Kotba | Lejn fruntieri ġodda

Daniel Cossai jesplora l-letteratura dinjija bil-Malti permezz ta’ Il-Problema tat-Tliet Korpi (Faraxa Publishing, 2024) ta’ Liu Cixin, tradott minn John A. Bonello, u jistħarreġ il-perċezzjoni li l-lingwa Maltija hi limitata

Diversi snin ilu żviluppajt interess qawwi fil-letteratura kontemporanja dinjija lil hinn mill-pajjiżi li s-soltu jaqraw l-iżjed il-Maltin, jiġifieri l-Ingilterra u l-Amerka, l-Italja, u naturalment Malta. Minħabba r-raġuni ovvja li ma nafx il-lingwi kollha tad-dinja, kelli bilfors indur għal-letteratura tradotta u speċifikament għal dik tradotta lejn l-Ingliż biex nesplora din il-kurżità li qabditni. Din minnha nnifisha hija pjuttost ħaġa problematika. Il-valur tal-qari ta’ kulturi u perspettivi oħra jittaffa xi naqra meta, fl-aħħar mill-aħħar, xorta tkun qed taqra kollox iffiltrat mil-lenti tal-Ingliż u ta’ tradutturi Anglofoni li trabbew proprju fil-kulturi tal-pajjiżi li mdorrijin naqraw. 

Imma x’taqbad tagħmel la l-limitazzjonijiet lingwistiċi huma li huma? Soluzzjoni waħda hi li almenu tfittex traduzzjonijiet lejn il-lingwi l-oħra li taf, li joffrulek diversità mill-filtru purament Anglofonu. Hawnhekk imma ltqajt ma’ problema fejn jidħol il-Malti. Filwaqt li l-kultura tat-traduzzjoni letterarja f’Malta tmur lura mhux ħażin, fil-biċċa l-kbira sibt li l-kotba tradotti lejn il-Malti, almenu dawk li għadhom faċilment aċċessibbli llum, huma primarjament kotba klassiċi jew minn awturi li anki jekk wieħed forsi għadu ma jitfagħhomx fil-keffa mal-klassiċi l-kbar, xorta waħda huma ismijiet pjuttost prominenti fix-xena letterarja b’mod partikolari tas-seklu li għadda. Kitba barranija mis-seklu tagħna stess bil-Malti ftit li xejn stajt insib. 

Bil-pubblikazzjoni riċenti tat-traduzzjoni ta’ John A. Bonello tar-rumanz Ċiniż Il-Problema tat-Tliet Korpi (Faraxa Publishing, 2024), naħseb li verament bdejna nersqu lejn fruntieri ġodda. Faraxa u Bonello tawna xi ħaġa li kienet xi ftit nieqsa fix-xena tal-pubblikazzjoni Maltija u li jien, almenu, kont għatxan għaliha. 

Fil-qosor, Il-Problema tat-Tliet Korpi huwa ktieb tal-fantaxjenza (jew kif qed isir magħruf iżjed fostna, ktieb sci-fi) miktub mill-awtur Ċiniż Liu Cixin ftit inqas minn għoxrin sena ilu. Hu l-ewwel ktieb fi triloġija. Rebaħ bosta premji, kemm fiċ-Ċina, kif ukoll internazzjonalment wara li ġie tradott lejn l-Ingliż. Jitlaq minn punt storiku, ir-Rivoluzzjoni Kulturali li seħħet fiċ-Ċina fis-snin sittin. Minn din l-ispirazzjoni, imbagħad, jiddevja mir-realtà permezz tax-Xatt Aħmar, proġett militari mill-iżjed sigriet bl-għan li jikkomunika ma’ ħlejqiet intelliġenti minn barra d-dinja tagħna. Ir-rumanz jagħmel qabża fiż-żmien sas-snin tal-lum, li madankollu jidhru differenti mhux ħażin minn dak li aħna familjari miegħu f’din l-istorja alternattiva fejn il-bnedmin irnexxielhom jagħmlu kuntatt ma’ soċjetà aljena li, min-naħa tagħha, tippjana li tinvadi l-pjaneta tagħna. Minn hemm nibdew storja eċitanti u drammatika li sservi wkoll bħala esplorazzjoni teoretika interessanti tar-reazzjoni umana fil-konfront ta’ theddida eżistenzjali esterna. 

