L-20 finalista tal-Eurovision isemmgħu leħinhom
X'jaħsbu l-kantanti finalisti fuq id-diski l-oħrajn? Minn dak li qalu huma stess jidher li l-favorita fosthom hi Amber bid-diska Warrior
Il-Eurovision reġa’ magħna u nammettu jew ma nammettux il-Maltin kollha xi ftit jew wisq jinteressaw ruħhom f’dan il-festival. Hemm min jarah għax tassew fanatiku u hemm min jarah biex jintefa’ jgħaddi siegħa żmien u jgħaddi l-kummenti tiegħu fuq il-mezzi soċjali u forsi wkoll jintefa’ jsib ix-xagħra fl-għaġina biex qatt ma jammetti li għoġbitu xi diska.
Din is-sena l-Eurovision ġie qabel is-soltu. Ma laħqitx għaddiet is-sena tqala sakemm wellidna, b’ħafna qtugħ ta’ nifs, id-diska rebbieħa. Iżda din id-darba se jsir f’Novembru minħabba li l-PBS għażel li ġaladarba se jkun hemm il-palk lest u armat fil-Marsa Ship Building għal Junior Eurovision, nistgħu nieħdu x-xoqqa f’moxtha biex nużawh immedjatament għal tal-kbar.
Dan il-ġurnal staqsa erba’ mistoqsijiet lill-20 finalista li ntgħażlu fuq Xarabank fit-3 t’Ottubru. Il-mistoqsijiet kienu:
- Iddeskrivi d-diska tiegħek fi tliet kelmiet...
- X’qed tistenna minn din il-parteċipazzjoni tiegħek fil-Eurovision?
- Liem hi d-diska favorita tiegħek fil-festival?
- X’hemm differenti fid-diska tiegħek li jagħmilha differenti mill-oħrajn?
Ir-risposti qegħdin fl-ordni li biha tħabbru l-kanzunetti finalisti fuq il-programm Xarabank.
Glen Vella – Breakaway
B’saħħitha, tal-widna, movimentata.
L-iktar ħaġa importanti hu li nagħti preżentazzjoni tajba tal-kanzunetta u li nwassal il-messaġġ pożittiv lill-udjenza u lit-telespettaturi waqt li wkoll nittama li nilħaq l-aspettazzjonijiet tal-ġurija.
Ma nistax niġġudika fuq minuta, u wieħed għandu jiġġudika fis-serata finali. Iżda mill-ftit li smajt id-diska ta’ Amber, ta’ Franklin, ta’ Christabelle u ta’ Chris Grech għoġbuni.
Naħseb li hija diska tajba u li togħġob lill-poplu Ewropew.
Trilogy – Chasing a Dream
Diska Symphonic Rock
Bħala riżultat ma tista’ tistenna xejn għax l-opinjoni tal-ġurija hija suġġettiva. L-aktar ħaġa importanti hi li l-prestazzjoni tkun tajba u preċiża kemm jista’ jkun. L-aspettativa tagħna hi li nagħtu wirja mużikali tajba kif jixraq fi spettaklu ta’ dan il-kalibru. Bħal dejjem se nwasslu l-kunċett li Trilogy magħrufin għalih, anke wara t-twelid mill-ġdid tal-grupp tagħna. Issa, jekk ikollna x-xorti li nintgħażlu biex nirrappreżentaw lil Malta, aħna lesti u ppreparati għal dan il-għan.
Għadu kmieni ħafna f’dil-fażi biex tiġġudika, speċjalment minħabba li l-kanzunetti għadhom ma nstemgħux kollha. Però fl-aħħar ġimgħa malajr tinduna liema huma dawk il-kanzunetti li jkunu mal-favoriti. Nistennew u naraw.
Il-fatt li hemm tliet vuċijiet f’armonija totali, bi stil semi klassiku b’influenza kbira tal-ġeneru rock. L-isem Trilogy diġà assoċjat ma’ dan l-istil ‘crossover’ fil-gżejjer Maltin u lokalment irnexxielna noħolqu ħoss partikolari f’dan il-ġeneru. Kemm jista’ jkun nippruvaw noħolqu xogħol mużikali frisk però fl-istess ħin ta’ kull żmien u jappella għal kull età.
