Kotba | L-eżistenza tiegħek ward u żahar?

Għall-aħħar reċensjoni ta’ din is-sena, Elena Cardona tagħżel il-ktieb ta’ Immanuel Mifsud FILLI MA TCUN XEIN, FILLI TITHOL FL’ESISTENZA u tesplora dan it-test minn lentijiet diversi

Issa li qiegħed joqrob il-Milied, huma ħafna dawk li barra milli jaħsbu għar-rigali u l-ikel li jridu jixtru biex iħejju l-ikliet mal-familja u l-festini mal-ħbieb, jibdew jaħsbu kif kienet is-sena li waslet fi tmiemha. Naqbdu lilna nfusna nanalizzaw jekk ir-riżoluzzjonijiet li għamilna f’Jannar irnexxilniex inżommuhom. Fost il-ġenn kollu li jġibu dawn il-festi, nippruvaw nisirqu ftit ħin għalina nfusna biex naraw fejn aħna, imxejniex ’il quddiem jew staġnajniex fl-istess post. Fl-aħħar mill-aħħar inkunu qegħdin ngħarblu l-eżistenza tagħna, lilna nfusna, lil ħajjitna u l-esperjenzi li ngħaddu minnhom. 

 U propju hekk li jagħmel il-ktieb il-ġdid ta’ Immanuel Mifsud FILLI MA TCUN XEIN, FILLI TITHOL FL’ESISTENZA. Ippubblikat minn Klabb Kotba Maltin (2024), dan ir-rumanz mhux daqshekk twil, jitkellem fuq perjodu partikolari mill-ħajja ta’ Edgar meta ommu tkun waslet lejn l-aħħar ta’ ħajjitha. Huwa dan il-mument partikolari li jqanqal ħafna sentimenti u mistoqsijiet tant li l-eżistenza ta’ Edgar ma tibqax ankrata f’ċertu twemmin, iżda, kif jistqarr it-titlu tar-rumanz, filli ma tkun xejn minn dak li ħsibt u f’salt tidħol f’eżistenza nazzarda ngħid ġdida. Is-sigriet li ommu tistqarrlu lejn l-aħħar ta’ ħajjitha – li jħalli lill-qarrejja b’diversi interpretazzjonijiet – ibiddillu l-eżistenza tiegħu u l-affarijiet li ġraw fi tfulitu biex jibdew jagħmlu iktar sens jew jitilfu s-sens kollu tagħhom. Għalhekk, Edgar jiġi ppreżentat lill-qarrejja ontoloġikament u fenomenoloġikament, jiġifieri l-qarrejja jistgħu jiffurmaw idea tal-karattru ta’ Edgar mill-esperjenzi li għadda u għaddej minnhom u l-mod ta’ kif hu jħares lejn il-ħajja.  

Il-qarrejja jsiru jafu lil Edgar mill-vjaġġi tiegħu tax-xogħol, mill-kmamar tal-lukandi barra minn Malta u mid-djar ta’ ommu u tiegħu ġewwa Malta. Isiru jafuh ukoll mill-preżenza qawwija ta’ karattri nisa fir-rumanz: ommu, iz-zija Melinda, Astrid u diversi nisa oħra li jibqgħu anonimi. Fatt ieħor importanti hu ż-żmien li fih isseħħ l-istorja li hu żgur bejn Marzu u Mejju, kif jidher ċar mis-sottotitlu tar-rumanz: Marzu, April, Mejju. Sal-aħħar tar-rumanz il-qarrejja jirrealizzaw li hu Mejju meta Edgar jistqarr li ‘Għadu Mejju imma s-sħana diġà ħadet sew’ – xi ħaġa tipika tal-gżejjer tagħna. Dawn ix-xhur huma marbuta ma’ affarijiet partikolari li seħħew fihom u jalludu wkoll għall-poeżija ‘Mejju Ġie bil-Ward u ż-Żahar’ ta’ Ġan Franġisk Buonamico. 

