Kotba | Fairy tale tal-futbol
Daniel Cossai jiskopri ħrafa kontemporanja għal tfal sportivi li joħolmu li jkunu l-protagonisti ta’ ħajjithom: Żarbun Imsaħħar (Merlin Publishers, 2024) miktub minn Norman C. Borg
Naħseb kull tifel u tifla toħlom, almenu għal xi żmien, li xi darba għad tikber u tibdel id-dinja. Fit-tfulija, rari jkollna responsabbiltà sħiħa u kontroll fuq dak li jiġri. Dejjem ikun hemm xi awtorità adulta li tiggwidana: id-dar, il-ġenituri; l-iskola, l-għalliema u s-surmast. Għalhekk forsi hi naturali għall-aħħar li l-immaġinazzjoni fertili tat-tfal twassalhom biex joħolqu stejjer f’moħħhom fejn huma jkunu l-protagonisti, fejn kulħadd jiftakarhom bħala l-eroj.
Naħseb ukoll li għal ħafna tfal, dawn l-istejjer immaġinati sikwit ikollhom x’jaqsmu mal-isport. Liema tifel li jħobb il-futbol qatt ma immaġina ruħu jilgħab għat-tim favorit tiegħu jew saħansitra f’xi tazza tad-dinja, jew jiskurja xi gowl rebbieħ li jdawwar il-logħba favur it-tim?
L-isport, fil-fatt, jipprovdi mudell ideali għal din l-immaġinazzjoni li kważi kważi qisha fażi importanti fl-iżvilupp tat-tfal, hekk kif il-moħħ jibda jħejji l-persuna għar-responsabbiltà u l-protagoniżmu fil-ħajja reali meta jsiru adolexxenti u eventwalment adulti, anki jekk dawn il-ġrajjiet reali normalment ikunu inqas spettakolari minn dawk immaġinati. Huwa relattivament sempliċi biex jinftiehem bħala kunċett. It-tfal spiss ikollhom idoli li huma atleti. Hemm sens ovvju ta’ sfida, rebħ, u suċċess. U fuq kollox, hemm ukoll udjenza evidenti li tissodisfa dik ix-xewqa moħbija fit-tfal li, għal darba, ma jibqgħux fid-dell tal-adulti imma jsiru huma l-protagonisti.
David, il-protagonist tal-ktieb għat-tfal Żarbun Imsaħħar ta’ Norman C. Borg, ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2024, mhu xejn differenti. Joħlom li jilgħab għat-tim tal-futbol tal-iskola u jibqa’ jiffitta lis-Sur Mangion sakemm jagħtih ċans. U xutt għoli wara ieħor, David ma jaħtafx l-opportunità u jsib ruħu barra mit-tim. Il-ħolma jidher li se tibqa’ biss ħolma, sakemm sensiela ta’ kumbinazzjonijiet jagħtuh ċans ieħor li jsir il-protagonist. Fil-qalba ta’ dan kollu hemm laqgħa ma’ xwejjaħ misterjuż li jagħtih b’rigal l-oġġett li għalih hu msemmi il-ktieb: iż-żarbun imsaħħar.
Fid-dinja ta’ din l-istorja, jidher li teżisti xi forma ta’ maġija, imma din mhix storja tal-fantasija. Il-karattri stess jiddubitaw l-eżistenza tagħha, li hi moħbija, u li min jemmen fiha forsi hu “kemm kemm żmagat”, kif jgħaddi minn ras David. L-istorja minflok isseħħ primarjament f’ambjent familjari ma’ kulħadd: il-bitħa tal-iskola. L-ideat ta’ popolarità fl-iskola assoċjati ma’ li tilgħab tajjeb fl-isport u t-tema prinċipali tal-bullying ukoll, naħseb, jagħrafhom kulħadd.