Karen Debattista – 12, Baker Street
Differenti, unika, interessanti.
Nispera li permezz ta’ din l-esperjenza, jinfetħuli bibien ġodda fil-karriera tal-mużika kemm hawn Malta kif ukoll barra minn xtutna.
Mill-ftit li rnexxieli nisma’, id-diska ta’ Corazon ‘Secretly’ laqtitni ħafna għall-fatt li tinstema’ veru sempliċi u tagħti lok biex tispikka il-vuċi sabiħa tagħha.
Id-diska tiegħi hija taħlita ta’ stili differenti li fl-opinjoni tiegħi, ftit smajna bħalhom f’edizzjonijiet passati tal-festival. Mill-ftit li smajt s’issa, ma naħsibx li hemm xi diska oħra li taqa’ taħt l-istess ġeneru ta’ mużika u dak huwa l-fatt li jagħmel id-diska tiegħi differenti.
Franklin Calleja – Still Here
Persistenza għall-imħabba.
Li tkun esperjenza oħra sabiħa li ngawdiha mal-kantanti sħabi u li tiftaħli aktar bibien u opportunitajiet oħra għal karriera tiegħi.
Hemm ħafna diski li veru għoġbuni, u diġà naf inkanta ħafna minnhom! Ma nistax nagħżel waħda partikolari għax hemm kompetizzjoni tajba din is-sena, però mbagħad dejjem ikun hemm dik il-kanzunetta li tispikka.
‘Still Here’ hi ballad moderna li forsi mhux imdorrijin nisimgħu s-soltu u bla dubju n-nies jistgħu jirrelataw magħha minħabba l-lirika diretta li għandha.
Deborah C – It’s Ok
Diska ferrieħa ħafna.
Bħal kull sena li nagħti preżentazzjoni tajba flimkien mat-tim tiegħi. Nispera li mmur tajjeb… Min-naħa tiegħi se nagħmel ħilti kollha mbagħad inħallu f’idejn Alla…
Sa issa ma tantx nista’ ngħid peress li għadna fil-proċess li noħorġu d-diska kollha kemm hi. Però bla dubju d-diski kollha li jaslu sal-fażi finali jkunu ta’ livell għoli.
‘It’s OK’ hija kanzunetta sempliċi immens fil-lirika sabiex wieħed ikun jista’ jkanta magħha. Meta tismagħha tibqa’ tiftakar il-melodija. Hija kanzunetta li żgur trid tibdel il-burdata ta’ ħafna individwi.
Ekklesia – Love & Let Go
Imħabba, servizz, għotja.
Waqt il-ħin tat-talb nitolbu flimkien biex il-Malta Eurovision Song Contest ikun esperjenza sabiħa għal kulħadd, u anke biex permezz tal-parteċipazzjoni tagħna ngħaddu messaġġ pożittiv u nkunu xhieda għall-Knisja f’Malta.
Kull kanzunetta għandha l-potenzjal li tirbaħ... hija kompetizzjoni miftuħa u sabiħa...
Love and Let Go, hija l-istorja tagħna. Aħna nagħżlu li nħobbu lil dawn it-tfal bla kundizzjoni u meta jiġu biex jitilqu, inħossuha wisq iżda, we love and let go.
Lawrence Gray – The One That You Love
Imħabba, realtà, passjoni.
Qed nistenna li nitrasmetti emozzjoni qawwija lill- udjenza preżenti u lit-telespettaturi.
Diffiċli biex tagħżel meta ma tkunx smajt id-diski sħaħ.
Id-differenza hija li d-diska tiegħi titkellem fuq storja reali.
Jessika – Fandango
Moderna, oriġinali u ferriħija.
Li nagħmel l-aħjar li nista’ biex joħroġ prodott tajjeb u li tingħoġob mhux biss mill-pubbliku, li dak il-vot dejjem kien ifisser ħafna għalija, iżda anke mill-membri tal-ġurija.
