Kotba | Bejn ħrejjef u sħaħar tal-lum
Noel Tanti, fl-ewwel reċensjoni tiegħu f’din il-paġna jaqbad f’idejh il-Ktieb tas-Sħaħar, id-debutt ta’ Rowena Grech, ġabra ta’ ħrejjef miktuba mill-ġdid għal-lum
Il-ħrejjef huma fergħa għammiela fir-rakkontar tal-istejjer li ilha tixxebblek magħna sekli sħaħ. Illum il-ġurnata x’aktarx li aħna familjari magħhom permezz ta’ rappreżentazzjonijiet ċinematografiċi jew televiżivi. Biss biss, il-kumpanija Disney għandha kważi monopolju fuq l-għarfien kollettiv ta’ dawn l-istejjer għax l-ewwel esperjenza ta’ ħafna nies mad-dinja u l-karattri fantastiċi tal-ħrejjef hija dik proposta mill-ġurdien ta’ widnejh kbar.
Hawn min jgħid li verżjonijiet minn djar tal-produzzjoni kbar inaqqru l-integrità tal-istejjer. Iżda dan huwa żball. Hemm żewġ tipi ta’ ħrejjef — dawk li huma anonimi u li ġew trażmessi oralment minn ġenerazzjoni għal oħra; u dawk, bħal ta’ Hans Christian Andersen, li huma datati u ffirmati. Għalhekk, għal dawn tal-aħħar, għandna sors oriġinali ma’ xiex nistgħu nqabblu adattament. Imma fejn jidħlu ħafna ħrejjef oħra, m’għandniex. Pereżempju, jeżistu bosta verżjonijiet tal-istorja ta’ Ċiklemfusa (Cinderella), forsi l-iktar popolari huma tal-aħwa Grimm, ta’ Charles Perrault u ta’ Walt Disney. Imma l-iktar verżjoni bikrija li għandna ġejja miċ-Ċina u hija tas-seklu disgħa. L-ebda waħda mhi bħall-oħra u hemm minnhom li huma differenti sew minn xulxin. Liema hija ‘t-tajba’?
Ma teżistix. Għax il-ħrejjef huma ritratt sfukat ta’ għarfien, użanzi, istinti u modi ta’ ħajja li jiżfnu bejn il-konxju u s-subkonxju, individwali u kollettiv. Ma ninsewx li anki dawk il-ħrejjef miktubin minn awturi magħrufa huma l-frott ta’ tradizzjoni u ambjent partikolari. Il-ħrejjef jitkellmu dwar il-qagħda kurrenti ta’ meta ntqalu jew inkitbu – għalhekk jibqgħu ħajjin u jibqgħu relevanti. Apparti minn hekk, il-ħrejjef għandhom fruntieri porużi ħafna u l-influwenzi tagħhom huma numerużi, mhux lakemm taqta’ linja.
Fl-ewwel xogħol ippubblikat tagħha, Ktieb tas-Sħaħar (Klabb Kotba Maltin, 2022), Rowena Grech ma taqta’ l-ebda linja. Infatti, minkejja li t-titli tal-istejjer jirreferu għal ħrejjef speċifiċi, il-kontenut ivarja: minn satira għal parodija, minn kummenti soċjopolitiċi għal rakkonti allegoriċi. Hemm stejjer li huma adattament jew aġġornament tal-ħrejjef kif bejn wieħed u ieħor nafuhom; imma wħud minnhom jagħtu biss nifs ta’ ħjiel tas-sorsi tagħhom.
Fost dawn hemm pereżempju “Bajda Silġ” u “Pinokkjo”, li lanqas tista’ tqishom ħrejjef essaċċ. Grech neżżgħathom kompletament mill-maġija u l-fantasija, tant li saru rakkonti realistiċi fejn isem il-karattri prinċipali mhu xejn għajr referenza niggieża lejn l-istejjer li ispirawha. M’hemmx ambjent li jagħtik sens ta’ dinja oħra li infiltrat dik tagħna u li minnha nistgħu nittawlu lejn żewġ realtajiet simultanjament. Il-ħrejjef għandhom laqta realistika għax jitkellmu dwar faqar, mewt, ġustizzja u tbatija; imma jagħmlu dan minn lenti fantastika.
