It-tieni edizzjoni ta’ Rabat Sacrum

Il-Kunsill Lokali tar-Rabat, b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet governattivi u l-għaqdiet tar-Rabat, se jkun qed idawwal it-toroq Rabtin filwaqt li jesebixxi t-teżori li hemm fil-knejjes u fil-mużewijiet li jinsabu f’din il-lokalità

Nhar is-Sibt 2 u l-Ħadd 3 ta’ Novembru, it-toroq fil-qalba tar-Rabat se jerġgħu jiddawlu filwaqt li jinfetħu beraħ il-bibien tal-knejjes u tal-mużewijiet li hi mogħnija bihom din il-lokalità storika, hekk kif se tkun qed tittella’ t-tieni edizzjoni ta’ Rabat Sacrum. 

Il-Kunsill Lokali tar-Rabat, b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet governattivi u l-għaqdiet tar-Rabat, se jkun qed idawwal it-toroq Rabtin filwaqt li jesebixxi t-teżori li hemm fil-knejjes u fil-mużewijiet li jinsabu f’din il-lokalità. Apparti minn hekk, se jsiru diversi reenactments, u se jkun hemm ukoll kunċerti, ikel tradizzjonali, esebizzjonijiet u infjorata. 

Id-dettalji dwar din l-attività ngħataw mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli u mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.  

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-avveniment li huwa parti mill-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, mhux biss se juri t-teżori li hu mogħni bihom ir-Rabat u dak kollu konness miegħu, iżda wkoll juri l-impenn u r-rieda tal-kunsill lokali li jorganizza avvenimenti fuq skala daqshekk kbira u professjonali. 

 Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia enfasizzat li avvenimenti bħal dik ta’ Rabat Sacrum joffru pjattaforma unika fejn id-diversità kulturali u storika tar-Rabat tista’ tiġi ċċelebrata minn kulħadd.   

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus irringrazzja lill-Gvern li permezz ta’ diversi ministeri u entitajiet qed jappoġġja din l-attività kemm finanzjarjament u anke loġistikament. Huwa qal li din l-attività għandha l-għan li tgħaqqad lir-Rabat sabiex f’dawn il-jumejn il-lokalità turi r-rikkezzi li hi mogħnija bihom u li tagħmilha differenti minn lokalitajiet oħra.   

Is-Sibt 2 ta’ Novembru, l-attività se tibda mis-18:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem, filwaqt li l-Ħadd 3 ta’ Novembru l-attività se tkun bejn id-9:00 ta’ filgħodu u s-18:00 ta’ filgħaxija. Se jkun ukoll provdut servizz ta’ Park and Ride minn Triq l-Infetti. 

More in Divertiment