Toqrob iż-żjara ta' Massimo Ranieri f'Malta

Il-kantant taljan magħruf għal kanzunetti bħal O Sole Mio u Zingara
 

Dejjem qed toqrob iż-żjara tant mistennija tal-kantant popolari Taljan ta' fama internazzjonali Massimo Ranieri. Hija żjara li l-istess Ranieri qed jistenna b'ħerqa, tant li ħass li kellu jgħaddi messagg mhux biss lill-ammiraturi tiegħu imma wkoll lil dawk kollha li jħobbu u jsegwu x-xena muzikali Taljana.

Fil-messaġġ tiegħu, Massimo Ranieri, qal li jonqos biss ftit jiem oħra li jkun Malta u qed ihares lejn dan il-kunċert bi pjaċir u emozzjoni. Huwa ħerqan li joffri spettaklu denju tal-fama li jgawdi u ma jridx jiddiżappunta.

Il-kunċert ta' Massimo Ranieri – mtella' minn CMC Promotions – se jsir il-Ġimgha 12 ta' Ġunju, f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt. Tista' tgħid li dan il-kunċert se jaħbat ftit ġimgħat biss wara li Massimo Ranieri għalaq 64 sena.

Huwa twieled f'Santa Lucija, Napli, fit-3 ta' Mejju, 1951, kien il-ħames wild minn tmienja li kellha l-familja tiegħu. Ismu proprju Giovanni Calone. T'10 snin digà kien kanta f'restoranti u f'tiġijiet. Kiber fit-talent u l-fama mhux biss bħala kantant, imma wkoll bħala attur.

Jista' jingħad li Massimo Ranieri sploda fil-popolarità fl-1969 b'kanzunetti li ma jintesew qatt li għadhom popolari sal-lum, fosthom "O Sole Mio", "Rita", "Se bruciasse la citta", "Quando l'amore diventa poesia", "Il mio amore resta sempre", "Rose rosse" u "Zingara".

Kien irrappreżenta lill-Italja fil-Eurovision Song Contest f'Dublin l-Irlanda, u spiċċa fil-5 post "L'Amore E' Un Attimo."
Massimo Ranieri rebaħ il-Festival ta' Sanremo fl-1988 "Perdere L'Amore".

Tajjeb li jitfakkar li fl-2002, Massimo Ranieri ġie nnominat Ambaxxatur ta' Rieda Taljan tal-Organizazzjoni tal-Ikel u l-Biedja tal-Ġnus Magħquda.

Bla dubju t-12 ta' Gunju li ġej se tkun okkazzjoni mill-aqwa għal dak li jkun li jmur jara u jisma' l-kuncert ta' Massimo Ranieri f'Dar il-Mediterran ghall-Konferenzi, il-Belt. Kunċert professjonali li se jqanqal bosta memorji u nostalġija.
 

More in Divertiment