Kotba| Arkeoloġija Letterarja
Qalb l-antikità tal-Greċja tal-Qedem, Daniel Cossai jsib il-fdalijiet poetiċi ta’ Saffo bil-Malti fit-traduzzjoni ta’ Warren Bartolo ppubblikata minn Ede Books, Il-Frammenti ta’ Saffo (2023).
Ċipru u Kreta. Il-baħar miksi iġfna. Xmajjar u xtajta niedja. Il-masġar tat-tuffieħ. Il-mergħa mimlija ward. L-istilel lewn il-fidda madwar il-qamar. Dawn huma wħud mix-xenarji li nsibu fil-poeżiji tal-Greċja tal-Qedem ta’ Saffo, maqluba għall-Malti minn Warren Bartolo f’Il-Frammenti ta’ Saffo (Ede Books, 2023). Huma xenarji li jqanqlu l-immaġinazzjoni f’poeżiji li mhumiex wisq ikkonċernati bil-post, iżjed bil-qagħda tal-bniedem, imma li joħduna f’dinja ta’ mħabba u setgħa femminili, it-temi li tittratta Saffo.
Saffo min hi? Twieldet fil-gżira Griega ta’ Lesbos fis-seklu sebgħa QK u għexet u kkomponiet il-poeżija lirika, li x’aktarx kienet akkumpanjata mill-mużika, għal ħafna minn ħajjitha fil-belt ta’ Mitileni, ħlief għal perjodu ta’ eżilju f’Sirakuża, Sqallija. Tista’ forsi titqies bħala l-ewwel poetessa li kisbet fama universali fi żmienha u li għadha tinqara u tispira ħafna kittieba ġodda sal-lum, għalkemm ma kinitx sewwasew l-ewwel kittieba mara li nafu biha. Fil-Greċja tal-Qedem stess, kienet influwenti ħafna. Platun sejħilha “l-Għaxar Muża” u Sokrate faħħar is-sbuħija tal-lirika tagħha. Lil hinn minn dan, ftit hu magħruf dwarha fiċ-ċert.
Dan kollu u iktar jgħidulna Bartolo stess fid-daħla għall-ktieb. Id-daħla, ta’ min jgħid, hija mhux biss informattiva iżda kreattiva u tista’ kważi kważi titqies letterarja. Bartolo ttraduċa dawn il-poeżiji dirett mill-Grieg Antik u jippreżentahom maġenb is-sors Grieg li uża. Minbarra d-diffikultà ta’ kull traduzzjoni, dan il-proċess kien saħansitra iktar kumpless peress li hemm verżjonijiet differenti tal-korpus tax-xogħlijiet ta’ Saffo u tal-interpretazzjoni tal-kliem fuq il-papiri bit-testi sors. Bartolo jiddedika ftit paragrafi biex jispjega l-għażliet tiegħu f’dan ir-rigward u b’hekk ineħħilna kull dubju dwar l-għarfien tant meħtieġ minn traduttur li jipprova jwasslilna test tant influwenti fl-istorja letterarja dinjija.
Din hija edizzjoni kompluta, fis-sens li tinkludi x-xogħol kollu ta’ Saffo li nafu bih u li m’hemmx dubju li huwa tagħha, b’tal-inqas kelma waħda li tista’ tinqara. Dawn il-vrus instabu bil-mod il-mod fuq papiri differenti tul dawn l-aħħar sekli, fi proċess ta’ arkeoloġija letterarja, bl-iktar sejba riċenti fl-2014, liema poeżiji wkoll huma inklużi. Madankollu l-estent tal-lirika ta’ Saffo li nafu biha lanqas biss tammonta għal għaxra fil-mija tal-vrus li huwa stmat li kkomponiet tul ħajjitha u għalhekk il-ġabra kompluta nnifisha hija fil-fatt framment.
Il-poeżiji wkoll huma frammenti u fl-ebda punt ma ningħataw l-impressjoni li dawn huma testi sħaħ. Bartolo juża simboli differenti biex jindika fejn hemm in-nieqes. Ħafna partijiet intilfu, inqerdu u ntesew. Li jifdal huma poeżiji qosra immens, numru sew minnhom b’inqas minn għaxar kelmiet. Dan il-qosor esaġerat, li la jaqbel mal-istil taż-żmien u lanqas mal-kuntest mużikali preżunt, iqanqal fina sens ta’ kurżità: tgħid għad insiru nafu b’partijiet ġodda jew saħansitra b’poeżiji oħra ta’ Saffo?
