Kotba | Il-baħar fil-poeżija ta' Oliver Friggieri u Simone Galea
B’Malta gżira, il-baħar ma jistax ma jkunx preżenti f’ħafna mill-poeżiji Maltin. Patrick Sammut joffri eżempji ta’ dan fil-poeżiji ta’ Friggieri u Galea
Hawnhekk ħa nittratta ftit poeżiji ta’ poeta li beda jikteb sa minn nofs is-snin sittin, mela fil-perjodu post-Indipendenza, u poeta oħra li vrusha raw id-dawl fis-snin disgħin tas-seklu 20. Ma setax jonqos li l-baħar, element naturali importanti li jdawwar il-gżejjer Maltin, ma jissemmiex bħala aspett ewlieni fil-poeżiji ta’ dawn iż-żewġ poeti, imwielda Malta (1947-2020) u Għawdex (1967) rispettivament. F’moħħi għandi lil Oliver Friggieri u l-ġabra Mal-Fanal Hemm Ħarstek Tixgħel (1988) u lil Simone Galea bil-ġabra xi drabi mqar persuna (2011).
Nibda bil-poeżiji ta’ Oliver Friggieri “Lil Malta” (1967) fejn isemmi “is-seħer tal-bajjiet marbuta/ max-xtut li qed jgħolluk fuq baħar ħiemed/ li jaf jilgħab bl-ilwien tal-qiegħ moħbija”, imma, kontra poeti Maltin Romantiċi li faħħru lil Malta, isostni li mhux se jagħmel dan. Minkejja din l-istqarrija, xorta waħda, permezz tad-deskrizzjoni, Friggieri jirnexxilu joħroġ l-isbuħija tal-baħar Malti mimli lwien ikanġu.
Il-baħar jerġa’ jissemma fi tmiem il-poeżija, versi b’saħħithom tassew:
“Jien ngħanni s-saħta tiegħek sakemm ismek
jinħall fix-xemx u l-ħrafa ta’ Settembru
tintesa għal dejjem: sakemm inti tegħreq
u tgħib f’Mediterran li jerġa’ jtella’
mill-qiegħ il-fdal maħsul ta’ Malta ġdida.
Imbagħad, imbagħad inħobbok.”
Il-baħar hawn jassumi funzjoni katartika ladarba x-xewqa tal-poeta hi li Malta tegħreq fil-baħar Mediterran biex tinħasel minn dak kollu li jniġġisha u b’hekk terġa’ tixref fil-wiċċ nadifa minn kull tebgħa. Dik li tidher poeżija antipatrijottika mhi xejn ħlief poeżija patrijottika fejn permezz tal-kritika kostruttiva Friggieri jistqarr l-imħabba lejn Art Twelidu.
F’“Il-Kelma tal-Mewġa”, il-baħar jintrabat mat-tema tal-imħabba: “Xi darba jien u int ma stajniex nagħżlu/ u nżilna biex ninħabbu ħdejn il-mewġa.” Ix-xtajta ssir il-post fejn iseħħ, xi mkien ’il bogħod fl-imgħoddi, l-att tal-imħabba. Il-kelma “mewġa” fil-poeżija tissemma’ erba’ darbiet (inkluż it-titlu), flimkien ma’ kliem ieħor li jintrabat mal-ispazju baħar, fosthom “raxx”, u “melħ”. L-esperjenza sensorjali tal-baħar bħal titwaħħad mal-esperjenza erotika – “Ir-raxx ħafif ma dejjaqniex u xtaqna/ li l-qtar jiżdied u jxarrab wiċċna kollu/ sakemm intiegħmu l-melħ fuq tarf ilsienna” – tant li l-istess “mewġa” tiġi umanizzata billi tingħata l-kapaċità li titkellem, “Sabiħ il-kliem li qaltilna l-mewġa”.
F’“Ħarstek Vjola Tkanta” naqraw “u forsi jitgħattew kemm kemm bir-ramel/ għajnejk il-baħar kalm għajnejk il-mewġa...” Anki hawn jissemma l-baħar f’rabta ma’ kliem ieħor li jintrabat mar-reġistru marin bħal “ramel” u “mewġa”. B’xi mod il-baħar hawn jista’ jintrabat kemm mat-tema tal-imħabba, kif ukoll ma’ dik eżistenzjali fejn il-poeta għaddej minn waqtiet ta’ solitudni (“kamra vojta”, “għalqa sewda”, “f’din is-siegħa l-minutieri wieqfa”).
Il-baħar f’“Innu lil Tribù b’Żewġ Bnadar” jissemma fuq livell figurattiv fil-versi, “F’għajnejk hemm xorta l-bewsa ħamra tixgħel,/ fanal ta’ dgħajsa fuq wiċċ baħar iswed/ jitniegħes ma’ dal-poplu.” Il-poeta jilgħab bl-idea tal-kjaroskur, il-kuntrast bejn id-dawl u d-dlam: il-fanal tad-dgħajsa b’xi mod jista’ jissimbolizza x-xewqa li l-poplu maqsum f’żewġ partiti politiċi jara d-dawl u jifhem li fl-aħħar mill-aħħar hu poplu wieħed magħqud. Il-“baħar iswed” fuq in-naħa l-oħra jista’ jissimbolizza poplu li ma jridx jaf b’raġuni (dawl), imma anki sitwazzjoni politiko-soċjali kerha fejn jaħkmu l-firda u l-mibegħda minħabba kwistjonijiet ta’ politika u ideoloġija. Poeżija bħal din tinftiehem jekk titqiegħed fl-isfond ta’ meta inkitbet, is-sena 1977, mela fi żmien meta f’Malta is-sitwazzjoni politika kienet taħraq ħafna.
