzjoni soċjali. U għalhekk, jidher li hemm wesgħa mifruxa imma rqiqa daqs is-silġ li ma ffriżax għal kollox, ta’ Malti differenti, anki ta’ metodi ta’ kif ngħallmuh, ta’ passjoni dwar is-siwi tiegħu, u x’aktarx anki n-nuqqas ta’ pedagoġija unitarja li tgħallmu f’sens ta’ lingwa nazzjonali. Narawh għal darb’oħra mill-iżbalji tal-eżamijiet li kull sena l-gazzeti jaqbżu fuqhom, imma anki mill-kampjuni tal-homework fuq forum bħal Kelmet il-Malti fuq Facebook, b’ġenituri ddisprati li jew mhumiex jagħrfu l-Malti li ilhom jitkellmu, jew li, agħar minn hekk, huma ġenerazzjoni li ġa daqet il-kawlata u tteftef fid-dlam lingwistiku daqs uliedha.
Uġigħ ta’ ras anki għall-pubblikatur, li nimmaġina mhuwiex dejjem infurmat dwar kriterji essenzjali bħal liema hu l-kliem bażiku li jaf kulħadd jew missu jaf skont l-età, id-dubji dwar jekk u kif iddaħħal kelma li tinstema’ arkajka jew mhux użata wisq imma hija l-kelma l-preċiża li hemm bżonn. L-istess anki fil-livelli differenti tas-sillabu b’kunċetti grammatikali li kważi kważi m’għandekx għala tgħallimhom b’intensità manjakali, speċjalment jekk m’għandekx sodda kunċettwali li fuqha tista’ tiżragħhom. Mhux ta’ b’xejn, għalhekk, jgħidli qaddisi, li hemm bosta, wisq, li jitilgħu ma jafux jiktbuh sew il-Malti (kif tista’ tiżbalja l-artiklu wara aktar minn għaxar snin ta’ skola tal-obbligu?), jispiċċaw ma jaqrawhx, u agħar minn hekk, ma jiżviluppaw kapaċitajiet essenzjali ta’ ħsieb u kritika.
X’kuraġġ irid ikollok, allura, biex toħroġ ktieb bħal Il-Każ tal-Kappell Ikkalibrat? Splużjoni ta’ esperimentazzjoni lingwistika u lessikali, kif ukoll element ta’ qari parteċipattiv, bit-timbru tipiku tal-pinna ta’ Leanne Ellul, kważi estensjoni tax-xogħol adult tagħha. Nipprova nimmaġina t-tfal jaqrawh, u nawgura li jħajjarhom u jġenninhom għall-qari u l-iskoperta ta’ lsienhom, imma naf ukoll li mhux it-tfal kollha jafu jkunu mgħammra għal ktieb bħal dan, minkejja kemm seta’ tfassal bir-reqqa għal etajiet speċifiċi. Ktieb li xorta wieħed għandu jippruvah u jinvesti fih, anki għax kapaċi jagħti esperjenza interessanti ta’ qari bejn il-ġenitur u l-wild, bit-tnejn jitgħallmu u t-tnejn jieħdu gost jesploraw il-potenzjal tal-Malti kif kapaċi toħorġu Ellul.
Imma l-imma hawn toħroġ, għax tibda anki tistaqsi kemm ċertu esperimentazzjoni tista’ tintlaqa’ u tiġi adottata. Xogħol Ellul huwa bbażat fuq l-eżempju tal-ħemel kotba sbieħ tat-tfal li jinħadmu barra minn xtutna, imma li nissuspetta li għandhom dak l-appoġġ teoretiku pedagoġiku li jista’ jtihom sies sod fuq xiex jibnu x-xogħol. Bl-istess mod, jekk għat-tfal tagħna l-Malti se jibqa’ l-eżami dwar id-diminuttiv ta’ dar, imma wkoll ta’ id, jew inkella s-superlattiv assolut ta’ sħun (li dejjem għandu jkun sħun banju, imma ma jistax ikun sħun pastizz jaħraq għadu ħiereġ mill-forn), għidli daqsxejn kif sejjer tħajjarhom jaraw ftit ilsienhom x’kapaċi jagħmel tassew.
