Film Spanjol, Franċiż u Brażiljan għal din il-ġimgħa

Il-Malta Short Film Festival ikompli din il-ġimgħa bil-film Moire’, Lovesick u Jungle Spirits nhar il-Ġimgħa fl-21.45pm fuq TVM u ripetizzjoni l-Erbgħa ta’ wara fl-istess ħin fuq TVM2.

Xena mill-film Moire’, film Spanjol b’messaġġ qawwi ħafna
Xena mill-film Moire’, film Spanjol b’messaġġ qawwi ħafna

Moire’ hu film minn Spanja b’messaġġ soċjali qawwi ħafna. L-istorja ddur madwar familja ddominata min-nannu, s-sempliċità tan-nanna li taċċetta l-ħajja kif inhi minkejja l-insulti ta’ żewġha, binthom u t-tifel tagħha Sergio. Miftiehem man-nanna, kuljum Sergio jilbes l-ilbies ta’ tifla għal siegħa. X’se jiġri meta jinkixfu sigrieti li ilhom mistura f’din id-dar għal snin twal? 

Lovesick hu film mill-Brażil, film surrealistiku b’elementi ta’ komiċità satirika. Il-film hu riflessjoni ta’ ħajja ta’ raġel u kif wasal fl-istat li qiegħed fih bħalissa. Il-film juri t-tfittxija personali tiegħu għall-imħabba.

Jungle Spirits hu dokumentarju minn Franza li mhux biss juri d-diversità ta’ friefet imma jagħti tagħrif dwar x’jissimbolizzaw f’kulturi differenti. Bħal fil-kultura Aztec, fl-Asja, ifissru immortalità u fil-Lvant huma s-simbolu tar-rebbiegħa.

Kull film hu segwit mid-diskussjoni bejn il-ġurija residenti fl-istudjo. Għal aktar tagħrif żuru s-sit elettroniku www.maltashortfilmfest.com. 

Il-festival hu produzzjoni ta’ Joyce Grech u Tony Parnis għal Malta Film Foundation, muntaġġ ta’ Gian Luca Mercieca u direzzjoni ta’ Ruben Cassar. Il-festival qed jittella’ bil-għajnuna ta’ ħafna kollaboraturi fosthom il-Malta Arts Fund u Local Initiative Cultural Fund.

More in Divertiment