Il-Problema tat-Tliet Korpi mhuwiex l-ewwel ktieb kontemporanju minn kulturi inqas familjari mal-Maltin tal-lum li ġie tradott u ppubblikat f’Malta. Is-sena l-oħra, pereżempju, ġew ippubblikati Jugoslav (ukoll minn Faraxa Publishing), ktieb mis-Serbja li ħareġ fl-2019 bil-lingwa oriġinali u ġie tradott minn Toni Aquilina, u Norwegian Wood ta’ Haruki Murakami, li nqaleb għall-Malti minn Charles Flores (Horizons) – għalkemm fil-każ tal-aħħar diġà qegħdin nitbiegħdu xi ftit billi l-ktieb inkiteb iżjed minn tletin sena ilu. Madankollu, din il-pubblikazzjoni għamlet ħaġa li, sa fejn jien konxju, qatt ma rajna bħalha qabel f’Malta, u li kienet ir-raġuni għalfejn kont tant ħerqan għall-ktieb. L-istorja ta’ Liu Cixin splodiet fil-popolarità madwar id-dinja wara li, f’Marzu li għadda, ħarġet is-serje ta’ Netflix ispirata mill-istess ktieb 3 Body Problem, li malajr saret l-iżjed serje popolari madwar id-dinja fuq Netflix għal xi ġimgħat wara li ħarġet. Għall-ewwel darba, il-qarrejja Maltin li ltaqgħu ma’ storja fuq l-iskrin ispirata minn ktieb u tħajru jaqrawha jistgħu jagħmlu dan mhux bl-Ingliż, kif dejjem għamilna, imma bil-Malti – mhux għexieren ta’ snin wara imma fix-xhur immedjatament wara li l-istorja saret popolari ma’ kulħadd, meta għadha relevanti. Kienet deċiżjoni għaqlija ħafna u, nittama, l-ewwel minn ħafna iktar. 

Huwa ġeneralment stabbilit li t-traduzzjoni sservi bħala mezz li jittrasferixxi l-ideat. Permezz tat-traduzzjoni letterarja jistgħu jidħlu kunċetti ġodda f’kultura letterarja partikolari. Jien u naqra t-traduzzjoni ta’ Bonello – li hi miktuba sew ħafna, b’Malti mirqum u li jżommok, li fl-ebda punt ma jinħass sfurzat, u meqjus sew fejn jidħlu l-ħafna termini li s-soltu naqrawhom bl-Ingliż – sibt ruħi konxju ta’ kemm affarijiet li aħna mdorrijin bihom fil-kotba bl-Ingliż u b’lingwi oħra, bħal pereżempju ċertu simboliżmu, ma tantx għadna narawhom f’ħafna mir-rumanzi kontemporanji Maltin, anki jekk konna nsibuhom f’kitbiet eqdem. Ir-rumanz Malti, fil-fatt, donnu qabad tendenza pjuttost realista. Din mhix xi ħaġa ħażina – kulturi letterarji differenti jagħmlu affarijiet differenti, li wara kollox kienet ir-raġuni għalfejn żviluppajt interess fil-letteratura dinjija – imma għalija serviet ta’ tfakkira dwar l-importanza tat-traduzzjoni fi kwalunkwe soċjetà biex nibqgħu dejjem inġeddu ruħna u l-ideat li aħna esposti għalihom. Filwaqt li, naturalment, il-Maltin huma familjari ma’ dawn l-ideat f’kotba bl-Ingliż, il-fatt li narawhom bil-Malti jfakkarna li l-kitba bil-Malti mhix intrinsikament limitata għal xi stil partikolari u nistgħu noħduha f’postijiet fejn, bħalissa, mhix tmur wisq. Dan jgħodd għall-ġeneru tal-ktieb daqskemm jgħodd għat-tekniki: il-fantaxjenza bil-Malti, għalkemm għandna xi ftit eżempji tagħha, hija kważi ineżistenti. Il-Problema tat-Tliet Korpi, jekk il-ktieb jinħabb mill-Maltin, jaf jispira kittieba ġodda. 

Essenzjali f’dan kollu, naħseb, huwa l-fatt li dan hu ktieb ta’ żmienna. Lil hinn mill-istorja u t-traduzzjoni eċċellenti li ċertament se jieħdu gost bihom ħafna qarrejja, huwa dan il-punt li nittama li din il-pubblikazzjoni se tittimbralna f’moħħna. It-traduzzjoni lejn il-Malti ta’ kotba tal-lum, relevanti u popolari, hija xi ħaġa bżonjuża. Ejja naraw iżjed minnha. Ibda biex, u ċert li mhux waħdi li nixtieqha, bil-bqija ta’ din it-triloġija. 

More in Arti