Orizzonti ġodda għall-Fondazzjoni Klezmorimalta
Fost il-proġetti hemm it-tnedija tal-ewwel banda tal-Klezmer f’Malta.
Il-Fondazzjoni Klezmorimalta, li ftit tal-ġimgħat ilu tellgħet taħrig fil-mużika Klezmer ġewwa l-belt Valletta, issa qed taħdem fuq bosta proġetti ġodda. Dawn jinkludu banda tal-Klezmer Maltija, li se tkun varata fix-xhur li ġejjin, u ‘workshop’ internazzjonali ieħor fil-mużika Klezmer. Il-fondazzjoni se tkun ukoll qed tieħu sehem fil-Farsons Great Beer Festival u fin-‘Notta Bianca’ ta’ din is-sena.
“Bħal dan iż-żmien sena, il-Fondazzjoni Klezmorimalta kienet għada titwieled,” tgħidilna Birgit Albrecht, waħda mill-fundaturi ta’ din l-organizazzjoni. “Issa, wara sena ta’ ħidma intensiva fejn tellajna l-ewwel kunċert nazzjonali tal-Klezmer f’Malta kif ukoll taħrig fil-mużika Klezmer, aħna lesti biex nagħmlu l-pass li jmiss.”
‘A Workshop in Klezmer Music’, li ttella ġewwa Palazzo de La Salle bejn l-20 u l-25 t’April, ra 20 mużiċist professjonali jiġu mħarrġa minn Jakob Lakner, Chris Haigh u Basil Bunelik – tliet mużiċisti li nġabu Malta speċifikament għal dan il-għan. Fl-aħħar tal-ġimgħa, il-mużiċisti, flimkien mal-għalliema, tellgħu kunċert tal-Klezmer li ntlaqa tajjeb minn kull min kien hemm fl-udjenza.
“Il-kummenti li rċevejna mill-parteċipanti u mill-udjenza kienu pożittivi ferm u issa nafu aktar minn qatt qabel li wasal iż-żmien li nikrejaw l-ewwel banda tal-Klezmer fil-gżejjer Maltin,” tkompli tgħidilna Birgit. “Infatti, bħalissa qed naħdmu ma’ numru ta’ mużiċisti li attendew il-‘workshops’ biex niffinaliżżaw il-lista ta’ seba’ professjonisti għal-banda.”
Barra minn hekk, il-Fondazzjoni Klezmorimalta issa qed tipprepara biex tippreżenta programm akustiku waqt il-Farsons Great Beer Festival ta’ din is-sena ġewwa Ta’ Qali, kif ukoll qed taħdem mal-organizzaturi tan-Notte Bianca biex tieħu sehem fl-edizjoni li jmiss ta’ dan il-festival.
“Hemm ħafna affarijiet għaddejjin fl-istess ħin, pero ninsabu kuntenti ħafna… Igri naraw l-udjenzi u l-mużiċisti jinteraġixxu bejniethom,” iżżid Birgit. “Wara kollox, il-Klezmer huwa stil ta’ mużika li fih l-arti u d-divertiment isiru ħaġa waħda.”
Il-Fondazzjoni issa bdiet taħdem ukoll fuq it-tieni edizjoni tal-‘workshop’ internazzjonali tagħha, li se jittella’ f’Mejju tal-2016.
“Għadna fil-bidu ta’ dan il-proġett u għad m’għandna xejn ikkonfermat, pero nistiednu lil kull min hu nteressat biex iżomm ruħu infurmat billi jidħol fis-sit elettroniku tagħna: www.klezmorimalta-foundation.com.”