Hemm kompromessi editorjali oħra li jtaffu r-riskji li xorta jridu jittieħdu. F’idejn kittieba bravi, hemm spazju għat-tnejn. Fil-każ ta’ John A. Bonello, terġa’ toħroġ storja oħra fis-sensiela popolari ta’ Irvin Vella, magħrufa għas-suċċess kostanti tagħha u anki għall-imħabba tal-qarrejja ċkejknin għal dan il-karattru. L-investigatur virtwali did-darba għandu jsolvi Il-Każ tal-Ħabsi bla Ħtija, u Bonello jirnexxilu jżomm lill-qarrej bi plott linerai iżda koinvolġenti, Malti pjuttost milqut u kurrenti għall-età fil-mira, u anki storja b’għeruqha fil-ħajja ta’ kuljum li l-qarrejja mhux bilfors jgħixuha imma żgur qed jibdew jirreġistraw il-ħjiliet tagħha. U mbagħad hemm l-isfida tat-traduzzjoni, imwettqa b’suċċess ukoll mill-Merlin bis-saħħa tas-sensiela Sherlock, Lupin u Jien, għal tfal qed joqorbu l-ewwel -axijiet.
Sensiela ta’ suċċess oriġinalment bit-Taljan, u maqluba minn Dwayne Ellul, fost l-oħrajn lessikografu u manipulatur espert tal-kelma Maltija, Il-Katidral tal-Biża’ għandu Malti rikk li ma jbeżżax, anzi ekwilibrat b’tali mod li jinftiehem kuntestwalment, ikellem lill-qarrej bi lsien modern dwar tematika li għandha mill-antik jew l-imgħoddi, u kapaċi jiżgħed il-vokabolarju ta’ dak li jkun bi kliem li jmur lil hinn mill-folkoristiku kważi inutli ta’ wejda u mwejda. Sfida kbira għat-traduttur Malti ta’ kważi kull test barrani li mhuwiex il-letteratura klassika: it-tmaħħiħ kontinwu dwar l-għażla tal-kelma u t-tiftixa ta’ ekwilibriju prekarju, għas-sempliċi fatt li l-qarrej qiegħed dejjem f’moħħ it-traduttur, li ma jridx ibiegħdu jew idarrsu. U billi m’għandux dak is-sies li semmejna aktar fuq, irid jagħżel b’reqqa li ġġennen: għax tifel jaf ikun sema’ b’gorboġ u girna – fair game għax indikaturi kulturali qawwija għal ilsienna – imma x’garanzija għandek li jaf (u hawn qed nieħu bl-addoċċ mill-ktieb) x’inhuma pożati u sotterani (forsi jitgħallimhom minn hawn), inkella trasformiżmu, li drabi tiddubita jkunx jafha l-għalliem jew forsi tkun waħda mill-kliem tabù f’ġieħ il-mit persistenti tas-safa tal-ilsien? Lil hinn minn kull polemika, għax jien magħmul ninkwieta u nixtarru wisq dan l-inkwiet, is-sensiela tal-Merlin hija waħda rebbieħa, daqs ta’ Irvin Vella, minħabba l-element polizjesk u investigattiv, kif ukoll anki għall-oriġinalità tal-kunċett li jwaħħad flimkien ġustizzja u kriminalità letterarja storiku, bejn Sherlock Holmes u Arsène Lupin, u l-kittieba-narratriċi Irene Adler, li x’aktarx kienet l-unika interess ta’ mħabba ta’ Holmes fir-rumanzi ta’ Conan Doyle.
Nota dwar l-aħħar ktieb ġdid tal-Merlin. Bl-Ingliż u gwida għat-tfal u l-familji dwar mixjiet sbieħ u interessanti f’Malta u Għawdex. L-ewwel ktieb fis-sensiela Steps jeħodna fiċ-ċentru ta’ Malta, b’mawriet mhux biss tipikament kampanjoli bħal dawk lejn ir-Rabat, imma anki l-interess tal-iskoperta urbana bejn Tas-Sliema u l-Belt. Proġett tal-awturi Amanda Zahra u Clinton Cassar li beda bħala parti mill-Masters tagħhom fl-Iżvilupp Sostenibbli, u li jagħmlu differenti minn kotba oħra Maltin ta’ dan it-tip hu l-enfasi fuq is-sostenibbiltà u t-tqabbil ta’ kull mixja u eżerċizzju mal-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDG) kif imfassal min-Nazzjonijiet Uniti li jridu jintlaħqu sal-2030.