Kotba | Kotba li tibnihom inti u taqra!

Fl-aħħar reċensjoni tagħha Elena Cardona terġa’ tirritorna lejn il-kotba tat-tfal hekk kif proprju għamlet fl-ewwel reċensjoni tagħha li dehret fl-2023. Din id-darba tesplora l-kotba L-ewwel ktieb pop-up tiegħi: Missjoni spazjali – Il-Pjaneta Ola u Kuġini Kurjużi 2: Il-Misteru tal-Kalċi Misruq

Ilu diġà ħames snin minn meta l-COVID-19 xtered b’rata mgħaġġla mad-dinja kollha u ħasad il-ħajja ta’ eluf u eluf ta’ nies. Apparti l-ħafna ansjetajiet, iżolamenti u mumenti koroh li ddominaw ħajjitna matul il-pandemija, nemmen li f’dan il-perjodu kellna ċ-ċans niskopru aktar lilna nfusna u l-kapaċitajiet tagħna. Hawnhekk qiegħda nirreferi partikolarment għad-diversi vidjows ta’ DIY li kienu jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali. Nammetti li fil-bidu ma kellix idea xi jfissru dawn l-ittri. Imma bi ftit għajnuna minn Google sirt naf li l-ittri DIY huma fil-qosor ta’ DO IT YOURSELF. Fil-verità, min ma ppruvax jagħmel diversi affarijiet matul dan iż-żmien ta’ lockdown? 

Il-kunċett ta’ DIY fakkarni fil-kotba l-ġodda li Merlin Publishers żanżnu fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 u li kienu suċċess enormi biha. Dawn huma ż-żewġ kotba pop-ups li llum se nkun qed niffoka fuqhom. L-ewwel wieħed huwa L-ewwel ktieb pop-up tiegħi: Missjoni spazjali – Il-Pjaneta Ola, traduzzjoni ta’ Rachel Portelli. L-istorja hija waħda sempliċi – tifel li jħobb iħares lejn l-istilel mit-tieqa ta’ kamartu u darba minnhom jiġi mitlub biex iwettaq missjoni speċjali. Bla ebda dubju xi ħaġa li tiġbed l-attenzjoni tal-qarrejja hija l-preżentazzjoni u l-istruttura ta’ dan il-ktieb. Il-ktieb, flimkien mal-pakkett ta’ materjal għall-pop-ups bl-istruzzjonijiet, qiegħed ġo qoxra mlewna li sservi ta’ spazju fejn terfa’, kemm il-ktieb, kif ukoll il-materjal tal-pop-ups. Waqt li huma ftit il-kliem li ssib jiġru matul il-paġni, hemm ħafna struzzjonijiet li l-qarrejja jridu jsegwu biex ikomplu ‘jkabbru’ dan il-ktieb. Għax, ngħiduha kif inhi, dan mhux sempliċement ktieb li taqrah, iżda ktieb li tibnih, li taqbad l-imqass, il-kolla u l-kuluri, biex int, bħala qarrej, ikollok sehem minn dan il-ktieb. Biex żgur wieħed ma jinfixilx waqt li jkun qiegħed iqasqas, jitwi u jwaħħal, apparti l-istruzzjonijiet b’Malti sempliċi u preċiż maġenb kull biċċa tal-materjal, Merlin Publishers ħejjew vidjow biex wieħed jieħu idea ta’ x’jinvolvi dan il-ktieb. Il-vidjow jista’ jiġi aċċessat mill-QR code li tinsab fl-istruzzjonijiet. 

