Kotba | Il-poeta għandu jkun “strumentali fit-tibdil li jixtieq jara”
Patrick Sammut jitkellem mal-kittieb Dr Alfred Grech dwar in-natura tal-Poeżija, l-irwol tal-poeta u l-muża f’rabta mal-aktar ġabra reċenti tiegħu Tajr tal-Karti (awtoppubblikat, 2022)
Patrick Sammut: Spiss jinħass fil-versi tiegħek l-indirizz lejn dan l-“int”. Min hu jew min hi dan/din l-“int”? Hu/hi entità assenti jew preżenti? U kemm huwa importanti l-“jien” fi vrusek?
Alfred Grech: Federico García Lorca jitkellem dwar El Duende, bħala entità li tinsab ġo fih, u li kull artist u kull min joħloq is-sabiħ ikun fi djalogu jew litiġju (sejjaħlu li trid) fil-ħolqien tal-opra tiegħu. El Duende mhux xi anġlu jew il-muża kif drabi jingħad. Dun Karm Psaila pereżempju jirreferi għall-anġlu tal-poeżija. Il-Griegi kellhom disa’ Mużi, kull waħda tirrappreżenta dixxiplina partikolari ta’ kreattività. Socrates isemmi x-xitan li darba giref meta xorob iċ-ċikuta (hemlock). Descartes isemmi x-xitan tad-dwejjaq. Imma El Duende mhux ix-xitan li nifhmu bih fir-reliġjon Nisranija, imma l-ġenju l-ieħor li jgħammar fil-qalb jew fir-ruħ tal-artista. Ħafna drabi, il-poeżija hija riżultat tar-relazzjoni mal-El Duende tiegħu. Ħafna drabi, imma mhux dejjem, jiena nkun qed nindirizza lil dan “ix-xitan” tiegħi. Ħafna drabi nkun qed nindirizza lili nnifsi u drabi oħra lil xi ħadd partikolari imma li għandu jibqa’ sigriet.
PS: Id-djalogu ma’ kittieba jew poeti oħra fil-versi tiegħek, mela l-intertestwalità. Għandi f’moħħi meta ssemmi lil Gioele Galea pereżempju. Kemm huma importanti dawn għalik, imma anki fil-qasam tal-poeżija inġenerali?
AG: Għalhekk il-poeżija hija l-ogħla forma ta’ espressjoni letterarja, għaliex tqanqal fil-qarrej emozzjonijiet li ma tistax tesprimihom mod ieħor. Intqal li poeżija tajba għandha tbiddlek (jew tbiddillek ħajtek). Ħafna drabi niġi ispirat minn poeżija li nkun qrajt u nħoss li rrid nirrispondi għaliha. U nkun irrid ukoll nindika x’kien li qanqalni biex nikteb dik il-poeżija bħala reazzjoni. Naħseb li aktar milli huwa utli, ikun qed jistimula l-ġenju kreattiv meta poeti u kittieba jiddjalogaw ma’ xulxin permezz tal-ktiba.
PS: Il-kitba tal-poeżija bħala piż li wieħed irid iġorr anki jekk ma jixtieqx; il-poeżija bħala tbatija. Imma minn din is-sofferenza jew toqol titwieled l-isbuħija. Kemm hu minnu dan?
AG: Il-poeta ħafna drabi jsib ruħu fis-sitwazzjoni tal-profeta li jiġi impost fuqu t-toqol illi kliemu mhux fil-vokabularju popolari, li jgħum kontra l-kurrent, li jgħix ta’ ġwejjed quddiem il-vjolenti u jkun sinċier f’dinja tal-faċċoli. Kif ġa għedt, il-poeżija tkun l-iżvog, l-espressjoni ta’ dak li jkun ilu jinħema ġo fih u jgħawwarlu l-ġewwieni tiegħu. Il-poeżija, bħall-arti, imbagħad tesprimi dejjem is-sabiħ imqar meta tirrifletti l-aktar kwadri jew sitwazzjonijiet ta’ dwejjaq fin-natura umana.
PS: Fil-poeżija ‘Exsultet’ tikteb dwar “ekonomija tas-sapun”, “poplu lluppjat”, soċjetà fejn “kollox livellat / għax xejn mhu xejn”. Il-poeżija bħala att politiku. Xi tgħid dwar dan u kemm hemm bżonn li poeżija bħal din tkun iktar preżenti u miktuba mill-poeti kontemporanji?
