Kotba | Tingiża soċjali bi thriller
Patrick J. Sammut jaqbad f’idejh it-tieni edizzjoni ta’ L-Għalqa tal-Iskarjota ta’ Alfred Sant, u jifli t-tingiż soċjali tiegħu f’Malta kontemporanja.
Dan hu rumanz ta’ 417 paġna, maqsum f’63 kapitlu. Ġeneralment dawn il-kapitli huma qosra u xi oħrajn mhux twal ħafna. Dan iħeġġeġ lill-qarrej ikompli jaqra minn kapitlu għal ta’ wara bla ma jegħja. Fin-nisġa tar-rakkont hemm waqtiet meta n-narratur onnixxenti u omnipreżenti jindirizza direttament lill-qarrej u jieħdu lura u ’l quddiem fiż-żmien, skont il-bżonn. Kollox jibda mill-ħtieġa li jinsab materjal tajjeb u biżżejjed biex jinħadem l-aħħar programm ta’ Kwis Kwam, programm televiżiv segwit ħafna mill-pubbliku Malti.
Ta’ min ifakkar li Alfred Sant hu bniedem li qara ħafna u huwa familjari qatigħ ma’ bosta oqsma tal-għerf bħalma huma x-xjenza, l-istorja, il-politika, il-ġeografija u l-letteratura. Anki f’dan ir-rumanz – bħal f’Ir-Rumanz tal-Fieres Safran – Malta titqiegħed fiċ-ċentru ta’ avvenimenti storiċi dinjija importanti ħafna. Donnu Sant irid ifakkarna li għalkemm fiżikament tagħna huma gżejjer ċkejknin, kulturalment, storikament u arkeoloġikament għandna wirt enormi li jgħaqqadna ma’ popli u pajjiżi differenti. Ifakkarna wkoll, permezz tal-Professuri Dillinger u Wali Aħmed li “l-passat hu l-mera tal-preżent u tal-futur” (p. 329).
Aspett ieħor importanti hu dan: sa mill-ewwel paġni wieħed jifhem li Alfred Sant huwa osservatur attent ħafna tas-soċjetà Maltija kontemporanja. Huwa jispikka l-iktar bħala intellettwali li ma jaħfirha lil ħadd, fosthom lil min jaħdem fid-dinja tal-midja, tal-politika, tal-akkademja, imma anki lill-ispekulaturi fil-qasam tal-kostruzzjoni, xi wħud minnhom bil-mira li jsiru sinjuri u mhux biex jaqdu dmirhom bħala professjonisti serji. Għalhekk it-ton ironiku sottili li jniggeż ma jonqosx. It-tingiża soċjali tidher anki meta jissemmew avukati li jibdlu l-ikbar kriminali fi bċieċen, vilel mibnijin bla permess f’postijiet fejn mhux suppost, il-qirda tal-kampanja, il-fatt li spiss il-ministri jaħarbu milli jaffaċċjaw problemi veri bħalma hi l-immigrazzjoni illegali. Silta oħra fejn hemm it-tingiża soċjali hi din:
Qed tgħidilna li aħna poplu li ngħixu bl-għakkarija. Konna ngħixu mill-għakkarija, għadna ngħixu bl-għakkarija u se nibqgħu ngħixu fl-għakkarija. Ilu ħafna, l-għakkarija tagħna kienet tqum il-ħbub u kienet tiffanga fuq il-gaxin tas-suldati u l-baħrin... Illum l-għakkarija ngħixu fiha billi nitħallsu talli ma naħdmux, jew billi nidħqu b’min joħroġ flus tajba għal dak li nbigħulu, jew billi nibnu appartamenti fuq appartamenti li m’hemmx bejgħ għalihom u niftaħru li l-prezz tagħhom dejjem jogħla, jew billi naraw kif se nobormu xi kuntratt mill-Ewropa għal toroq li jsiru ħażin... għakkarija bil-miljuni fejn qabel kienet għakkarija bis-soldi. Progress, ma jidhirlekx? (p.210)
Fuq livell ta’ stil, l-azzjoni bħal timxi bil-mod għalkemm għaddejja l-ħin kollu n-narrazzjoni. Sant jibni ċerta tensjoni fil-qarrej, flimkien ma’ sens ta’ stennija u kurżità li jikluh. Dun Timmy, il-kappillan ta’ Ħaż-Żnuber, żgur li jfakkar fir-rakkonti gotiċi ta’ xi Edgar Allan Poe jew H.P. Lovecraft. Il-fatt li Dun Timmy jgħix f’raħal kważi vojt imma jsostni li ma jgħixx waħdu, joħloq ċertu bard fil-qarrej. Jgħaddu f’moħħ dan tal-aħħar għadd ta’ mistoqsijiet: Kif tintrabat l-għalqa tal-Iskarjota maċ-ċiviltà Punika? X’taħbi fiha din l-għalqa? Min huma eżattament ta’ Tonna? Xi tfisser il-kelma “tell”? Fejn twassal il-mina mħaffra taħt l-istess għalqa u x’hemm moħbi f’dawn il-labirinti sotterranji? Ta’ min huma l-kampjuni tad-demm miġbura minn taħt il-ħarruba? X’kien id-dell li straħ fuq Bertrand hu u rieqed taħt il-ħarruba fl-għalqa tal-Iskarjota? Dawn il-mistoqsijiet kollha jirriflettu wkoll il-fatt li bosta qed jaħbu parti żgħira jew kbira mill-verità wara l-misteru tal-għalqa tal-Iskarjota, verità li matul ir-rumanz toħroġ bil-mod il-mod.
