Ara ġejja l-poeżija għalik

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jħares lejn il-poeżiji ta’ John P. Portelli fil-ktieb Meta tasal, tasal (Horizons), u jħabbat wiċċu maż-żewġ temi li jserrpu fil-ktieb, imma anki f’ħajjitna: l-imħabba u l-mewt

Kieku wieħed kellu jaqbad il-letteratura kollha li qatt inkitbet f’kull rokna tad-dinja, jitmagħha lil xi magna tal-intelliġenza artifiċjali, u jitlobha toħroġ bi klassifika tal-iżjed suġġetti li niktbu dwarhom aħna l-bnedmin, nissuspetta li jiddominaw żewġ suġġetti: l-imħabba u l-mortalità. Żewġ temi li pjuttost huma relatati ma’ xulxin: l-imħabba — lejn in-nies, l-annimali, l-oġġetti, id-dinja — tkabbar is-sens ta’ biża’ mill-mortalità u d-diqa li nħossu hekk kif dak li nħobb jilħaq tmiemu. U bil-kontra wkoll; dak li nitilfu jew nafu li daqt nitilfu ngħożżuh iżjed. 

Il-mewt tiġi għal kulħadd. “Ara ġejja l-mewt għalik,” tfakkarna l-logħba-rima tradizzjonali tat-tfal. Allaħares toqgħod taħseb f’dan il-fatt għax kieku kif se ssib il-motivazzjoni jew saħansitra l-kuraġġ biex tagħmel xi ħaġa? Il-mekkaniżmu ta’ kull ħlejqa biex tkampa f’din l-eżistenza mortali hi li kemm jista’ jkun twarrabha minn moħħha: ladarba ma nistgħu nagħmlu xejn dwarha, għalfejn ninħlew fuqha? Meta tasal, tasal. 

Hekk isemmi l-aħħar ġabra qasira ta’ poeżiji tiegħu John P. Portelli — Meta tasal, tasal, ippubblikata minn Horizons. Fiha jittratta mhux sens ta’ indifferenza lejn il-mortalità, lanqas xejn, iżda l-ħtieġa li nifhmu li d-dinja u l-mewt imorru id f’id, li ħafna drabi aħjar tinsa għax inkella kif se nkampaw meta niftakru fit-telfien dejjem joqrob ta’ kulma nħobbu, b’mod partikolari f’dawn il-poeżiji l-qraba (speċjalment tfal), in-natura, u l-Istat bħala dar. 

Iċ-ċavetta nsibuha litteralment fl-ewwel kliem li nsibu fil-ktieb, it-titlu tal-ewwel poeżija: “Tgħid il-mewt tinżel aħjar jekk taċċettaha?” Din il-mistoqsija hija emblematika ta’ dak kollu li jsegwi. Irridu naċċettaw dan il-fatt biex insibu l-kuraġġ inkomplu fil-konfront tal-mewt potenzjali jew reali, minflok ma nispiċċaw fi stat perpetwu ta’ paraliżi. Imma taċċetta xiex eżatt? Il-mewt tiegħek? Ta’ sħabek? Ta’ ommok jew ta’ bintek? F’din l-ewwel poeżija ma nsibux tweġiba ċara iżda tagħqid ta’ episodji jew ħsibijiet differenti. Il-poeżija, kemm jista’ jkun, ma tagħtix kollox bl-imgħarfa. 

Għal kwalunkwe poeta, il-vrus fuq il-karta huma l-mod kif jagħmel sens mill-ħajja u jasal għal din l-aċċettazzjoni. U għalhekk nispiċċaw bil-paradoss li huwa dan il-ktieb: minn naħa, għandna l-idea li għalxejn tipprova taħrab il-mewt, la tiegħek u lanqas tal-għeżież; nafu li ġejja imma rridu nitfuha minn moħħna. U min-naħa l-oħra, mhux talli ma ntfietx, talli għandna sensiela ta’ poeżiji jirriflettu proprju fuq is-suġġett. Għax wara kollox, il-mewt qiegħda madwarna l-ħin kollu u mhux daqstant faċli tinjoraha. M’għandniex swiċċ li kemm tagħfsu u lest. Anzi, li tinsa hu att li jeħtieġ ħafna sforz, forsi anki intervent divin, jgħidilna l-poeta f’‘L-aħħar li ltqajna’: “Inti tittama li ma tara ’l ħadd aktar jitlaq; / jiena nitlob biex ninsa.” 

Ħafna mill-poeżiji huma personali, kif jidher mill-postijiet li jissemmew f’Malta u f’Toronto, żewġ postijiet li meta jingħaqdu mal-kitba bil-Malti bilfors li jiġu assoċjati ma’ Portelli. Iżda huma wkoll, u naħseb sa estent ogħla, poeżiji politiċi. “Kulħadd għandu dritt imut fejn jixtieq, kif jixtieq,” insibu fil-poeżija ewlenija, dikjarazzjoni mogħtija bħala fatt iżda li, kemm f’Malta kif ukoll barra, toħloq polemika kbira. Bħal kull fehma politika dan huwa biss ideal. Il-mewt mhix hekk, ma tiddeċidihiex int, ma tafx meta ġejja u meta tasal, tasal. 

