Uħud mill-aqwa artisti Ewropej fit-Teatru Manoel fis-serata Haydn & Mendelssohn

Il-kunċert se jsir il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru fit-Teatru Manoel

Il-Malta Philharmonic Orchestra se terġa’ toħloq serata unika fit-Teatru Manoel li wieħed żgur m’għandux jitlef. Dan l-ispettaklu se jkun taħt id-direzzjoni tad-Direttur tal-orkestra mill-aktar enerġetika, Anu Tali, li bis-saħħa tal-ħila u l-entużjażmu tagħha dejjem tħalli l-pubbliku bla kliem. 

Waħda mis-sorpriżi ewlenin tal-lejla se jkun il-Cantus Arcticus tal-kompożitur Finlandiż Rautavaara. Ix-xogħol mhux tas-soltu tiegħu, li jarmonizza l-ħsejjes naturali tal-għasafar mal-mużika tal-orkestra, se jgħinek tħossok bħallikieku l-ġungla waslet ħdejk hi, taħt l-arkati storiki tal-Manoel. Imma dan mhux kollox!  

Is-solista Brittanika ċelebri Matilda Lloyd se tkun il-protagonista ta’ waħda mill-aktar siltiet imfittxija għal min iħobb il-mużika klassika, it-Trumpet Concerto ta’ Haydn.  

Imbagħad, ikun wasal il-mument tal-kbir Felix Mendelssohn, bis-Sinfonija Nru. 3, jew kif inhi magħrufa aħjar, The Scottish. Din is-sinfonija kienet ispirata mill-vjaġġ tiegħu lejn l-Iskozja, u tirrifletti bil-kbir l-immaġni drammatiċi tal-pajsaġġi u l-ġmiel b’mużika ħajja, qrib in-natura mistika ta’ dik l-art misterjuża.  

Il-kunċert se jsir il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru fit-Teatru Manoel, u min irid jidħol f’dan il-vjaġġ emozzjonali għandu jibbukkja minn issa fuq teatrumanoel.mt. 

More in Divertiment