Kotba | Storja ta’ mara
Ramona Depares tibni b’ħila l-istorja vera imma anki fantastika ta’ leġġenda li kienet ukoll kapaċi timmanifattura l-leġġendi dwarha stess. Mark Vella jaqra Katya – Easy on the Tonic
Lil Katya niftakarha sew, għalkemm triqatna qatt ma ltaqgħu. Kienet mit f’Tas-Sliema, fejn il-miti jaf ikunu aktar partikolari, forsi sofistikati aktar minn tal-irħula u ta’ bliet oħra. Ħabib li jispirali bosta trovati eċċentriċi biex niktibhom f’dawn l-artikli kien ilaqqam lil tas-Sliema ‘l-Oslo ta’ Malta’, b’Oslo li tista’ tiġi sostitwita b’kwalunkwe belt dinamika Ewropea oħra. Mhux għax aħna s-Slimiżi xi razza speċjali, imma donnha anki Ramona Depares, fl-ewwel battuti ta’ Katya: Easy on the Tonic (MGRM, 2022), donnha tħoss il-bżonn li tfakkarna li Robert Formosa, li mbagħad sar Katya, twieled u trabba f’dal-‘genteel town’ abitat mis-servizz Ingliżi u saff borgiż ta’ Maltin sikwit ta’ nisel Belti u taż-żoni tal-port.
Għax jista’ jkun li storja bħal din setgħet seħħet biss Tas-Sliema, bħal fil-każ tal-mit l-ieħor tat-tewmin Collinson li dehru fuq il-Playboy fl-1970 u kellhom karriera qasira fiċ-ċinema l-Amerka. Xorta waħda, anki jekk tkun mit f’Tas-Sliema taqa’ fi lsien in-nies u tkun oġġett ta’ skandlu daqs imkejjen oħra, imma fenomeni soċjali bħal dawn għandhom dejjem aktar it-togħma tal-ibliet, bħallikieku l-aħħar art minn fejn titlaq timraħ, jonkella l-imkejjen fejn il-possibilitajiet, anki dawk tal-immaġinazzjoni ta’ dak li tista’ tkun u ssir, huma dejjem akbar. Lil hinn mill-oriġini, madankollu, l-appell ta’ Katya mar lil hinn mill-fruntieri Slimiżi: apparti l-qabża rari u kuraġġuża tas-safar lejn il-mhux magħruf, inkella lejn fejn kollox jista’ jseħħ, l-effett tal-personalità tagħha f’Malta nħass fl-erbat irjieħ tal-gżira, kif naraw mix-xhieda miġbura minn Depares hija u tfittex l-istejjer u r-reminixxenzi min-nies li kienu jafuha, kif ukoll tar-rwol li ħadet ta’ protettriċi ta’ omosesswali ħerġin f’ambjent tant repressiv.
Xogħol Depares ma kienx faċli, u kważi kważi huwa x-xogħol li ġurnalista mkissra bħalha seta’ jwettqu. Għaliex l-analiżi hija ta’ persuna li kienet leġġenda fi żmienha, imma mhux għal xi kisbiet partikolari, lil hinn minn kull inkontru li setgħet kellha mal-famuż u mal-għani, imma għall-istonku biex tieħu t-triq li trid għal ħajtek f’Malta konservattiva li damet ħafna, forsi wisq, biex teħles mill-ktajjen kbar fuq il-libertajiet ċivili. Jekk illum LGBTIQ+ hija sigla fuq fomm kulħadd, ma rridux immorru wisq ’il bogħod biex ninviżtaw il-ġlidiet li wasslu għal-libertajiet li għandna llum, sew dawk lajċi bħad-divorzju u ċ-ċensura, imma, fil-każ partikolari, il-kisbiet ta’ għaqda bħall-MGRM, il-pubblikatur ta’ dan il-ktieb, li l-id sfiqa tagħha tgħaġġbek bil-ħeffa u l-qawwa ta’ kif imbuttat l-aġenda tagħha.
