Żvelat it-tfajjel li se jaqra l-voti u Maltija taqra l-voti tal-Italja
Geordie Schembri, l-attriċi ċkejkna Maltija se taqra l-voti tal-Italja
Fix-ShipBuilding dalgħodu komplew il-provi. Din id-darba mhux il-provi tal-kanzunetti tal-pajjiżi, iżda provi oħrajn, li jinkludu l-ftuħ, provi tal-preżentattriċi u l-provi ta' kif se jitħabbru l-voti. Fil-fatt, nistgħu niżvelaw li għal Malta, se jkun tifel li se jħabbar il-voti u dan it-tifel jismu Julian. L-ambaxxatriċi Maltija, Federica Falzon, ftit tal-ħin ilu fuq Facebook tagħha, tellgħet ritratt ma' dan iċ-ċkejken u ddeskrevietu bħala gustuż!
Intant, il-ftuħ tal-ispettaklu se jkun wieħed li jġegħelna nkunu kburin b'pajjiżna. B'xeni mill-isbaħ, l-emblema (il-logo) tal-Junior Eurovision Song Contest ta' din is-sena, se tidher iddur ma' kull naħa ta' Malta. B'xeni li juru s-sabiħ, l-identità u l-karattru ta' dawn il-gżejjer. Dan il-ftuħ se juri lil pajjiżna, kemm filgħodu u kemm filgħaxija mal-erbat irjieħ tal-Ewropa. Żgur u bla dubju li dan se jkun l-aqwa viżwali b'promozzjoni għall-pajjiżna.
Apparti x-xeni s-sbieħ ta' Malta u Għawdex, il-ftuħ jinkludi wkoll grupp ta' żeffiena, grafika u animazzjoni mill-aqwa. Il-vuċi ta' Carlo Borg Bonaci se tkun qed tippreżenta lill-udjenza fis-sala u lis-segwaċi, il-pajjiżi parteċipanti ta' din is-sena. Il-ftuħ jintemm bil-vuċi ta' Carlo, tintroduċi lil preżentattriċi Moira Delia, l-unika preżentattriċi ta' dan l-ispettaklu. Fl-introduzzjoni tagħha Moira ssellem lit-telespettaturi anke bil-lingwa Maltija u tgħid li dan se jkun l-akbar u l-isbaħ Junior Eurovision Song Contest sa issa, mtella' mill-iżgħar pajjiż fl-Ewropa!
Sadanittant l-ILLUM ngħata informazzjoni li l-attriċi ċkejkna Geordie Schembri, li kienet tieħu sehem fis-serje, Iċ-Ċaqqufa, se taqra l-voti tal-Italja.