Kotba | Bniet u tfajliet jaqilgħu kjass
Waqt li l-libreriji u l-ħwienet tal-kotba huma marbutin mas-silenzju, Noel Tanti jaqbad f’idejh ktieb li jinċita kjass. Ġustifikat jew le?
Fl-ispazju ta’ bejn kif naraw lilna nfusna u kif jarana ħaddieħor jiġru bosta affarijiet. Immaġinaw borma tbaqbaq fuq in-nar. Ġo fiha minestra mħawra minn emozzjonijiet, ħsibijiet, esperjenzi, ċertezzi, ġudizzji u preġudizzji. Kulħadd ikewwes fiha u jiekol minnha imma xi wħud ipappuha iktar minn oħrajn għax il-kċina għamluha tagħhom u l-ingredjenti jixtruhom huma. Għal dawn it-talin, din hija l-itjeb minestra ta’ dejjem. Il-bqija bilkemm jifilħu jniżżluha imma jagħmlu sforz għax inkella jmutu bil-ġuħ. Jipprotestaw, jippruvaw isemmgħu leħinhom imma l-kokijiet jew mhux qed jifhmu jew ma jridux jisimgħu.
Il-ġabra Aqla’ Kjass! Disa’ stejjer ta’ sfida (Merlin Publishers, 2023) hija pubblikazzjoni Taljana, maqluba għall-Malti minn Clare Azzopardi, li fiha niltaqgħu ma’ bniet u tfajliet li qed jinnavigaw ħajja u ċirkostanzi li mhux dejjem jirrikonoxxu l-aġenzija, id-dinjità jew saħansitra l-umanità tagħhom.
Sakemm ikunu tfal, is-subien u l-bniet jiġu ttrattati bejn wieħed u ieħor l-istess. Iżda malli titniffes il-pubertà l-affarijiet jinbidlu radikalment. Kull tranżizzjoni ġġorr magħha l-ansjetatjiet partikolari tagħha - kemm il-ġuvintur u kemm it-tfajliet jgħaddu minn taqlib fiżiku u emozzjonali enormi. Imma fejn jidħlu l-aspettattivi soċjali, id-dinja tat-tfajliet tikkomplika ruħha immensament. F’daqqa waħda tfajla tibda tħoss li persuntha m’għadhiex essenzjalment tagħha imma hija xi ħaġa li għandha l-obbligu li taqsamha ma’ ħaddieħor, trid u ma tridx. Għandha ġġib ruħha b’tali mod, titkellem b’ċertu manjiera, u ħafna drabi waħda tikkontradixxi ’l-oħra. Għalhekk tfajla ssib ruħha ġġudikata kontinwament minn kulħadd dwar kollox: tilbes qisha soru jew inkella prostituta; sidirha kbir wisq jew inkella xkatlat; hija bniedma stramba jew ħamalla; butch jew bimbo; tagħmel make-up karnival jew inkella bla gost. Fit-taqbida bejn dawn il-polaritajiet tfajla tagħmel dak li tista’ biex tkampa; imma anki mara adulta ssibha diffiċli tinnaviga dawn l-emozzjonijiet kollha, aħseb u ara tifla adolexxenti.
Dan jidher ċar fl-istorja ‘Baby face’ miktuba minn Anna Cercignano. Anna, tifla ta’ tnax-il sena, ikollha esperjenza sesswali ma’ tifel tamparha li tiffansja. Minkejja li għandha idea (vaga) ta’ x’inhi tagħmel, għadha żgħira wisq biex tipproċessa u tantiċipa l-konsegwenzi tal-aġir tagħha. Meta mbagħad dan it-tifel ipeċlaq ma’ kulħadd dak li għamlu, Anna tispiċċa parja fl-iskola fejn tmur. Dan l-episodju ġġorru magħha tul ħajjitha kollha u jirnexxilha ssib faraġ snin wara, bl-għajnuna tas-sieħeb tagħha, raġel li jħobbha verament u li jirrispettaha.