  Bla ma ridt waqt li kont qiegħda naqra dan ir-rumanz ftakart f’Il-Gaġġa ta’ Frans Sammut. Ħassejt xebh bejn il-karattru ta’ Fredu Gambin u Veffa ta’ Sammut u Edgar u Astrid ta’ Mifsud. L-istess bħal Fredu Gambin, Edgar, fl-aħħar mumenti tal-ħajja ta’ ommu, jaħseb dwar is-sodisfazzjonijiet sesswali tiegħu u kif hu jista’ jtaffi l-ġuħ ta’ Astrid. L-identifikazzjoni ta’ ommu u Astrid jitwaħħdu u kważi kważi Astrid tieħu post ommu. Fejn Edgar ma tantx kien tal-idea li jintrabat ma’ mara waħda, issa narawh irid jibda relazzjoni ma’ Astrid biss. U bħalma Fredu Gambin jitlaq minn Malta biex jesperjenza l-katarsi tiegħu, f’Mifsud naraw lil Astrid ġejja toqgħod Malta ma’ Edgar biex flimkien jibdew jgħixu r-rebbiegħa tagħhom. Element ieħor simili hu l-influwenza reliġjuża. Mifsud jikkwota siltiet mill-ktieb Imxi il Genna, jeu Ctieb tat-talb u tat-taghlim tar-ruh ta’ Amabile Sisner, ktieb li omm Edgar kienet tgħożż immens. Xi ħaġa interessanti oħra hi l-messaġġi li Edgar kien jirċievi fuq WhatsApp. Biċċa minnhom huma referenzi għal siltiet bibliċi. Minkejja s-similarità bejn dawn iż-żewġ rumanzi eżistenzjali u psikoloġiċi, Mifsud juża stil narrattiv li jixbah iktar il-mod kif jaħseb Edgar. Fil-fatt ma jsegwix ordni kronoloġika, bħalma jiġri bil-ħsibijiet f’moħħ il-bniedem – f’daqqa u invażivi. Barra minn hekk, ir-rumanz mhuwiex maqsum f’kapitli u l-użu tal-punteġġatura mħaddem bir-reqqa.  

Element ieħor li jispikka f’dan ir-rumanz hu l-użu tat-tieni persuna, li Mifsud diġà jużah fir-rakkont tiegħu Fl-Isem tal-Missier u (tal-Iben) (Klabb Kotba Maltin, 2010). It-tieni persuna taddotta rwoli distinti meta tiġi użata fin-narrattiva. Hawnhekk Edgar huwa l-indirazzatur li daqqa jindirizza lil ommu u f’waqtiet oħra lil Astrid. L-użu tat-tieni persuna mhuwiex xi ħaġa daqshekk komuni u huma Alex Vella Gera u Walid Nabhan, flimkien ma’ Immanuel Mifsud, li jimpjegawh. Imma Mifsud imur lil hinn minn hekk għax mhux talli juża t-tieni persuna fis-singular (Edgar jindirizza lil ommu jew Astrid) iżda jagħmel użu mit-tieni persuna plural fejn Edgar jindirizza lil ommu u lil Astrid fl-istess waqt: ‘Minn hawn, inħares lejkom, ma nafx nippreferix nibqa’ hawn narakom mid-distanza, inkella niġix bilqiegħda magħkom, fejnkom, bejnietkom’. Għalhekk matul ir-rumanz l-indirizz kontinwament jinbidel peress li n-narratur (Edgar) jindirizza lil ommu u lil Astrid (narratarji) waħedhom jew flimkien, skont il-ħtieġa. Dawn l-inidirizzi, li xi kultant jistgħu jinħassu tqal waqt il-qari, jikxfu elementi bażiċi dwar il-mod ta’ kif in-narratur iħares lejn in-narratarji tiegħu u x’tip ta’ relazzjonijiet u intimità għandu magħhom. 

Minkejja li jkolli nammetti li nippreferi l-iktar il-poeżiji ta’ Immanuel Mifsud, dan in-rumanz għandu elementi ġodda x’joffri lilkom il-qarrejja huwa u jtella’ fil-wiċċ temi li Mifsud ta’ sikwit jiddiskuti fil-proża tiegħu.   

L-awtur bagħat kopja lir-reċensur biex tirreċensah b’mod onest. 

More in Arti