AG: Oliver Friggieri kien jgħid li l-poeta għandu jkun għannej, filosfu u profeta. Il-profeta li jgħix fil-marġini tas-soċjetà u jippriedka r-riforma, ir-rinovazzjoni u t-tibdil u jikkritika dak li jara fis-soċjetà. F’dan is-sens allura l-poeta għandu jibgħat messaġġi ċari li huma f’sens wiesa’ tal-kelma messaġġi “politiċi” u jkun strumentali fit-tibdil li jixtieq jara. Mhux ta’ b’xejn l-aqwa awturi kienu jinkorporaw dawn it-tliet elementi u li minħabba f’hekk ix-xogħlijiet tagħhom baqgħu dejjiema u jidwu tul is-sekli.
PS: Il-poeta hu dak li qiegħed eżatt fuq il-linja li tifred id-dawl mid-dlam, it-tajjeb mill-ħażin, it-“tfajjel ċkejken ta’ bla ħażen” minn dak li jimxi fuq “is-sies tat-tentazzjoni”, il-kwotidjan mill-ideal. Xi jfisser dan għalik? Tqisu bħala barka jew saħta/piż?
AG: Iż-żewġ naħat tal-istess munita. Minn banda huwa barka. Imnalla jkun hawn min isemma’ leħnu u għalhekk tirrikorri ħafna drabi fil-poeżija tiegħi l-figura tal-ekwilibrista jew tal-arlekkin. Il-poeta li jqis kollox mill-pożizzjoni ta’ wieħed distakkat u li allura xejn mhu mija fil-mija tajjeb jew mija fil-mija ħażin. L-univers jista’ jkun kaotiku imma l-kaos tal-univers joħloq is-simetriji, l-unità u s-sabiħ. Il-bniedem dejjem jimmira lejn l-ideal imma fl-istess ħin qiegħed jgħix fid-dinja tal-kaos u tal-assurdità. Hekk ukoll il-poeta irid dejjem jagħraf is-sabiħ, joħroġ id-dawl fost id-dlam, jislet it-tajjeb mill-ħażin u jitkellem b’mod awtentiku u innoċenti f’dinja tal-ipokriti jew tal-ħallelin. Minn perspettiva waħda dan jista’ jkun piż. Il-poeta jimxi fuq is-sies tat-tentazzjoni għaliex irid imiss in-nar biex ikun jaf in-nar kemm jaħraq, jersaq lejn it-tarf biex jilmaħ il-periklu tal-irdum u jitla’ t-telgħa tal-kalvarju sabiex ikun jaf it-tbatija x’inhi. Fi kliem ieħor, il-poeta jrid jgħix il-ħajja fil-milja tagħha. Minn banda waħda dan huwa piż u mill-banda l-oħra din hija wkoll barka. Iżda huwa d-destin tal-poeta.
PS: Jidher li l-imħabba għandha post ewlieni fil-versi tiegħek. Għaliex dan? Il-poeżija bħala att ta’ mħabba fiha nnifisha. Xi tgħid dwar dan?
AG: Il-ħolqien huwa att ta’ mħabba. Il-poeżija hija ħolqien u għalhekk hija riżultat ta’ att ta’ mħabba. Imma lil hinn minn att ta’ mħabba hija ukoll att ta’ sagrifiċċju għaliex il-poeta jiżvina lilu nnifsu sabiex toħroġ minnu l-kwintessenza ta’ emozzjonijiet splussivi. Il-poeżija hija forma ta’ taħdita spiritwali mad-dinja, man-natura, mal-bniedem u fl-aħħar nett magħna stess. Tibqa’ dejjem il-lingwa tal-imħabba għaliex tqanqal emozzjonijiet diversi. Il-poeżija titkellem mill-qalb, titkellem mal-qarrej b’mod intimu u personali, titkellem is-sewwa u fil-profond u fuq kollox, titkellem fuq is-sabiħ. U kif jgħid John Keats, “a thing of beauty is a joy forever”.
L-awtur bagħatli kopja tal-ktieb biex nintervistah b’mod onest.