![[IT-TIENI PARTI] Is-sensiela oriġinali Planet of the Apes](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/planet_of_apes_2.png)
Il-gwerra, taħt l-art u t-televixin
F’dan is-sitt programm se naraw tliet films oħra: The Typist mill-Iżrael, The Confessional mill-Italja u Television mir-Renju Unit.

The Typist hu film dirett minn Sergey Vlasov, u jittratta sitwazzjoni surreali ta’ dinja taħt l-art fejn numru ta’ tajpisti, b’mod sinkronizzat, jittajpjaw numri kontinwament. Tiġri sitwazzjoni fejn wieħed mit-tajpisti jinkisirlu numru mill-keyboard u jkollu joħroġ mill-kamra biex ifittex keyboard ġdida. Il-keyboard il-ġdida tittajpja numri ħomor flok bojod, xi ħaġa ġdida fir-realtà tagħhom. Film li għandu komiċità partikolari ħafna u direzzjoni mill-aqwa.
It-tieni film hu The Confessional mill-Italja. B’direzzjoni ta’ Davide Pompeo, dan il-film hu tribut għaż-żmien ta’ reżistenza fl-Italja waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-film hu ambjentat f’raħal żgħir fl-1943 fejn żagħżugħ jipprova jaħrab min-Nazi u jistaħba f’konfessjonarju fi knisja taparsi qassis qed jagħmel il-qrar. Is-suldat Nazist iqerr dwar id-dispjaċir tiegħu li ġurnata qabel kien qatel raġel fil-gwerra. Dan ir-raġel jiġi ħu dan iż-żagħżugħ li qed jisma’ l-qrar. Film drammatiku b’xenarju mill-isbaħ tan-natura fl-Italja.
L-aħħar film hu Television. Film edukattiv, dirett minn Ollie Bradley Baker u li hu msejjes fuq il-poeżija tal-kittieb Roald Dahl bl-istess isem. Il-film jittratta dwar il-ħsara li tista’ ssir jekk wieħed iqatta’ ħafna ħin quddiem it-televixin.
Kull film hu segwit mid-diskussjoni bejn il-ġurija residenti fl-istudjo. Għal aktar tagħrif żuru s-sit elettroniku www.maltashortfilmfest.com.
Il-Malta Short Film Festival jixxandar il-Ġimgħa fuq TVM fl-10.10pm, b’ripetizzjoni l-Erbgħa fl-istess ħin fuq TVM2.
Il-festival hu produzzjoni ta’ Joyce Grech u Tony Parnis għal Malta Film Foundation, muntaġġ ta’ Gian Luca Mercieca u direzzjoni ta’ Ruben Cassar. Il-festival qed jittella’ bil-għajnuna ta’ ħafna kollaboraturi fosthom il-Malta Arts Fund, Radisson Blu Resort, Studio Seven, TVM u Local Initiative Cultural Fund.