Saffo kienet popolari fi żmienha meta kien magħruf il-korpus sħiħ ta’ xogħolha u għalhekk m’hemmx dubju li l-fama tagħha hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq il-merti tal-kitba. Madankollu dan is-sens ta’ vojt kurjuż li joħroġ mill-mitluf żgur għen isaħħar lil ġenerazzjoni wara l-oħra ta’ qarrejja tant sekli wara. Kif jirrimarka Bartolo, għandna nomi mingħajr verbi u aġġettivi mingħajr nomi, u dan iħalli lok għall-immaġinazzjoni biex nimlew il-vojt. U hekk dejjem għamlu t-tradutturi ta’ Saffo u l-akkademiċi li kitbu dwarha, u l-istess jagħmel Bartolo. Din mhix traduzzjoni newtrali u dan narawh saħansitra mill-ewwel paġna fejn Bartolo jagħtina qafas biex naqraw dak li jsegwi b’numru ta’ kwotazzjonijiet minn kittieba li għexu ħafna wara Saffo.
Kif sar standard fl-istudji Saffiċi, it-traduzzjoni għall-Malti tirrifletti l-idea ta’ Saffo bħala poetessa lesbjana u queer, idea tant stabbilita li fil-fatt il-kelma “lesbjana” ġejja minn “Lesbos”, isem il-gżira fejn twieldet Saffo. Madankollu Saffo u kitbietha mhux dejjem kienu meqjusa omoerotiċi; id-diskussjoni kienet diġà bdiet fil-Greċja tal-Qedem u tista’ tgħid għadha għaddejja sal-lum. Dan għaliex, l-ewwel nett, is-sors ewlieni tal-bijografija ta’ Saffo huwa l-poeżiji tagħha stess, iżda ġeneralment il-kritika letterarja tifred il-persona tal-kitba minn mal-ħajja personali tal-kittieba u għalhekk ma nafux jekk is-sentimenti msemmija humiex verament ta’ Saffo jew ta’ xi karattru immaġinat. L-idea ta’ Saffo bħala queer abbażi tal-poeżija tagħha hija sostnuta mill-fatt li kienet waħda mill-ewwel poeti li qatt użat l-ewwel persuna f’xogħolha, minflok ma ppreżentat il-vrus tagħha bħala ispirati mid-divin. Id-dubju jirriżulta wkoll mill-frammentazzjoni, li f’ħafna każijiet toħloq ambigwità dwar min hu jew hi l-maħbub(a) imsemmi(ja). Biss it-tendenza xxaqleb lejn l-idea ta’ maħbubin nisa, li ġieli jissemmew b’isimhom: “Ħabbejtek Attida, darb’ilu”.
Hu x’inhu l-każ, l-imħabba tiddomina f’dawn il-versi. Spiss tingħaqad ma’ sens ta’ tbatija. Il-persona tindirizza lil Afroditi, l-alla tal-imħabba, bħala n-“nissieġa tal-qerq” u titlob li ma tinħakimx minnha. Lil hinn mil-lenti queer, l-aspett femminista f’xogħol Saffo joħroġ ċarissimu mill-enfasi fuq il-mara. Saffo hija l-oppost ta’ Omeru; fejn f’xogħol dan tal-aħħar naraw l-irġiel fil-funzjoni ta’ eroj u n-nisa servili jistennew id-dar, f’Saffo huma l-irġiel li jissemmew biss fil-marġni u n-nisa li jiddominaw. Fi framment 5, pereżempju, anki hekk kif il-mara titlob li ħuha jasal qawwi u sħiħ u jikseb kulma tixtieq qalbu, ma tiċħadx l-istatus tagħha, u titlob ukoll li ħuha jagħtiha l-ġieħ li jistħoqqilha, bħal kull mara oħra.
U b’temi bħal dawn, San Valentinu mhux skuża tajba għal naqra qari klassiku?