 Barra minn hekk, dan hu ktieb li jieħu l-ħajja f’idejk. Mhux biss għax fih kuluri jwerżqu u sbieħ, imma għax il-qarrejja huma involuti direttament fil-proċess tal-ħolqien tal-ktieb. Nemmen li dan il-ktieb mimli fantasija – immirat għal tfal bejn sitta u għaxar snin – jattira iktar lit-tfal li jippreferu li jkunu kreattivi u joħolqu l-affarijiet b’idejhom milli dawk li jħobbu jaqraw biss. Fil-fatt, dwar dan il-ktieb, il-pubblikaturi ta’ Merlin jistqarru li “t-tfal l-hena tagħhom jesploraw id-dinja ta’ madwarhom, u l-aqwa mod biex jitgħallmu minn dan il-proċess huwa li jħaddmu moħħhom u jdejhom flimkien. Il-kotba li jkollhom xi element interattiv jolqtu proprju dan il-likk, għax jużaw il-logħob bħala l-lingwa tal-iskoperta u t-tagħlim.” Apparti l-element interattiv li jinvolvi fih dan il-ktieb, it-tfal jieħdu interess fil-proċess li bih normalment jiġi mfassal ktieb. L-iktar ħaġa li ggustajt hi li fi tmiem il-ktieb hemm ċertifikat li jgħid li issa l-qarrejja huma kkwalifikati fis-sengħa tal-kotba pop-up. Hija tassew xi ħaġa inkoraġġanti li l-qarrejja ċkejkna nimbuttawhom biex jesploraw fruntieri ġodda. 

Il-ktieb l-ieħor li jieħu l-ħajja f’idejk, minħabba l-element ta’ avventura li fih, huwa Kuġini Kurjużi 2: Il-Misteru tal-Kalċi Misruq ta’ Michael Cini (Merlin Publishers, 2024). Għal darb’oħra, il-qarrejja jerġgħu jiltaqgħu mal-kuġini Emma, Thomas, Lisa u James fit-tieni avventura tagħhom li ddur madwar il-misteru tal-kalċi misruq. Din l-avventura, li skont l-awtur innifsu hi waħda ‘perikoluża’, tieħu lill-qarrejja fil-kunvent antik tal-patrijiet għat-tiftixa tal-kalċi misruq li kien ilu s-snin li għeb. Imma kif spiċċaw ġo kunvent tal-patrijiet dawn il-kuġini mqarqċin? Ma kinux it-tip li jissakkru ġo kunvent jitolbu u jiddiskutu mal-patrijiet, speċjalment James u Lisa. L-idea tal-irtir kienet tal-ġenituri ta’ James u Lisa li xtaqu li wliedhom imorru magħhom l-irtir biex jiċċelebraw l-anniversarju taż-żwieġ tagħhom. Biex ma jixbgħux waħedhom, it-tfal stiednu lil Thomas u Emma biex jakkumpanjawhom f’dan l-irtir flimkien mal-ġenituri tagħhom. Issa żgur mhux se jiddejqu waħedhom – u minn hawn tibda l-avventura! Fuq kollox min hu Wiġi u x’kienet l-intenzjoni tiegħu? 

L-aktar ħaġa li laqtitni f’din l-avventura hi l-bidu, li hu totalment differenti mill-ktieb ta’ qabel. Apparti li t-tieni ktieb fih ħamsa u għoxrin kaptilu, l-awtur jibda b’episodju li kronoloġikament suppost iseħħ qrib it-tmiem tal-avventura. Cini jinqeda bil-prolessi biex jesprimi t-tensjoni li sabu ruħhom fiha Emma u Thomas meta kienu qegħdin fil-passaġġ, waqt li jqanqal lill-qarrejja biex jibdew mill-aktar fis iqallbu fil-paġni tal-ktieb. It-tensjoni tilħaq il-climax tagħha hekk kif Emma tara lil Thomas stendut fl-art – la taf hux ħaj jew mejjet. Bla dubju, il-Malti huwa mħaddem tajjeb immens matul il-kapitli kollha, b’xalata ta’ verbi diversi u dettalji ta’ deskrizzjonijiet intensi li jaqblu mal-illustrazzjonijiet ta’ Francesca Grech. 

Waqt li nawguralkom li kull ktieb li taqbdu b’idejkom jieħu l-ħajja u jittrasportakom f’dinja maġika, nixtieq nieħu l-opportunità li nirringrazzja lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb talli tani l-opportunità nirriċensa l-kotba għal din il-paġna. Grazzi lilkom il-qarrejja talli qrajtu dawn ir-reċensjonijiet u nħeġġiġkom tkomplu ssegwu dan l-ispazju u taqraw. 

More in Arti