Fl-aqwa stejjer li nsibu f’din il-ġabra, Grech tislet rakkonti ambjentati f’realtà magħmula mid-demm u l-konkos, imma ma toqgħodx lura milli taħfen idjoma fantastika fejn is-seħer huwa meqjus xi ħaġa normali ta’ kuljum. “Id-Daqqaq tal-Fifra” hija dwar il-qerq istituzzjonalizzat u kif f’tali ekosistema, iż-żgħir huwa dak li fl-aħħar mill-aħħar se jbati — anki għax xi minn daqqiet jitfa’ l-ġebla fuq saqajh. F’din il-ħrafa, in-nagħaġ jirrappreżentaw dak is-saff tal-popolazzjoni li ma jridx jaħseb, li ma jridx jitgħabba b’responsabbiltà u aġenzija fejn tidħol it-tmexxija ta’ ħajtu. Iżda kollox għandu prezzu u, skont Grech, il-konsegwenza ta’ din l-indifferenza hija l-inkapaċità li torqom viżjoni ta’ ħajja aħjar.
Grech ma toqgħodx tispjega għalfejn in-nies huma nagħaġ, jew tipprova tiġġustifika d-deċiżjoni ‘stupida’ tar-rappreżentant tal-ħakem li jqabbad daqqaq tal-fifra biex isolvi gażiba politika. Dawn l-affarijiet huma skontati għax qegħdin naqraw ħrafa u l-ħrejjef jeżiġu mill-qarrej twemmin fil-fantastiku u mhux spjegazzjoni tiegħu.
F’“Rapunzel”, Grech tlaqqgħana ma’ tfajla li l-ġenituri tagħha jpartuha ma’ gozz nagħniegħ. Titrabba minn zijitha f’ambjent estremament reliġjuż, maqtugħa minn kollox u minn kulħadd. Iżda l-iżvilupp bijoloġiku mhux lakemm twaqqfu kif ġieb u laħaq u Rapunzel, issa tfajla, ikollha x’taqsam mal-ġennien. Hawnhekk Grech, minflok ma’ waqgħet fl-ovvju u dawret il-ħrafa f’parabbola bi twissija jew tagħlima dwar is-sess ‘illeċtu’, ħadet triq oħra bi tmiem li jkexkex, kemm minħabba f’dak li jiġri kif ukoll għall-implikazzjonijiet li jqajjem.
Hekk kif isir l-iskambju tat-tarbija mal-ħwawar, Grech tagħmilha ċara mill-ewwel li qed naqraw ħrafa. Iżda dan ma jfissirx li t-temi tal-istorja huma fittizji. Grech tgħid kif il-manipulazzjoni ideoloġika, meta tiġi internalizzata, hija qagħda insidjuża li tagħmel persuna vittma, aggressura, ġurija, imħallfa u bojja fl-istess ħin. U din narawha fi ġrajjiet kurrenti li naqraw dwarhom prattikament kuljum.
Bħal dawn hemm ħafna oħrajn fil-ktejjeb ta’ Grech, bħal ngħidu aħna, “Il-Qattus bil-Buz”, “Is-Sbejħa u l-Monstru”, u “Ġakbu u s-Siġra tal-Fażola”. Ovvjament hemm stejjer aħjar minn oħrajn. Huwa estremament rari li f’ġabra tolqot il-likk kull darba, speċjalment meta qed nitkellmu dwar debutt.
Qabel intemm din ir-reċensjoni, xtaqt ngħid xi ħaġa dwar ir-ritratti li hemm fil-ktieb. Xi wħud mill-istejjer huma akkumpanjati minn ritratti tal-awtriċi liebsa ta’ karattri mill-ħrejjef. Din il-ġabra, apparti isem Grech fuq il-qoxra, għandha wkoll xbihietha fuq ġewwa. Dawn l-istejjer ma waqgħux mis-sema – kitbithom hi wara li qrat jew rat verżjonijiet tagħhom. Għalhekk, permezz tar-ritratti, Grech qed tippreżenta lilha nnifisha mhux biss bħala l-vuċi li qed tirrakkonta l-istejjer imma wkoll bħala qarrejja u kittieba fi żmien partikolari li huwa ddominat mill-immaġni, speċjalment mill-istessi. Grech żiedet saff ieħor ta’ kif wieħed jesperjenza l-ħrejjef u dan it-tip ta’ żvilupp huwa eżattament dak li żammhom ħajjin u relevanti minn żmien għall-ieħor.