Fl-eleġija “Pellegrin Distratt” imbagħad il-poeta jindirizza lil ibnu li ma twelidx: “Fil-kontinent skur tiegħek.../ tbandalt mal-mewġ tal-ibħra...” Żgur li hawn il-“kontinent skur” u l-“mewġ tal-ibħra” jfakkru fit-tarbija meta tkun għadha mkennija f’ġuf l-omm. Min-naħa l-oħra, fil-poeżija “Fl-Oċeani t’Għajnejk” il-baħar jitwassal lilna permezz tal-kelma “Oċeani”, li fl-ewwel vers jintrabat ukoll mal-frazi “jegħreq il-mirkeb”. Fl-indirizz tiegħu lit-“tifla tal-għadajjar” Friggieri bħal jilmaħ f’għajnejha “id-dillirju”. Il-profondità tal-oċean/baħar bħal issir ħaġa waħda mal-profondità li hemm f’għajnejn din it-tifla li tista’ tissimbolizza wkoll il-waqt tal-ispirazzjoni jew il-Muża nnifisha. F’ “Jekk” imbagħad naqraw hekk: “jekk togħdos fl-ibħra kollha/ u tmiss qiegħ l-oċean...” Hawn l-ibħra u l-oċean huma parti minn dak il-makrokożmu li, flimkien mal-ħlejjaq ċkejknin tal-mikrokożmu (siġar, insetti, u pjanti), jagħmlu l-ħajja tal-bniedem sabiħa u mimlija seħer u poeżija ladarba l-istess bniedem ma jasalx biex jifhem is-sigrieti u l-misteri wara kobor u ċokon dan il-ħolqien naturali.
Il-baħar hu fenomenu naturali li jirrikorri ħafna anki fil-poeżiji ta’ Simone Galea. Hekk, f’ “It-Tfal tal-Ħarifa” hi tikteb, “baħar fond, xemx tisreġ/ il-kuluri kollha ta’ bejnietna.” Il-baħar hawn jintrabat kemm ma’ żmien it-tfulija kif ukoll mal-istaġun tas-sajf. Ladarba t-“tfal tas-sajf, tar-rebbiegħa, tax-xitwa” jissimbolizzaw metaforikament dawk it-tfal li f’sistema edukattiva jitħallew jaħsbu b’moħħhom u jberrħu ħsibijiethom b’mod liberu, dan l-istess ħsieb liberu jitwassal permezz tal-ixbieha ta’ “baħar fond”, bħalma profond huwa l-ħsieb kritiku ta’ min ma jitrabbiex jaħseb bħal pappagall.
F’“Ġurnata l-Baħar” il-baħar jakkwista tifsira ambivalenti. Għall-poetessa, li hija mara li tgħix komda fid-dinja tal-Punent, il-baħar ifisser mistrieħ u divertiment, imwasslin permezz ta’ oġġetti bħall-“umbrelel li kennewni,/ is-siġġijiet komdi li striħajt fuqhom”, imma anki permezz ta’ kliem pożittiv bħal “ċafċifa”, “xemx” u “żiffa”. Fuq in-naħa l-oħra l-baħar jakkwista tifsira negattiva ladarba għan-“nisa Afrikani”, li jkollhom iħallu lil pajjiżhom minħabba faqar, gwerra u inkwiet politiku, il-baħar isir theddida u anki ċimiterju hekk kif bosta minnhom qatt ma jaslu fid-destinazzjoni mixtieqa, imma minflok “id-dgħajjes tagħhom mgħarrqin fil-fond.” Waqt l-għawma rilassata tagħha, Galea timmaġina li l-iħirsa ta’ dawn in-“nisa Afrikani” mgħarrqin jixirfu f’wiċċ il-baħar u jgħajtulha “mur lura/mur lura.”
Hemm ukoll l-immigrant li jħossu mhux milqugħ u rispettat bħala bniedem (“iġsma moħlija” u “nies bla valur”) fi “Stajt Xtaqt” li jixtieq “jerġa’ jaqbad id-dgħajsa/ jeħles għal dejjem/ minn dal-post li ma xtaqx.” Il-baħar, is-sajf u d-divertiment jerġgħu f’“Jekk Xi Darba Titlef Sajf” fejn il-poetessa minn Għawdex tiftakar “fiż-żfin iħabbat mal-mewġ t’Għawdex/ il-mużika li dduq il-baħar billejl għall-ewwel darba.” Fl-aħħar nett, f’ “Imħabbtek bħall-Mewġ” il-baħar jintrabat mat-tema tal-imħabba ladarba l-movimenti kuntrastanti tiegħu (“b’sabta jħabbatni mal-blat” jew “ċafċifa melliesa”) jirriflettu l-burdati differenti tal-imħabba bejn il-mara u r-raġel.
Kemm Oliver Friggieri, kif ukoll Simone Galea urewna li l-baħar huwa parti mid-DNA tagħna bħala Maltin u Għawdxin u b’hekk jintrabat ma’ bosta oqsma ta’ tiġrib il-ħajja tagħna l-bnedmin. F’rabta ma’ dan nagħlaq billi nsemmi l-poeżija “Żagħżugħ ta’ Dejjem” tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, jew il-bosta ġabriet ta’ poeżija tal-poeta Għawdxi Charles Bezzina fejn il-baħar hu protagonista.