Kotba | Poeżija mingħajr heda

Patrick Sammut jaqbad il-ġabra poetika Mal-Aħħar Mewġiet ta’ Charles Bezzina u jirrealizza li daqskemm il-baħar daqqa jimla u daqqa jofrogħ, f’din il-ġabra l-poeżija ta’ Bezzina daqstant ieħor daqqa tgħaddi mid-dawl, daqqa tgħaddi mid-dlam. U bħall-baħar m’għandhiex heda

Il-ġabra Mal-Aħħar Mewġiet tiġbor fiha mal-127 poeżija, tiftaħ b’‘Daħla analitika’ ta’ Tarċisju Zarb u tagħlaq b’kummenti kritiċi ta’ awturi varji. Il-poeżija ta’ Bezzina ssegwi bi preċiżjoni r-regoli tradizzjonali tal-metrika, minkejja li qegħdin fit-tielet deċennju tat-tielet millennju. Hemm min isostni li dawn huma forom antikwati, anakronistiċi, skaduti. Iżda mhux meta min jikteb qed jagħmel dan b’dixxiplina kbira filwaqt li jmiss suġġetti mill-iktar profondi u umani li jistiednu lill-qarrej jieqaf, jirrifletti, u jaqra kull poeżija aktar minn darba sabiex itiegħem tassew it-tifsiriet kollha tagħha, jisma’ kif iddoqq għall-widna u jiggosta l-eki li kull waħda tħalli jirbumbjaw fil-profond tal-essri tiegħu. Fuq kollox, hawn għandna l-poeżija bħala esperjenza li tinstema’ b’mod armonjuż. 

Apparti l-ftit drabi meta Bezzina jillarga mir-regolarità riġida tal-kwartini waħedhom, l-għażla metrika u prosodika li jħaddem hija dik tradizzjonali u regolari, fuq kollox il-kwartini bir-rima mqabbża (ABĊB), u spiss b’versi jalternaw bejn pjani u tronki. Bħala versi, Bezzina jħaddem l-iktar is-settenarji, imma anki l-kwinarji, is-senarji, l-ottonarji, in-novenarji u l-endekasillabi. Il-varjetà ritmika ta’ dawn il-versi tirrifletti kemm il-movimenti ritmiċi tal-baħar li jimla u jofrogħ, kif ukoll il-ħsibijiet tal-poeta fil-varjetà tagħhom, li qatt ma jehdew u saħansitra l-burdati differenti li jgħaddi minnhom il-poeta, issimbolizzati anki mid-dawl u d-dlam, ix-xemx u l-kesħa, waqtiet ta’ kumpanija u mħabba, u oħrajn ta’ solitudni u baħħ. Karatteristika stilistika oħra f’xi wħud mill-poeżiji ta’ Bezzina hija l-konċiżjoni, fejn fi ftit versi jgħid dak li għandu jgħid, anki permezz ta’ ħsibijiet u emozzjonijiet profondi.  

Matul dawn il-poeżiji Bezzina jħaddem bosta mekkaniżmi letterarji. Effettiva hija r-ripetizzjoni anaforika fuq il-frażi “F’liema...”, fil-poeżiji bl-istess isem. Il-mistoqsijiet rettoriċi jispikkaw f’“Kif”, b’kull mistoqsija tieħu l-għamla ta’ kwartina (erbgħa b’kollox). Il-metafora hija element importanti ħafna fil-poeżija. Hekk fi “Tren”, ħajjitna hija mqabbla ma’ “tren imgħaġġel” li jieqaf “F’kull stazzjon” biex jinżlu u jitilgħu n-nies fuqu. Hekk “b’ħarba tiġri l-ħajja tagħna/ fuq ir-roti tad-destin.” Fil-poeżija “Fl-Isqaq tan-Nanna Tiegħi” jinħass qawwi l-kuntrast bejn imgħoddi u preżent, u bejn ħajja/moviment u mewt/telqa/abbandun.  

Aspetti tematiċi 

Bezzina huwa magħruf bħala l-poeta tal-baħar, ladarba dan hu element li jaħkem fix-xogħlijiet poetiċi tiegħu. Hawn il-kelmiet “baħar” jew “mewġ” u derivati jissemmew fi 48 poeżija b’kollox u dan jixhed kemm il-baħar hu element naturali importanti fil-poeżiji ta’ dan il-poeta Għawdxi. Fl-ewwel poeżija li tiftaħ din il-ġabra – “Se Niġbor il-Kliem” - Bezzina jiddikjara li kliem il-poeżiji tiegħu ġej direttament mill-mewġ, imnixxef mix-xemx, żewġ elementi naturali li jintrabtu mal-post fejn twieled u għex: “Se niġbor il-kliem għasra/ li l-mewġ iġib max-xatt...” Dan il-poeta Għawdxi li jaffaxxina ruħu bil-baħar jilmaħ misteru fid-dinja naturali, misteru li jipprova jqarribna lejh permezz tal-kelma poetika u anki bis-saħħa tal-appell għas-sensi.  

