
Tixtieq issir voluntier fl-Arkivju Prinċipali?
"Permezz ta’ dan il-volontarjat, l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern qed jagħti ruħ ġdida lill-Arkivju Prinċipali tiegħu billi jagħmlu dejjem aktar aċċessibbli b’mezzi elettroniċi online"

L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern għadu kemm ħareġ mill-ġdid is-sejħa għall-voluntiera fl-Arkivju Prinċipali tiegħu fi Triq Mikiel Anton Vassalli, il-Belt Valletta. Il-voluntiera se jkunu jistgħu jgħinu fid-diversi proġetti tal-Uffiċċju partikolarment fid-diġitalizzazzjoni tal-volumi fl-Arkivju Prinċipali.
Permezz ta’ dan il-volontarjat, l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern qed jagħti ruħ ġdida lill-Arkivju Prinċipali tiegħu billi jagħmlu dejjem aktar aċċessibbli b’mezzi elettroniċi online. Fuq kollox, din id-diġitalizzazzjoni tgħin ukoll biex il-volumi fl-Arkivju Prinċipali jinżammu preservati aħjar, bosta minnhom b’dokumenti li jmorru lura sas-Seklu 15!
Jekk tixtieq tkun parti minn din l-esperjenza ġdida u tingħaqad ma’ persuni oħrajn li bħalek għandhom l-istess passjoni għall-wirt dokumentat, u tista’ toffri ftit ħin prezzjuż minn tiegħek filgħodu, waranofsinhar u anke filgħaxija, issa huwa l-waqt tiegħek. Anke ftit sigħat jagħmlu differenza kbira. Is-sejħa tagħlaq fil-31 ta’ Marzu u se jingħata taħriġ adegwat lill-voluntiera kollha.
Dawk interessati jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern permezz ta’ email lil [email protected] jew inkella billi wieħed jaċċessa s-sejħa għall-voluntiera fuq is-sit elettroniku tal-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern https://ntg.gov.mt/.