Sant jagħtina wkoll tagħrif ġdid bil-mod il-mod u dan ikompli jagħti l-ħajja lir-rakkont. Ma jonqsux waqtiet meta l-awtur joħloq tbissima fil-qarrej bħal pereżempju meta jissemma iktar minn darba Ġanni u l-kilba tiegħu għall-panini bis-salami waqt il-laqgħat importanti. Inklużi hemm ukoll waqtiet ta’ natura erotika, bħal meta Petta Luca taqra silta mir-rumanz tagħha, inkluża fir-rumanz ta’ Sant stess (Kap. 12). Element ieħor huwa dak tar-rakkont detective jew tat-thriller. Hemm waqtiet meta Sant joħloq ċerta tensjoni fil-qarrej apposta biex b’hekk jidħol iktar fl-idea tat-thriller (Kap. 30). Sant jinkludi wkoll l-aspett oniriku (il-ħolm) fin-narrattiva tiegħu: fil-ħolm hemm tifsiriet moħbija, forsi anki soluzzjonijiet, teħbir (Kap. 20). Hemm ukoll mumenti fejn l-awtur iwassalna għal ħasda jew climax, biex ftit wara jsegwi anticlimax.
Interessanti fuq livell ta’ stil hu anki l-użu ta’ reġistri lessikali varji li Sant juża f’dan ir-rumanz, uħud minnhom marbutin mal-qasam xjentifiku, diġitali, u parapsikoloġiku. Hemm appell għas-sensi qawwi. Jispikkaw is-sens viżiv – id-dlam li spiss jaħkem fir-rumanz li għandu mill-gotiku; is-sens tax-xamm – dik ir-riħa li għal parti kbira mir-rumanz taħkem iż-żona tal-għalqa tal-Iskarjota, imma tibqa’ mhix definita; is-sens udittiv – it-twerżiq jew grif mhux definit għal parti kbira tar-rumanz. Minn kapitlu għall-ieħor il-qarrej jittieħed fi spazji differenti – taħt l-art, ġewwa u barra – biex isegwi l-azzjoni li tkun għaddejja f’waqtiet simultanji jew differenti. Teknika bħal din toffri ftit mistrieħ minn episodji li jafu jilħqu sens għoli ta’ tensjoni (Kap. 53). Kapitlu 59 imbagħad jista’ jitqies bħala parodija tal-ġeneru tal-waħx fejn naqraw b’xena li suppost twaħħax, imma l-effett tagħha hu dak li l-qarrej jidħaq. Il-parodija hija b’saħħitha anki fid-deskrizzjonijiet ta’ meta fl-aħħar tasal l-għajnuna militari, xena mimlija kaos u kakofonija. Ma jonqosx ukoll l-element traġiku. Jibqgħu sal-aħħar jinkixfu elementi ġodda f’rabta ma’ ċerti personaġġi: spjunaġġ, droga, kuntatti ma’ Sqallija, traffikar ta’ nisa mill-Ewropa tal-Lvant, ġlieda nies ta’ poter u tradimenti.
Lejn l-aħħar parti tar-rumanz, aktar kemm Ta’ Rasu, Boris u Ġanninu jippenetraw ’il ġewwa fil-mini mdallma u stretti tal-labirint sotterran – biex jiskopru eżattament x’attività misterjuża kienet qed isseħħ hemm taħt, aktar il-qarrej iħoss il-ħtieġa li jibqa’ jaqra u jidħol iktar fil-fond ta’ dan ir-rakkont li jaħkmek, jaqtagħlek nifsek, u xi waqtiet ibeżżgħek u jkessħek. Minkejja dan kollu, L-Għalqa tal-Iskarjota hu rumanz li jispiċċa bi tbissima.