Jien naħseb li din is-sena hemm ħafna kanzunetti sbieħ u li se jolqtu kull ġenerazzjoni, peress li hemm stili differenti. Personalment naħseb li kulħadd ħaqqu jirbaħ għax naf kemm nistinkaw, però finalment l-għażla hi ta’ waħda u dan huwa f’idejn il-ġurija u dan jiddependi mit-tip ta’ mużika li togħġobhom.
Hija kanzunetta li faċilment issibek tkantaha fi triqtek għax-xogħol jew inti u għaddej bil-ħajja mgħaġġla li ninsabu fiha. Naħseb ukoll li hija moderna u fiha strumenti differenti milli nisimgħu s-soltu. Hija wkoll kanzunetta li se ċċaqalqek tkun fejn tkun.
Daniel Testa – Something in the Way
Pożittiva, ġovanili, friska.
Nixtieq li mmur aħjar mis-sena l-oħra, u lid-diska tiegħi tingħoġob mal-Maltin.
Togħġobni l-kanzunetta ta’ Lyndsay, għax hija ballad b’differenza.
Hija pożittiva b’mod differenti, u hija tip ta’ kanzunetta li s’issa qatt ma ġiet magħżula biex tirrappreżenta lil pajjiżna.
Amber - Warrior
Motivazzjoni, ispirazzjoni, kuraġġ.
Qed nistenna li nikseb esperjenza kif ukoll maturità f’dan il-qasam. Apparti minn hekk, nixtieq li nsir naf aktar lil kantanti li qegħdin jipparteċipaw f’din l-edizzjoni.
Milli smajt s’issa, m’għandhiex diska favorita partikolari għaliex il-kanzunetti kollha huma ta’ livell għoli ħafna, u differenti minn xulxin.
Id-diska tiegħi għandha messaġġ li jista’ jirrelata miegħu kull individwu, ta’ kull età. Apparti minn hekk, il-kanzunetta tiegħi hija fi stil modern.
Christabelle – Rush
Tal-widna, faqa’, bomba.
Ħeqq! Bħal kull kontestant/a ieħor nixtieq nirbaħ!
Għalija hemm ballad tajba, t’Amber, Warrior u kitbuha Elton Zarb u l-Muxu wkoll, l-istess nies li kitbu Rush.
Diska movimentata li ġġiegħlek tiżfen u tkanta magħha. Diska tal-widna ħafna li ġġiegħlek tieħu pjaċir u ma tixba’ qatt tismagħha!
Chris Grech – Closed Doors
Ħajti, saħħa, emozzjonijiet.
Nixtieq nesponi l-mużika tiegħi ’l barra minn xtutna kemm jista’ jkun. Inkun ovvjament ferħan se ntir jekk nirbaħ f’Malta u żgur li nagħmel kull ma nista’ biex nagħti ġieħ lill-pajjiżna u lil mużika li tant hi għall-qalbi.
Minn dak li smajt nista’ ngħid li d-diski kollha huma ta’ livell għoli ħafna. Għoġbuni b’mod partikolari d-diski ta’ Franklin, Corazon u Lawrence Gray.
Naħseb primarjament, il-fatt li ġej minn xena mużikali differenti awtomatikament l-istil se jkun kemxejn differenti, partikolarment għax huwa stil iktar b’saħħtu u jxaqleb lejn l-istil rock.
L-Aħwa – Beautiful To Me
Ferrieħa, pożittiva u tal-widna.
Bħala aħwa, il-mużika tgħaqqadna ħafna. Din hija opportunità oħra fejn se nieħdu gost inkantaw flimkien u nagħtu gost lil ħaddieħor.
Hemm diversi li jinstemgħu sbieħ u kollha għandhom it-timbru partikolari tagħhom. Bla dubju se jkun spettaklu varjat!
Il-fatt li qed inkantawha flimkien bħala aħwa.
Raquel Galdes – Stop Haunting Me
Haunting, onesta u misterjuża.
