Madwar id-dinja minn fuq is-sufan

Programm ieħor mill-Malta Film Festival

Din il-ġimgħa nibdew il-vjaġġ ċinematografiku bil-film Full Circle mill-Istati Uniti, film qasir ħafna dirett minn Pauline Gefin. Il-film jittratta sitwazzjoni komuni fil-belt ta’ New York, fejn tfajla tħenn għal raġel li m’għandux biex jixtri x’jiekol u tħallaslu hi. Jgħaddi ż-żmien u s-sitwazzjoni tinqaleb u ssib raġel attraenti li jħallsilha l-ikel meta hi tiġi fil-bżonn.

The Last Afternoon hu film drammatiku ħafna minn Spanja. Dirett minn Ruy Balana, dan hu film li juża t-teknika tal-flashback biex jibni storja li ġrat ħafna snin ilu fid-dar li trabba fiha Andres, li llum irritorna fid-dar ta’ ommu biex jeħodha tgħix miegħu fl-aħħar stadju ta’ ħajjitha minħabba l-mard. F’dan l-aħħar nofs ta’ nhar fid-dar, is-sigrieti tal-familja fl-aħħar jinkixfu.

F’dan il-programm naraw ukoll Serena mil-Lussemburgu. Film eċċezzjonali li juri kif iż-żgħażagħ jagħmlu pressjoni fuq xulxin u jispiċċaw vittmi ta’ vizzji, vjolenza u kriminalità. Grupp ta’ żgħażagħ jiddeċiedu li jisirqu mara jisimha Serena. Għalkemm titolbu bil-ħniena biex jikkunsidra x’qed jagħmel, Joe li hu iżgħar mill-grupp u qed jagħmel att kriminali l-ewwel darba, jibqa’ jwebbes rasu biex jaqbel mal-grupp ta’ ħbieb. Direzzjoni ta’ Eric Lamhene.

Kull film hu segwit mid-diskussjoni bejn il-gurija residenti fl-istudjo. Għal aktar tagħrif żuru s-sit elettroniku www.maltashortfilmfest.com. 

Il-Malta Short Film Festival jixxandar il-Ġimgħa fuq TVM fl-10.10pm, b’ripetizzjoni t-Tnejn fid-9.15pm fuq TVM2.

Il-festival hu produzzjoni ta’ Joyce Grech u Tony Parnis għal Malta Film Foundation, muntaġġ ta’ Gian Luca Mercieca u direzzjoni ta’ Ruben Cassar. Il-festival qed jittella’ bil-għajnuna ta’ ħafna kollaboraturi fosthom il-Malta Arts Fund, Radisson Blu Resort, Studio Seven, TVM u Local Initiative Cultural Fund.

More in Divertiment