Din tal-aħħar hija tema rikorrenti fl-istejjer f’Aqla’ Kjass!: il-weġgħa hi esperjenza estremament personali imma ma jfissirx li t-triq lejn il-fejqan għandek timxiha waħdek. Forsi tinstema’ ovvja imma mhux faċli tieħu dan il-pass, speċjalment meta tqis li ħafna drabi, il-kattiverji li tgħaddi minnhom u li jkollhom effett devastanti fuqek, jiġu propju minn nies li tafda.
Pereżempju, ‘B’ġentilezza’ ta’ Laura Guglielmo, hija dwar tfajla, El, li kienet f’relazzjoni abbużiva iżda għażlet li ma tgħid ’il ħadd dwarha, lanqas lill-ikbar ħabiba tagħha. L-emozzjonijiet negattivi, minflok ma perrċithom u qasmithom ma’ min seta’ jgħinha, żammithom maqfulin fiha. L-enerġija negattiva baqgħet tikber sakemm fl-aħħar El ħassitha tinqata’ mir-realtà ta’ madwarha, u l-unika mod li kienet taf bih biex iżżomm ftit kontroll f’ħajjitha, kien li tweġġa’ lilha nnifisha.
F’din l-istorja, u f’oħrajn, naraw kemm ċertu nies m’għandhomx (jew ma jridx ikollhom) idea tal-ħsara li jagħmlu b’għemilhom. L-istorja favorita tiegħi f’din il-ġabra hija ‘Ibgħatli la tasal’ ta’ Maurizia Rubino. Fiha naraw tfajla sejra lura d-dar wara li qattgħet xi ħin għand ħabiba tagħha. Barra dalam u nies ftit li xejn hemm fit-triq. It-tfajla, li nibqgħu ma nafux x’jisimha, tħossha nervuża. Taħseb li hemm xi ħadd miexi warajha imma m’hemm ħadd. Qalbha qed tħabbat sitta sitta u toħroġ iċ-ċwievet mill-but, għal li jista’ jkun - forsi jkollha bżonn tiddefendi lilha nnifisha. Imbagħad tiltaqa’ ma’ ġuvni fis-sakra, jgħaddilha kummenti żejda, jipprova jifflertja magħha. Għall-grazzja t’Alla, l-affari ma twassal imkien u t-tfajla tkompli fi triqitha. Wara dan il-vjaġġ qasir imma mimli ansjetà, tasal id-dar, tintefa’ f’kamritha u tibgħat messaġġ lil ħabibitha. Qisu qatt ma ġara xejn.
Li din it-tfajla ma ħassithiex sigura timxi lura d-dar waħidha hija kerha. Agħar minn hekk, però, huwa l-fatt li għaliha sitwazzjoni bħal din hija normali. Kien hemm punt f’ħajjitha fejn aċċettat li minħabba s-sess tagħha se ssib min iħoss li għandu d-dritt jittantaha jew jimportunaha. Din l-aspettattiva skifuża hija parti mill-forma mentis kollettiv u din it-tifla ma tista’ tagħmel xejn dwarha.
Aqla’ Kjass! seta’ faċilment jiżloq f’territorju fejn l-irġiel huma mostri manipulattivi u n-nisa qaddisin jimxu fuq l-ilma. Fortunatament, mhux il-każ. Hemm bosta stejjer li jinkludu karattri rġiel li jesprimu maskulinità sana bbażata fuq il-kompassjoni, ir-rispett u l-onestà; u nisa li jipperpetwaw jew jiskużaw il-preġudizzji u l-imġiba li tant jagħmlu ħsara. Imma dan huwa l-punt. L-abbuż abbażi tal-ġeneru hija problema ta’ kulħadd mhux biss tal-vittmi. Dawk li ma jgħaddux minn esperjenzi bħal dawn għandhom id-dmir li jkunu jaf dwarhom. U propju għalhekk li għandu jinqala’ kjass.