Tnedija ta’ ‘It’s Lara Marie’ - stazzjon fuq YouTube

‘It’s Lara Marie’ huwa l-isem ta’ stazzjon fuq YouTube li hu mmexxi u ppreżentat minn persuna waħda. Lara Marie, li hi eks-blogger tal-moda fuq ‘Boffism’ tgħid li wara kważi tliet snin tikteb fuq il-moda biss ħasset il-bżonn li timxi għal xi ħaġa ikbar. “Permezz tal-blogg tiegħi kont inħoss li għamilt kulma ridt. Kont saħansitra mistiedna fil-ġimgħa tal-moda ta’ Londra - fost ħafna aktar esperjenzi oħra barra minn Malta. Għalhekk iddeċidejt li rrid sfida ikbar, dik li noħloq stazzjon ftit differenti fuq YouTube.”

‘It’s Lara Marie’ għandu struttura li hi ispirata mit-televizjoni tradizzjonali, bi skeda għal kull staġun. Bħalissa għaddejja skeda ta’ tliet serje differenti. Hemm episodji fuq sbuħija u xagħar bl-isem ta’ ‘Beauty Blender’. Jixxandar episodju ġdid kull nhar ta’ Tnejn u fuqu l-udjenza tintwera prodotti ġodda u tingħata informazzjoni fuq kif tista’ tużahom. Nhar ta’ Ħamis qed tixxandar serje umoristika jisimha ‘Unimpressed’ u nhar ta’ Sibt hemm episodji dwar il-moda bl-isem ta’ ‘Fashion Fix’. Dawn kollha jitilgħu fuq YouTube kif ukoll fuq is-sit elettroniku www.itslaramarie.com.

Lara, li diġà laħqet iktar minn żewġ miljun viżitatur fuq is-sit tal-Google+, bħalissa qed taħdem ukoll fuq l-iskeda l-ġdida li tibda fl-aħħar ta’ Settembru. Apparti minn hekk fil-ġimgħat li ġejjin dan l-istazzjon se jingħaqad ma’ eluf oħra fuq l-ikbar żewġ networks ta’ YouTube ibbażati fl-Istati Uniti.

More in Divertiment