L-MGRM qegħdin ukoll jaħdmu qatigħ biex minnufih jirrekjordjaw dan il-legat importanti, anki kif għamlu b’A Seat at the Table ta’ Simon Bartolo, li fl-2018 ħa x-xhieda tal-komunità dwar il-mod kif il-moviment LGBTIQ wasal biex jikseb il-leġittimità soċjali u politika tiegħu. Żmien Katya, meta nqabbluh, kien il-baħħ totali, b’xi mod anki għal moviment b’xi mod kontigwu bħal dak Femminista, u anki fil-letteratura, ngħidu aħna, l-omosesswalità u l-ħarba kienu mottivi ewlenin u urġenti imma fl-istess ħin issuġġeriti minn taħt l-ilsien jew inkella mkeffna f’liżar allegoriku. Ta’ min insemmu l-ewwel xrariet tad-diskors dwar dik li konna nsejħu limitatament l-‘omosesswalità’, anki qabel id-diskussjoni dwar il-ġeneru, bi programmi televiżivi u radjufoniċi, fosthom Xarabank, imma anki bix-xogħlijiet ta’ Joseph Chetcuti ta’ tmiem id-disgħinijiet li qanqlu l-għadab konservattiv u jaf anki firxu s-sodda għall-bżonn urġenti li d-diskriminazzjonijiet jiġu rikonoxxuti u dibattiti, imma li jinqerdu darba għal dejjem.
Bħal fil-każ tax-xogħlijiet ta’ Paul P. Borg marbuta ma’ Carmel Attard, poeta li lejn l-istess żminijiet ikkumbatta sew mas-solitudni tal-omosesswali skartat sew ma’ problemi ta’ saħħa mentali, Easy on the Tonic jolqot ukoll dawn iż-żewġ tabujiet f’Malta mhux imħejjija għalihom, jew aħjar li ma tridx taffrontahom. L-istorja kif irriċerkata u miktuba minn Depares għandha l-leġġerezza taċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajja spettakolari, iżda xorta mhijiex ħajja tal-qaddisin, u tagħti biżżejjed spazju lill-problemi li għaddiet minnhom Katya, x’aktarx l-ewwel persuna transgender iddikjarata f’Malta, fosthom problemi ta’ kriminalità żgħira, faqar anki marbut mal-assenza mir-rikonoxximent tas-sistemi soċjali, kif ukoll il-konsegwenzi ovvji għas-saħħa mentali.
Depares tikteb ta’ ġurnalista, u anki meta ċertu waqtiet jinħassu xotti daqs artiklu kwalunkwe tat-Times, tara minn fejn ġejja, partikularment minħabba l-impenn lejn il-verità u r-responsabbiltà storjografika, imma anki l-empatija u l-umanità tal-bijografa. Anki jekk tagħti ċ-ċaħdiet neċessarji ta’ qabel li xogħolha mhux se jkun aġjografija mżejna biz-zokkor u li se ssemmi l-imrar, jirnexxilha żżomm bilanċ pjaċevoli bejn l-ammirazzjoni għall-ikona u l-ħarsa kritika li neċessarjament toħroġ mir-riċerka u x-xhieda differenti. Bħalma ntqal fuq, hija storja li diffiċli tirriċerkaha għaliex titkellem dwar persuna bi ftit legat dokumentat, iżda l-leġġendarjetà tagħha tant misset nies li l-istorja tista’ tiġi rrakkuntata minn min kien jafha. Hemmhekk ukoll il-gost tan-narrazzjoni ta’ Depares, li jkollha tqabbel ix-xhieda biex tara liema verżjoni, jew tagħqida tagħha, tkun tista’ tiġi kkorraborata biex toqrob l-aktar lejn il-verità: anki għax il-mit ta’ Katya kien ġej mill-paradossalità tal-miti u l-persunaġġi diversi li kienet hi u li kienet toħloq dwarha nnifisha.
Easy on the Tonic joħroġ bħal dokument importanti dwar figura li, jekk apparentement minima fin-narrattiva l-kbira kif iddettati mis-setgħa u/jew is-setgħana, ħalliet, sempliċement bil-libertà ta’ kif għażlet li tgħix ħajjitha, mudell għal ġenerazzjoni. U ta’ dan, ħaqqha tiġi miftakra u mdaħħla fl-istorja popolari u urbana ta’ poplu, u bħala indikatur ewlieni ta’ kif iseħħu mill-qigħan safliena nett il-ġlidiet għall-bidliet il-kbar fis-soċjetà.