Minkejja din ix-xeħta primarjament realistika u li l-laqtiet maġiċi huma ristretti, għalija dan il-ktieb mhu xejn ħlief fairy tale bil-Malti. L-ewwel nett huwa ktieb b’tagħlimiet ovvji biex tagħmel dak li hu sew, tkun responsabbli u temmen fik innifsek, imma barra minn hekk, joqgħod kexxun fil-mudell li jsegwu, tista’ tgħid, il-ħrejjef tas-seħer kollha kif identifikat minn bosta studjużi, l-aktar famuż fosthom Joseph Campbell. Għandna protagonist u antagonist mingħajr wisq sfumaturi fil-karattru: David kollox abjad, u dejjem jieħu d-deċiżjoni t-tajba – li jaħfer, li ma jpattix bil-ġlied – u Robert, il-bully, kollox iswed. Il-protagonist huwa l-minsi li mhux tajjeb fil-futbol u li ħafna jiddieħku bih. Il-vjaġġ tiegħu tul il-ktieb qasir jibda bi sfida u b’ostaklu b’wiċċ identifikabbli – dak ta’ Robert – li jitgħallem jegħlibhom bis-saħħa ta’ karattru estern misterjuż li jiggwidah, spiss, bħal f’dan il-każ, xwejjaħ. Normalment, l-istess xwejjaħ jagħtih l-għodda li għandu bżonn biex jegħleb din l-isfida fil-bqija tal-istorja. F’dan il-każ, ix-xwejjaħ huwa skarpan – ukoll karattru li komunement nassoċjawh mal-ħrejjef tas-seħer bis-saħħa ta’ xi stejjer popolari tal-aħwa Grimm – u jagħtih iż-żarbun imsaħħar. Il-fatt li l-oġġett maġiku li jibdel ix-xorti tal-karattru minsi f’wieħed popolari u maħbub minn kulħadd huwa żarbun ukoll, bla ma rridu, bilfors ifakkarna fil-ħrafa ta’ Cinderella. Fil-fatt hemm ħafna xebh bejn dawn iż-żewġ stejjer. Cinderella wkoll kienet issofri l-bullying, ukoll kienet dejjem fid-dell ta’ ħaddieħor u xtaqet tkun il-protagonista għal mument, ukoll ħarġet minn qoxritha u tfiet lill-bullies tagħha, ukoll kienet umli (almenu fil-maġġoranza tal-verżjonijiet) u wkoll tgħallmet temmen fiha nnifisha. U fiż-żewġ stejjer, fl-aħħar, inħossu sens qawwi li saret ġustizzja ma’ kulħadd.
Fejn forsi l-ktieb jiddevja mill-fairy tales tas-soltu hu fit-titlu, li jiffoka fuq l-oġġett maġiku. Għall-kuntrarju, ħafna ħrejjef normalment jissemmew wara l-protagonist. Imma din tifhimha, wara kollox David isem komuni sew. Żarbun Imsaħħar isem aktar attraenti. Dan il-fokus mibdul, però, inħoss li nsibuh fit-titlu. Fl-istorja nnifisha, bħal fi ħrejjef oħra, l-attenzjoni hija fuq il-karattru u mhux fuq l-oġġett.
Għalkemm huwa ktieb immirat lejn it-tfal, tpaxxejt naqrah. L-istil ta’ kitba huwa wieħed li jżommok u b’Malti mirqum iżda mingħajr ħafna kliem tqil, adattat għal-livell tal-qari tal-udjenza fil-mira. L-illustrazzjonijiet bl-iswed u l-abjad ta’ Clàudia Mata Serra sbieħ ukoll. Filwaqt li għat-tfal, dan il-ktieb huwa għodda li taġevola l-istejjer ta’ protagoniżmu li jkunu qegħdin jimmaġinaw huma stess, għall-adulti jqajjem kwistjonijiet profondi li forsi jaħarbu lit-tfal, bħal mistoqsijiet dwar il-moralità u jekk il-maġija li għenet lil David ikkawżatx ħsara lil sħabu. Bħalma jagħmlu ħafna ħrejjef, il-ktieb jirnexxilu jinnaviga b’suċċess udjenza doppja u jagħti gost lit-tnejn: fuq naħa, it-tfal li se jaqrawh, u fuq l-oħra, l-adulti li x’aktarx se jagħżlu li jixtruhulhom.