Il-Eurovision kien il-ħolma tiegħi sa minn meta kont żgħira. Wara l-ħidma kollha li tkun ħdimt, bħal kull kantant ieħor, nistenna rispons tajjeb kif ukoll preżentazzjoni tajba min-naħa tiegħi bl-għajnuna tat-tim kollu. Però, il-Eurovision inġenerali ma narahx biss bħala kompetizzjoni iżda bħala opportunità sabiex tagħmel ħbieb u esperjenzi ġodda fl-industrija tal-mużika.
Personalment id-diski kollha fihom l-istil u s-sabiħ tagħhom u diffiċli tagħżel waħda. Però, li kieku vera kelli nagħzel diska, nagħżel t’Amber, Warrior. Diska bi stil li vera jogħġobni, b’lirika b’saħħitha.
Apparti l-melodija u l-lirika, naħseb l-iktar ħaġa li jagħmilha differenti hija l-vuċi.
Danica Muscat – Close Your Eyes
L-imħabba ġenwina tal-omm.
Ħerqana biex inkanta l-kanzunetta li hija tant personali li titratta l-imħabba tal-omm għat-tarbija tagħha li għadni kif esperjenzajt jien stess ftit tax-xhur ilu, fuq wieħed mill-aqwa, jekk mhux l-aqwa, palk li qatt kien hawn Malta.
Ekklesia, ‘Love and Let Go’ għax ukoll titratta t-tfal u naprezza l-ħidma li jagħmlu dawn is-sorijiet għat-tfal li tant inħobbu aħna l-Maltin.
Li hija kanzunetta personali u emozzjonali li se tolqot lil kulħadd għax kulħadd għandu omm jew figura t’omm f’ħajtu.
Lyndsay Pace – Home
Tal-widna, b’saħħitha u moderna.
Qed nistenna li nikkwalifika f’pożizzjoni tajba, nikseb ċertu popolarità u nitgħallem mill-esperjenza.
Id-diska favorita tiegħi fil-festival hi ‘Love and Let Go’ ta’ Ekklesia, għax għandha messaġġ qawwi u pożittiv.
L-istruttura u l-kompożizzjoni ta’ kif inhi maqsuma d-diska tiegħi fiha ħafna ħsieb u xogħol warajha. Avolja qiegħda fuq stil ballad, xorta wahda hija mexxejja u taqbad tkanta magħha mal-ewwel.
Corazon Mizzi – Secretly
Impenjattiva, kontemporanja u emottiva.
Qed nistenna esperjenza sabiħa u memorabbli.
Sa issa ma smajtx biżżejjed biex inkun nista’ ngħid.
Li ktibtha jien, kliem u mużika.
Iona Dalli – Could Have Been Me
Tal-widna, vivaċi, realistika.
Qed nistenna li tkun esperjenza sabiħa, pożittiva f’kelma waħda tal-ġenn.
L-Aħwa - Beautiful to Me, għax għandha stil sabiħ b’mużika li tolqot il-widna tan-nies.
L-istil ta’ diska huwa stil li ftit tisimgħu fil-Eurovision speċjalment ta’ Malta.
Domenique Azzopardi – Take Me As I Am
Kanzunetta mimlija grinta
Ħaġa waħda biss, l-esperjenza li tgħaddi minnha, li tgħallmek ħafna u timmaturak.
L-aktar diska favorita tiegħi hija Beautiful to Me kantanta mill-aħwa għaliex hija diska sempliċi iżda oriġinali.
Naħseb bħala kanzunetta hija differenti mill-oħrajn rigward stil li tagħmilha differenti ħafna mill-kanzunetti l-ohrajn partecipanti.
Dominic – Once in a While
Diska movimentata, tal-widna.
L-importanti huwa li toħroġ preżentazzjoni tajba u li nieħu pjaċir ninterpreta l-kanzunetta u ngawdi dawk it-tliet minuti.
Rush ta’ Christabelle Borg għax hija kanzunetta li tagħtik ħafna enerġija u ta’ Amber għax ukoll inħobb il-ballads apparti li leħen Amber dejjem għoġobni.
Hija kanzunetta pożittiva u ferriħija u li ġġiegħlek tiċċaqlaq mat-temp tagħha u l-melodija ħelwa li għandha.