Minn Malta għall-Isvezja għall-Istati Uniti
Il-Malta Short Film Festival din il-ġimgħa se jeħodna f’vjaġġ ċinematografiku minn Malta għall-Isvezja u l-Istati Uniti, bi tliet films differenti ħafna minn xulxin.
Dark Places hu l-isem ta’ film animat li jlaqqagħna ma’ Lucas, li jinsab f’post mudlam, waħdu, imwerwer, armat biss b’lanterna f’idu. Dirett minn Matt Stroud, dan il-film joħloq spazju infinit li bil-viżwal u l-ħsejjes jenfasizza l-emozzjonijiet ta’ biża’ fil-karattru prinċipali.
Film ieħor li qed jipparteċipa fil-festival ta’ din is-sena hu Parallax mill-Istati Uniti. Dan il-film iqabbel tliet ġenerazzjonijiet ta’ nisa; nanna, omm u bint – ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom u l-effett tal-ħajja fil-fantasija li għexet in-nanna f’żgħożitha bħala kittieba fuq bintha u l-faxxinu tan-neputija bl-istejjer li kitbet in-nanna. Juri wkoll il-preżent fejn in-nanna qed tbati minn mard u allura qed tinsa l-fatti tal-passat. Direzzjoni ta’ Chris Coleman.
L-aħħar film għal din il-ġimgħa hu film ta’ satira, Storybook Wedding mill-Isvezja. Film miktub kollu bil-vers meta koppja li jkunu għadhom kemm jiżżewġu, qabel ma jaqsmu l-kejk tat-tieġ, ir-raġel jakkuża lil martu, quddiem il-mistiedna, li hi żżewġitu għal flusu u mhux għall-imħabba.
Kull film hu segwit mid-diskussjoni bejn il-ġurija residenti fl-istudjo. Għal aktar tagħrif żuru s-sit elettroniku www.maltashortfilmfest.com.
Il-Malta Short Film Festival jixxandar il-Ġimgħa fuq TVM fl-10.10pm, b’ripetizzjoni l-Erbgħa fl-istess ħin fuq TVM2.
Il-festival hu produzzjoni ta’ Joyce Grech u Tony Parnis għal Malta Film Foundation, muntaġġ ta’ Gian Luca Mercieca u direzzjoni ta’ Ruben Cassar. Il-festival qed jittella’ bil-għajnuna ta’ ħafna kollaboraturi fosthom il-Malta Arts Fund, TVM u Local Initiative Cultural Fund.