Fix-xahar tal-erwieħ
Kont taf li Novembru dejjem jibda fl-istess ġurnata ta’ Marzu? Hekk hu. Jiġifieri jekk Marzu jibda l-Ġimgħa, Novembru jibda l-Ġimgħa wkoll. Kull sena
Ilbieraħ għadu kif beda Novembru. Ix-xahar iddedikat lill-għeżież tagħna li ħallewna u għaddew għad-dinja l-oħra. F’dawn l-aħħar snin Novembru sirna nilqgħuh b’festa pagana, Halloween, li għadna kif iċċelebrajnieh nhar il-Ġimgħa li għadda. Halloween, li għandha oriġini min-nazzjonijiet Keltiċi, jiġifieri dawk in-nazzjonijiet tal-Punent tal-Ewropa, fosthom l-Irlandiżi u l-Iskoċċiżi, infirxet mad-dinja kollha. Illum il-ġurnata, l-Amerikani, kif jafu jagħmlu, jiċċelebrawha b’mod grandjuż u jżejnu t-triqat bi dwal, xemgħat u qara aħmar imnaqqax. Din id-drawwa qed tinfirex qatigħ f’pajjiżi oħra u maż-żmien qed tikseb iktar popolarità fl-Ewropa u anke f’Malta. Fost l-użanzi hemm dik ta’ trick or treating fejn it-tfal iħabbtu mal-bibien tad-djar li jkollhom xemgħa, fanal jew xi qara ħamra mixgħula fit-tieqa u jitolbuhom il-ħelu. Jekk it-tfal ma jingħatawx il-ħelu jistgħu jitfgħu bajd jew toiletpaper mal-faċċata. Jekk jingħataw, kollox jintemm b’wiċċ il-ġid.
Iżda dari, qabel daħlu dawn il-festi t’oriġini Kristjana u li llum saru pagani, x’kienu jagħmlu l-Maltin f’Novembru. L-ILLUM tixtieq tagħti ħarsa lura fil-passat u tara kif kien jiġi mfakkar ix-xahar tal-erwieħ f’pajjiżna.
Il-kaldarun tal-erwieħ
Din kienet drawwa li bdiet mill-Patrijiet tal-Kapuċċini fil-Furjana. Matul ix-xahar ta’ Novembru l-patrijiet kienu jidħlu l-Belt Valletta u jduru l-ħwienet u jaraw x’jiddubbaw. Kienu jmorru għand in-negozjanti u kien jirnexxielhom jiksbu ħobż, ħaxix, għaġin, kunserva, fost l-oħrajn. Il-patrijiet kienu jitfgħu kollox f’borma kbira tar-ram, b’żewġ widnejn, forma ta’ kaldarun. Imbagħad la darba l-kaldarun jimtela, kienu jżidu l-ilma, u jmorru fuq Sant Iermu, sewwasew f’tarf il-Belt Valletta, kienu jpoġġu l-borma fuq il-ħatab u jagħmlu minestra. Għal ħabta tal-11am, wieħed mill-patrijiet kien irodd is-salib u jqassam il-minestra lit-tallaba li kienu jinġabru. L-ikel kien ikun b’xejn u din id-drawwa kienet qabdet ċertu popolarità f’xi postijiet ta’ Malta, fosthom f’Ħal Tarxien. Din id-drawwa jidher li issa mietet mewta naturali.
It-tubru
Il-famuż tubru kien ikun kaxxa għolja li meta tittieħed fil-Knisja kienet tiġi miksija b’faldrappa sewda. Ħafna drabi din il-faldrappa kienet tkun irrakkmata bid-deheb. It-tubru kien jintrama f’nofs il-knisja fix-xahar ta’ Novembru u madwaru kien ikun hemm xi gandlieri bix-xemgħat suwed. It-tubru kien simboliku max-xahar tal-mejtin u kien qisu jixxiebah ma’ tebut mgħotti u b’hekk kien ifakkar lill-fidili biex jitolbu għall-erwieħ għeżież tagħhom. Ħafna drabi t-tfal kienu jibżgħu minnu u ma jersqux lejh.
Jekk kien ikun hemm xi mewt ta’ xi ħadd ewlieni mid-djoċesi, bħal ngħidu aħna, il-Papa jew l-Isqof kien jintrama wkoll, ikun x’ikun ix-xahar.
Dari, l-isbaħ tubru kien dak li kien jintrama fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, li kien inħadem mill-mastrudaxxa Mikiel Camilleri. Dan kellu forma pjuttost differenti mill-oħran. Kien forma ta’ kappella żgħira miżgħuda bix-xemgħat. Wara l-Konċilju Vatikan II, dan it-tubru miet ħesrem u llum wieħed għadu jista’ jarahom biss f’xi mużewijiet parrokjali.
Ix-xahar tal-erwieħ, xogħol, galbu u frieħ
Qawl Malti li forsi ma tantx għadu jintuża u li jirreferi għax-xahar ta’ Novembru. Dan jimplika li dan ix-xahar hu x-xahar tal-ġabra, tal-galbu, tal-ħin mal-familja u forsi anke ż-żmien biex taħsiblu għat-tkattir tal-familja!
Kont taf li?
Kont taf li Novembru dejjem jibda fl-istess ġurnata ta’ Marzu? Hekk hu. Jiġifieri jekk Marzu jibda l-Ġimgħa, Novembru jibda l-Ġimgħa wkoll. Kull sena.