Red Electrick f'Ċipru

Inspirazzjoni, ħidma u xi ftit ta' mistrieħ għall-band Maltija

Il-band fl-Ajruport ta' Ċipru
Il-band fl-Ajruport ta' Ċipru

Il-grupp pop-rock Red Electrick bħalissa jinsabu Ċipru biex, apparti milli jieħdu xi ftit ta' mistrieħ, jispiraw ruħhom filwaqt li jiffukaw fuq l-album li jmiss. Din ser tkun btala qasira għall-membri tal-grupp, Peter Borg, Matthew James Borg, Ivan Borg, Jonas Delicata u Robert Spiteri.

Il-grupp ta’ ħames mużiċisti qed jaħdmu fuq l-album l-ġdid tagħhom. Jekk kollox imur sew, dan ser joħroġ iktar tard din is-sena. Sa mill-ewwel single li għamlu ‘The End of it All’, qatt ma waqfu joħorġu diska wara l-oħra. Issa qed iħarsu lejn oqsma mużikali ġodda. 

“Il-mużika hi kollox għalina; hi ħajjitna. Qed inqattgħu ftit ġranet iktar kajmani biex niffinalizzaw l-album l-ġdid. Għalhekk iddeċidejna li niġu Ċipru fuq btala qasira imma divertenti. Mir-ritratti li rajna, ninsabu ċerti li Ċipru ser tkun ta’ ispirazzjoni għalina biex niżviluppaw temi mużikali u noħolqu diski ġodda,” qal il-kitarrist ta’ Red Electrick, Peter Borg, mal-wasla tiegħu f’Ċipru. “Qed inħarsu ’l quddiem biex niskopru Ċipru u ngħaddu ftit ġranet b’esperjenzi straordinarji. Min jaf, forsi anki niġu lura b’affariijiet differenti.”

Għal waqfa tagħhom, huma għażlu li joqgħodu f’akkomodazzjoni tradizzjonali tal-‘agrituriżmu’ f’Cyprus Villages.

“Mogħni bi sbuħija naturali u nies dħulin, Ċipru hu għalina teżor ta’ storja Mediterranja imħawra b’influwenzi mill-Lvant,” qal il-bassist tal-grupp Jonas Delicata. “Li tiekol barra hu pjaċir kbir f’Ċipru għaliex iċ-Ċiprijoti jħobbu ħafna l-ikel, speċjalment fil-kumpanija ta’ ħbieb mdawwrin ma’ mejda mimlja bi platti li jiftħulek l-aptit msejħin meże’. Ser ikunu qed nippruvaw tavernas tradizzjonali għaliex joffru lista sħiħa ta’ mezè u platti delizzjużi ta’ laħam u ħut mixwi.”

Il-kantant tal-grupp Matthew Borg ikkummenta: “Sħabi qaluli li hawnhekk in-nightlife qed dejjem tikber. Qed jiftħu ħafna wine bars u klabbs fl-ibliet ewlenin ta’ Nicosia, Limassol, Larnaka u Ayia Napa. Tinkwietawx, waqt li qegħdin Ċipru, qed inżommu lill-fans tagħna aġġornati dwar il-‘vaganza’ tagħna b’ritratti fuq il-paġna tagħna ta’ FB: https://www.facebook.com/pages/Red-Electrick/87880786815  Min jaf forsi anki nkunu fil-burdata li nitfgħu xi vidjow clips fuq iċ-Channel YouTube tagħna wara li niġu lura Malta. Se jkollna wkoll l-opportunità li nagħmlu unplugged sessions.”

Innominati fil-kateġoriji tal-Aqwa Band u l-Aqwa Diska fil-Malta Music Awards tal-2014, Red Electrick rebħu tmien Malta Music Awards fl-edizzjonijiet ta’ qabel. Il-grupp għandu imħabba ġenwinia għall-mużika, u l-mużika tagħhom hi influwenzata mid-diski rock tas-Sebgħin u imżewqa b’ritmu kontemporanju li jirrefletti x-xemx Mediterranja fil-proġetti mużikali tagħhom.

L-aħħar diska li ħarġu kienet “Young Again”, bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, u kienet waħda mill-ikbar suċċessi li kellhom. Issa il-fans tagħhom jinsabu fuq ix-xwiek biex jiksbu l-album l-ġdid tagħhom.

Il-vjaġġ lejn Ċipru għandhu l-appoġġ tal-Organizzazzjoni Ċiprijotta għat-Turiżmu.

More in Divertiment