Imnedija l-iskema ta’ investiment fil-festi Maltin u Għawdxin għall-2025

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-linji gwida u r-regolamenti għall-Iskema għall-Wirt Artistiku 2025

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-linji gwida u r-regolamenti għall-Iskema għall-Wirt Artistiku 2025. Din l-iskema se tkompli tappoġġa l-għaqdiet kulturali u soċjali f’Malta u Għawdex li jaħdmu b’mod volontarju biex isaħħu u jippreservaw it-tradizzjonijiet relatati mal-festi Maltin. 

Din l-iskema tkopri tliet kategoriji ewlenin: 

  • Soċjetajiet tal-Banda u Soċjetajiet Mużikali tal-Festa – kull entità hi eleġibbli sa €8,000 

  • Saħħa u sikurezza fil-kmamar tan-nar – kull entità hi eleġibbli sa €5,000* 

  • Armar artistiku semipermanenti – kull entità hi eleġibbli sa €5,000 

*Għaqdiet li jużaw kmamar tan-nar li mhumiex propjetà tagħhom jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €2,500. 

Il-Ministru Owen Bonnici saħaq fuq l-importanza ta’ din l-iskema biex ikompli jissaħħaħ il-wirt kulturali Malti. “Il-festa Maltija hija parti mill-identità tagħna. Permezz ta’ din l-iskema, qed ninvestu direttament f’dawk l-għaqdiet li b’ħidmiethom jippreservaw u jżidu s-sbuħija tal-festi tagħna, filwaqt li nżidu s-sigurtà u nsaħħu l-infrastruttura kulturali tagħhom.” 

Min-naħa tagħha, Rita Falzon, Kap tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet “Din l-iskema hija mfassla biex tagħti l-appoġġ meħtieġ lill-għaqdiet li jiddedikaw ħinhom biex itellgħu u jżommu ħajja t-tradizzjonijiet artistiċi u mużikali marbuta mal-festi Maltin. Aħna nħeġġu lill-organizzazzjonijiet eleġibbli biex japplikaw u jibbenefikaw minn dan il-fond.” 

L-applikazzjonijiet għall-ewwel sejħa tal-iskema se jintlaqgħu sal-1 ta’ April 2025, bir-riżultati mistennija joħorġu fit-8 ta’ Mejju 2025. L-applikazzjonijiet għat-tieni sejħa se jkunu miftuħa sas-7 ta’ Ottubru 2025, bir-riżultati mistennija fit-13 ta’ Novembru 2025. 

Għal aktar informazzjoni dwar l-iskema u l-proċess ta’ applikazzjoni, żur is-sit www.artscouncil.mt jew ikkuntattja lill-Kunsill b’email fuq [email protected] jew bit-telefown fuq  23347230. 

More in Divertiment