Illum Charles Bezzina jgħodd ftit iktar minn 60 sena u għalhekk, f’din l-għaxar damma ta’ poeżiji tiegħu, tixref spiss l-idea tal-poeta li qed jixjieħ u li m’għadux tifel. F’“Il-Moħħ” huwa jħossu bħal għasfur “li tilef it-tpespisa/ mimli b’inkwiet u diq.”  

It-tema twemmin toħroġ f’“Ħallini ħa nfittex”, poeżija-talba ta’ ħajr imma anki ta’ penitenza fejn il-poeta “midneb” u “mhux safi fir-ruħ” jindirizza lil entità li ma jsemmix, imma li hu evidenti li hi spiritwali ladarba tintrabat ma’ ħniena, sliem u mħabba. F’“Għandi Kewkba”, id-dawl tal-kewkba hu d-dawl tal-fidi, imma anki tal-imħabba, filwaqt li l-“irjieħ” jissimbolizzaw dak kollu li jista’ jbiegħed lill-poeta mill-fidi. Il-figura ta’ Kristu tidher f’ “Riflessjoni” ladarba hawn naraw li l-poeta u Kristu għandhom l-istess karatteristiċi: jgħaddu mit-tbatija, jafu x’inhu wġigħ (imwassal permezz ta’ kliem bħal ‘demm’, ‘pjaga’, ‘musmar’, ‘kustat’, ‘tintemm’, ‘lanza’, ‘uġigħ’ u ‘xewk’), it-tnejn għaddew jew jgħaddu mill-“kruha ta’ dis-siegħa.” 

Versi soċjali u ta’ protesta ambjentali naqrawhom f’“U Għawdex Qed Jinbidel”, fejn jinħass li l-Maltin u l-Għawdxin tilfu kull għożża u mħabba lejn art twelidhom ladarba biddluha “f’belt waħda ta’ konkrit... turrun ta’ bini mqit” minħabba r-regħba li rebħet ukoll kull sens komun.  

B’saħħitha l-poeżija “Int Warda” li tiddeskrivi sewwa xi jseħħ minn min jintlaqat mid-dimenzja u dawk ta’ madwaru: “Int lampa qiegħda tnemnem, bilkemm tixgħel,/ qanpiena mġenġla sewwa daqskemm daqqet,/ u paġna li nqrat ftit, illum insewha.” In-nisi li ġġib magħħa l-marda tad-dimenzja li laqtet lil omm il-poeta, Bezzina bħal jikkompensa għaliha anki permezz tal-poeżija “Lill-Għażiża Ommi”, fejn iħaddem fi tnejn mit-tliet strofi li jagħmluha t-teknika anaforika sabiex jinsisti fuq kemm ommu ħabbitu u kemm bħala iben qatt ma ħa jinsa dan.  

Bosta drabi Bezzina bħal jindirizza lil entità anonima li spiss jorbotha ma’ aspetti bħal imħabba jew dawl/sħana. Lil min eżattament qed jindirizza l-poeta? Din l-entità misterjuża bħal tieħu forma tanġibbli meta f’“Dalgħodu Lmaħtek” il-poeta jikteb, “Inġabar dlonk żagħżugħa,/ mur lura biex tistrieħ...”  F’“Kelma Moħbija” qed jindirizza lill-muża jew lil tfajla tad-demm u l-laħam?  

Fil-fatt hemm poeżiji fejn Bezzina jittratta t-tema tal-poeżija, mela l-metapoetika. Hekk, f’ “Jekk Tiflaħ”, jammetti li fil-versi tiegħu hemm il-“mewġ jitqalleb bejn il-versi”, ħoss ir-riħ jonfoħ, u “ir-riħa stramba tal-ħarifa.” 

Spazji partikolari: 

Kull poeta għandu l-ispazji favoriti tiegħu. Il-ħtieġa li l-poeta jinqata’ u jinħeba “mill-ġenn ta’ dan iż-żmien” u jintilef fi spazji naturali bħal għerien, deżerti, ibħra, widien, kappelli fil-kampanja, għoljiet, ġonna u xtajtiet. 

Drabi oħra Bezzina jġagħalna nifhmu li bla ma nafu lkoll qed ngħixu fi spazju partikolari, xi mkien bejn ir-realtà u l-ħolm, l-istħajjil, l-illużjoni, il-miraġġ (“Bejn Ħolma u Oħra”, “Fejn M’Hemmx Konfini”). Dawn tal-aħħar huma l-għejun li minnhom jixrob il-poeta biex jikteb il-poeżiji tiegħu (Fejn is-Sħab).  

Għeluq: 

Bezzina hu dak li jirnexxilu jislet mill-arja ta’ madwaru materjal li bih jibni l-għanjiet tiegħu msejsa fuq esperjenzi, tifkiriet, ġrajjiet, għajdut u l-bqija. Hemm ċertu seħer jew maġija fil-mod kif Bezzina jirnexxilu jibdel dan kollu fi kliem, ħsejjes, versi sempliċi u ritmikament mexxejja li jpaxxu lir-ruħ, il-qalb u l-widna tal-qarrejja. Permezz ta’ dawn il-poeżiji miġburin f’Mal-Aħħar Mewġiet, Charles Bezzina kompla jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala poeta Għawdxi-Malti kontemporanju ewlieni. 

More in Arti