Dan is-sens ifeġġ f’‘Żarbuna roża’, fejn għall-ewwel darba fil-ġabra, imma mhux l-aħħar, il-poeżija tesplora l-mewt għal għarrieda: “x’tiswa żarbuna bla sieq?” Din mewta kkawżata bla bżonn minn intervent uman, f’dan il-każ il-“pjaga Lhudija” tal-gwerra f’Gaża. Din it-tema tirritorna f’xi poeżiji oħra, fejn is-sens ta’ stennija ma jibqax neċessarjament marbut biss mal-mewt; pereżempju f’‘Tini ħlewwitek’, “tistenna b’qalb qawwija xi darba / jħalluk tidħol f’artek misruqa, / u terġa’ tgħannaq lil ibnek / li ilhom li qatlu.”  

Il-poeżiji Palestinjani, u ftit oħrajn, huma mxerrdin tul il-ktieb iżda huma distinti mill-bqija tal-ġabra bl-użu tal-korsiv fit-titlu, fit-test u anki fil-werrej. Il-poeżiji tal-korsiv tgħaqqadhom, fuq kollox, il-gwerra: fil-Palestina, fl-Ukrajna, u l-effetti ta’ gwerra mgħoddija f’Auschwitz. U minn dawn nintebħu li “Meta tasal, tasal” mhix biss frażi li tingħad b’sens ta’ rassenjazzjoni imma wkoll twissija. Meta tibda x-xita ta’ bombi, tasal il-mewt, u ma tantx nistgħu nagħmlu biex naħarbuha. Ħlief li litteralment naħarbu, kif naraw f’‘Tistenna’, li tlaqqagħna ma’ omm f’San Pawl il-Baħar titlob u tistenna bil-ħerqa li tisma’ li wliedha wkoll irnexxielhom jaħarbu mill-Ukrajna u jinsabu fi triqithom lejn Malta. Din il-qerda estrema bla bżonn kif tista’ taċċettaha? 

Is-sens poetiku ma joħroġx biss mill-kliem. Teknika li laqtitni ħafna f’din il-ġabra kien l-użu ta’ żewġ ritratti, bl-iswed u l-abjad, bla mistenni f’nofs il-ktieb u fl-aħħar. Juru figuri misterjużi bla wiċċ li minn naħa jixbhu l-figura tradizzjonali tal-mewt, li fil-kultura Maltija mhijiex il-Grim Reaper iżda mara, u min-naħa l-oħra jfakkru wkoll f’nisa ta’ fidi, kemm mill-Palestina, kif ukoll mill-Knisja Ortodossa tal-Ukrajna. U b’hekk jirriflettu l-qofol tal-poeżiji, magħmula iżjed effettivi mill-fatt li, bħall-mewt, jitfaċċaw f’daqqa mingħajr ebda tħabbira. 

Din mhix ġabra għal dawk li jfittxu fil-poeżija immaġnijiet memorabbli. Inħoss li ftit li xejn hemm minnhom. Portelli togħġbu t-teknika tar-repetizzjoni u f’xi mumenti anki tar-ritornelli; hemm immaġnijiet li jirrikorru, bħad-dielja u l-għalqa, imma xejn li jibqa’ f’moħħok. Minflok isiru osservazzjonijiet li jwassluk tirrifletti. Huma poeżiji realisti, b’attenzjoni għad-dettall minsi, kultant iqarrbu lejn ġabra ta’ rikordji. Il-poeta jsib paralleli fin-natura għal dan is-suġġett diffiċli: il-ħajt tas-sejjieħ mifni bil-piż niggieżi tal-bajtar tax-xewk, il-bebbux kważi wieqaf paralizzat. Jadotta stil konfessjonali u ton ħosbien, spiss iżda mhux dejjem fit-tieni persuna. 

Il-mewt paradoss. Għall-persuna li tħallina, il-mewt it-tmiem ta’ kollox. Għall-qraba, sakemm tasal l-aċċettazzjoni, l-istess. Imma għal ħaddieħor xejn mhu xejn, ġurnata bħall-oħrajn. Min f’tieġ u min f’funeral, ifakkarna f’mument minnhom il-poeta. Huwa dan il-paradoss li jgħaqqad il-linji personali u politiċi esplorati f’din il-ġabra. Tieġ jinbidel f’funeral b’ħeffa kbira. Memento mori, għax il-gwerra ma tafx meta se tasal fuq l-għatba tiegħek. U meta tasal, tkun waslet. 

More in Arti