Kotba | Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb 2023
Id-data ta’ skadenza għal dan il-Fond hija nhar it-Tnejn, 5 ta’ Ġunju f’nofsinhar
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) fetaħ l-applikazzjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb 2023. Dan il-fond, b’ammont totali ta’ €120,000, għandu żewġ oqsma ta’ għotjiet ewlenin li jiffinanzjaw kemm il-pubblikazzjoni, kif ukoll it-traduzzjoni ta’ kotba.
Il-KNK żviluppa dan il-fond biex irawwem tkabbir kulturali fis-suq tal-ktieb lokali, bħala parti mill-viżjoni tiegħu li jieħu r-rwol ta’ aġent kulturali fi ħdan is-soċjetà waqt li jikkontribwixxi b’mod proattiv lejn l-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali tas-soċjetà.
Il-KNK qed jippubblika s-sejħa għall-applikazzjonijiet għad-disa’ sena konsekuttiva, bil-għan li għal darb’oħra jinkuraġġixxi lill-awturi, tradutturi u pubblikaturi sabiex jidħlu għal proġetti li n-nuqqas ta’ vijabbiltà kummerċjali s-sotlu timpedixxihom milli jidħlu għalihom.
Il-Fond Malti tal-Ktieb jikkonsisti f’erba’ għotjiet:
- Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda;
- Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa;
- Għotjiet għat-Traduzzjoni (maqsuma fiż-żewġ kategoriji: Traduzzjoni ta’ kotba Maltin u Traduzzjoni għall- Malti); u
- Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch.
L-Għotjiet għall-Pubblikazzjonji ta’ Kotba Ġodda għandhom l-għan li jwieżnu l-pubblikazzjoni ta’ letteratura ta’ kwalità u/jew xogħlijiet ta’ riċerka. Is-somma allokata hija ta’ €50,000. Proġetti ambizzjużi ta’ valur għoli kulturali u relevanti għas-suq lokali fil-mira tagħhom, speċjalment jekk tali proġetti għandhom nuqqas ta’ vijabbiltà kummerċjali jingħataw preċedenza.
L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa għandhom l-għan li jipprovdu pont bejn il-bżonn biex jinqraw il-kotba klassiċi ta’ importanza kulturali, edukattiva u intellettwali għas-soċjetà u n-nuqqas tagħhom fil-ħwienet tal-kotba, b’għan speċifiku li tissussidja il-pubblikazzjoni ta’ edizzjonijiet ġodda ta’ kotba li bħalissa mhumiex fl-istampa u li ġew ippubblikati għall-aħħar darba għall-inqas 20 sena mid-data ta’ ħruġ ta’ dan il-Fond. Is-somma allokata għal dawn l-għotjiet hija ta’ €10,000.
L-ewwel kategorija tal-Għotjiet għat-Traduzzjoni għandha l-għan li tappoġġja applikazzjonijiet għal traduzzjonijiet ta’ kotba Maltin (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż b’ISBN Malti) għal kwalunkwe lingwa oħra, li għalhekk tixpruna x-xogħlijiet kreattivi u akkademiċi Maltin fis-suq internazzjonali. L-allokazzjoni għal dawn l-għotjiet hija ta’ €40,000. Min-naħa l-oħra, l-għan tat-tieni kategorija huwa li tiffinanzja proġetti ta’ traduzzjoni minn kwalunkwe lingwa għall-Malti, u għalhekk tappoġġja lit-tradutturi Maltin biex idaħħlu fis-suq Malti xogħlijiet ta’ letteratura u riċerka. L-allokazzjoni ta’ din il-kategorija hija ta’ €15,000.
L-Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch għandhom l-għan li jappoġġjaw it-traduzzjonijiet ta’ siltiet ta’ xogħlijiet Maltin ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż b’ISBN Malti għal kwalunkwe lingwa oħra; it-traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet ippubblikati fi kwalunkwe lingwa għall-Malti; it-traduzzjoni ta’ xogħlijiet oriġinarjament ippubblikati fi kwalunkwe lingwa bil-ħsieb li s-silta tradotta tagħhom tintuża bħala traduzzjoni pont bl-Ingliż. L-allokazzjoni għal dawn l-għotjiet hija ta’ €5,000. L-applikanti jridu jiżguraw li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ikun identifikat fl-applikazzjoni, liema identifikazzjoni tinkludi l-pitch innifisha. L-applikazzjoni trid tinkludi wkoll ittra ta’ qbil mill-awtur tat-test jew id-detentur tad-drittijiet tat-test li qed jiġi tradott.
L-għotjiet kollha fi ħdan dan il-Fond isegwu l-proviżjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba. Il-fondi jintrebħu mill-applikanti li jgħaddu minn proċess kompetittiv ta’ aġġudikazzjoni, li għalih se jinħatar speċifikament bord li se jevalwa kull proġett biex jassigura l-valur ta’ kull proġett u l-finanzjament meħtieġ tiegħu.
L-applikanti interessati huma mħeġġa jaqraw il-Linji Gwida u r-Regolamenti ta’ kull għotja b’reqqa sabiex jiksbu t-tagħrif meħtieġ rigward eliġibbiltà u l-proċess ta’ evalwazzjoni. Kull applikazzjoni li tikseb suċċess tista’ tirċievi finanzjament ta’ 100% tal-ispejjeż tal-proġett, b’massimu ta’ €5,000 għal kull għotja, b’eċċezzjoni għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch li għandha massimu ta’ €500.
Il-Linji Gwida u r-Regolamenti, flimkien mal-formola tal-applikazzjoni u informazzjoni relevanti oħra jistgħu jiġu aċċessati u mniżżla mis-sit tal-Fond Malti tal-Ktieb fuq: https://ktieb.org.mt/il-fond-malti-tal-ktieb/.
L-ordni tal-klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet sottomessi tiġi ppubblikata fi żmien sitt ġimgħat minn meta jagħlqu l-applikazzjonijiet.
Id-data ta’ skadenza għal dan il-Fond hija nhar it-Tnejn, 5 ta’ Ġunju f’nofsinhar.