PARIĠI: Kif tista’ żżurha fi 3 ijiem

Il-Vjaġġi tal-Bużu

Kif taqra t-titlu, jista’ jkun li tgħid kif jista’ jkun li belt massiċċa bħal dik żżurha fi tliet ijiem? Iżda nassigurakom li tista’ tagħmilha. Mhux li tmur f’kull rokna ta’ Pariġi iżda li żżur l-aktar partijiet magħrufa u popolari ta’ din il-belt maestuża b’mod komdu niggarantilkom li tistgħu tagħmluha għax ippruvajtha jien stess ftit tal-ġimgħat ilu.

 

Pariġi hi belt mimlija monumenti. Hi belt mimlija ħajja u arti ħajja. Mimlija rkejjen rikreattivi u anke nightlife tajjeb. Ristoranti u kafetteriji (kollha għoljin) u shopping ukoll. Għalkemm jekk trid iżżur kollox, shopping forsi jibqagħlek għalih xi nofs ta’ nhar komdu.

 

Għax ma tistax tmur Pariġi u ma żżurx il-Louvre fejn biex iżżur dan il-mużew spettakolari, trid mill-inqas 4 jew 5 sigħat, fejn għalina l-Maltin żjara lix-xabla u l-istalett ta’ La Vallette hi żjara ta’ bilfors. Dan barra l-kwadru ta’ Mona Lisa li fl-opinjoni tiegħi hi l-aktar pittura li ħallietni ddiżappuntat meta mqabbla mal-opri tal-arti kollha li hemm f’dan il-mużew li jħallik bla nifs u anke bla saqajn meta żżuru.

 

Li għandkom tagħmlu hu li tixtru biljett ta’ Hop On Hop Off għal 3 ijiem li jiswa €40 fuq l-Open Bus (għax hemm oħrajn li m’humiex komprensivi bħal dawn). Jaqbillek milli tixtri għal ġurnata għax dan jiswa €32 ta’ ġurnata. L-Open Bus hi komprensiva għax għandha erba’ rotot u b’biljett wieħed tista’ tużahom kollha fejn jaqsmulek erba’ reġjuni ta’ Pariġi, u bil-mappa li jagħtuk tkun taf fejn tista’ tibdel rotta mal-oħra.

Champs Elysees
Champs Elysees
Place de la Concorde
Place de la Concorde
Ix-xabla ta' La Valette li tinsab fil-Louvre Museum
Ix-xabla ta' La Valette li tinsab fil-Louvre Museum
Moulin Rouge
Moulin Rouge
Notre Dame
Notre Dame
Sacre Cueor - Montmartre
Sacre Cueor - Montmartre

 

Ir-rotot huma dawn:

 

Paris Grand Tour (Ħadra)

Din ir-rotta jekk ma tinżilx teħodlok sagħtejn, u tieħdok: 

Garnier Opera House, The Comédie Française, il-Louvre, Notre Dame, Saint-Michel, Musée d'Orsay, Place de la Concorde, Champs-Elysées, Arc de Triomphe, Trocadéro, Eiffel Tower, u l-Esplanade des Invalides.

Din forsi l-isbaħ rotta jew l-aktar interessanti għalhekk żgur li din ir-rotta se teħodlok ġurnata kollha għax se tieqaf diversi drabi speċjalment Champs Elysees, Eiffel Tower, Notre Dame u l-Louvre. Jekk trid titla’ l-Eiffel Tower nagħtikom parir li jew tispiċċaw id-dawra hemmhekk, inkella araw jirnexxielkomx tibbukkjaw online minn Malta għax il-kjuwijiet huma twal wisq.

Montparnasse - Saint Germain (Oranġjo):
Rotta li teħodlok siegħa u nofs u tieħdok: Petit-Pont, Luxembourg, Observatoire - Port-Royal, Place Denfert-Rochereau, Raspail - Cimetière du Montparnasse, Esplanade des Invalides, Saint-Germain-des-Près.  Din ir-rotta hi interessanti iżda normalment ma tantx għandek fejn tieqaf wisq u tista’ tagħmilha kollha f’daqqa u taqbad oħra kif tispiċċa.

Bastille - Bercy (Blu):
Rotta oħra li tista’ tagħmilha sħiħa wara li tintemm dik Oranġjo, li tieħdok Notre-Dame, Petit-Pont, Maubert-Mutualité, Pt Sully - Ile Saint-Louis, Bastille - Opéra, Gare de Lyon, Gare d'Austerlitz, Bibliothèque Nationale, Parc de Bercy - P.O.P.B., Bastille - Rue St. Antoine, Le Marais - Place Vosges, Hôtel de Ville.  Hawnhekk wieħed iqatta’ ftit ħin Notre Dame fejn biex tidħol issib xi ftit tal-kju li ma tistenniex wisq u ma tħallasx biex tidħol, jekk ma tkunx trid titla’ fejn il-kampnari tant magħrufa tal-gargoyles. Anke Hotel de Villes tajjeb li tieqfu għal shopping tajjeb barra Champs Elysees.

Montmartre - Grands Boulevards (Yellow Route):
Rotta ta’ siegħa u nofs oħra li tieħdok: Auber, Trinity Church, Blanche, Montmartre - Anvers, Gare du Nord, Gare de l'Est, République, Bonne - Nouvelle, Grands Boulevards, Italiens, Capucines - Scribe, Madeleine. F’din ir-rotta, l-isbaħ waqfa hi Montmartre fejn wieħed jista’ jitla fejn il-bażilika ta’ Sacre Coeur li jew titla bit-taraġ inkella b’funiculaire. Hemm fuq, wieħed jista’ jżur Montmartre, distrett tal-pitturi, ristoranti ċkejknin u toroq dojoq li ma tixbax timxi ġo fihom, fost l-eluf ta’ turisti li jkun hemm iduru.

Filgħaxija, wieħed jista’ jirritorna taħt Montmartre fejn tista’ tmur tgawdi l-ispettaklu burlesque ta’ Moulin Rouge li mhux irħis, iżda jgħidu li jekk tmur Ruma trid tara l-Papa u jekk tmur Pariġi trid tara l-Burlesque.

 

X’tiekol f’Pariġi

Tiekol x’tiekol trid tħallas tajjeb. Sew jekk tiekol baguette, pizza jew platt laħam żgur li se tiġik għolja. Dik hi Pariġi. L-ikla tradizzjonali hi t-tartar li hu bħal speċi ta’ kapuljat nej. Ta’ min iduq il-croque monsieur li hu speċi ta’ toast miksi bil-ġobon u mozzarella li kiltu minn Montmartre u flimkien ma’ kafè u cola ħallast €27. Tajbin immens dawk il-gallettini kuluriti li jsehulhom macaron. Apparti l-prezz, it-tjubija tagħhom hi eċċezzjonali. U meta tieħdu kafè, staqsu għal cafe à la creme, kafè bil-panna li hu tajjeb ħafna. Tippruvawx tieklu ikel Taljan minn Pariġi għax biex tagħmlu dan, morru l-Italja. Kulu ikel tal-post u ma jiddispjaċikomx. Għalkemm irrid nammetti li matul il-ġurnata, baguette tipiku ma nibdlu ma xejn.

N.B. B’hekk wara li taraw sew Pariġi tistgħu minn hemm tmorru sa Versailles u Disneyland jew Normandija jekk tridu. Iżda imbagħad trid aktar ġranet.

Kif tasal Pariġi

L-aħjar mod hu bl-Air Malta li għandhom flights diretti għal Orly u Charles De Gaulle.

 

 

 

 

 

 

 

More in Divertiment