Vjaġġi mal-Bużu - Strasburgu: il-Kapitali Ewropea u ta’ Alsace

Villaġġi affaxxinanti f’kartolina ħajja bi djar tal-pupi li huma l-bejtiet taċ-ċikonji

Alsace (pronunzjat Alsas) jinsab fin-naħa tal-lvant ta’ Franza. Imma l-ġimgħa l-oħra ktibt fuq Franza wkoll, allura kif erġajt qed nitkeb dwar Franza?

Mhux għax Franza hi favorita miegħi għax nemmen li kull fejn tmur fl-Ewropa, u madwar id-dinja kollha hemm il-partijiet favoriti. Iżda l-Alsace hu ferm differenti. L-Alsace hu taħlita ta’ Franza u Ġermanja flimkien, għax dan ir-reġjun tant hu sabiħ u strateġiku li għal ħafna snin, kien idur minn id għall-oħra bejn il-Franċiżi u l-Ġermaniżi.

Iżda wara l-aħħar Gwerra dinjija, dan ingħata lil Franza u sar wieħed mis-26 reġjun tal-pajjiż. Din il-parti ta’ Franza hija mimlija villaġġi magħrufin għall-produzzjoni tal-inbid bi djar żgħar, qishom tal-pupi. Ħafna mill-bjut huma kkuluriti bi fjuri ta’ kull lewn u jservu wkoll ta’ bejtiet għaċ-ċikonji. Il-kelma ‘Alsace’ ġejja mill-Ġermaniż Ell-Sass, li tfisser ġebla poġġuta fuq l-Ill, ix-xmara prinċipali f’dan ir-reġjun. Il-belt kapitali u l-akbar belt f’dan ir-reġjun hi Strasburgu. 

 

Strasburgu Il Belt Kapitali tal-Ewropa

 

Il-belt kapitali tal-Alsace hija dik magħrufa bħala l-kapitali tal-Ewropa, Strasburgu. Hija simbolu ta’ rikonċiljazzjoni Ewropea fejn issawret l-Unjoni Ewropea, fil-fatt fiha hemm il-Parlament Ewropew li jiltaqa 12-il darba fis-sena. Iżda Strasburgu mhux biss Parlament Ewropew hemm, anzi, hemm ħafna iżjed minn hekk. Strasburgu hi belt komda biex iżżurha għax it-trasport pubbliku hu wieħed mhux biss organizzat iżda wkoll komdu, iwasslek kullimkien fl-iqsar ħin u mhux għoli wisq. Tagħmilx l-iżball li għamilt jien li mill-istazzjon tal-ferrovija għażilt li mmur b’taxi sal-lukanda, u weħilt €20 meta stajt wasalt fl-istess ħin bit-tram b’€1.60.

 

Strasburgu hi affaxxinanti u opportunità li tiskopri l-faxxinu tal-arkitettura kontemporanja. Jekk tkun l-ewwel żjara tiegħek fi Strasburgu, nagħtikom parir li tmur dawra fuq il-‘canal boat’ li barra li tagħtik impressjoni tajba ta’ dak li għandek iżżur, hi waħda komda, imsaħħna jekk fix-xitwa u bl-arja kkundizzjonata jekk fis-sajf, imsaqqfa bil-ħġieġ jekk ix-xita u mikxufa jekk bix-xemx. Iddum iddur siegħa u 10 minuti, u tieħdok sal-Parlament Ewropew u batterija ta’ kamera, fuqha taħliha żgur.

 

Iżda Strasburgu sabiħa ddurha bil-mixi, basta tieħu ħsieb li jkollok żarbun tajjeb għal mixi, għalkemm bit-tram ukoll tista tilħaq kullimkien barra t-toroq dojoq li jaffaxinawk f’din il-belt moderna u antika fl-istess waqt.

Bla dubju li l-isbaħ monument ta’ Strasburgu huwa l-Kattidral, In-Notre Dame du Strasbourg. L-ewwel ġebla tiegħu kienet tpoġġiet fl-1015 u l-kampnar kien tlesta fl-1439 u b’142 metru huwa l-ogħla bini medjevali Kristjan fl-Ewropa. Maestuż minn barra, bi stil gotiku b’faxxinu xi ftit misterjuż minn ġewwa, tant li personalment inħoss li hu isbaħ mid-Duomo ta’ Milan f’dak li jirrigwarda l-interjur. Għall-bidu, kien mibni fuq tempju Ruman iżda l-bini romanesk kien inqered u reġa’ nbena fis-seklu 12 fuq stil gotiku. Il-mijiet ta’ skulturi li fih fuq barra huma speċi ta’ 3D u taħsibhom se jaqbżu fuqek, filwaqt li skont it-temp u d-dawl tal-ġurnata għandhom effett straordinarju fuq il-ġebla roża li hu mibni biha dan il-katidral. Biex wieħed jitla’ fuqu, irid jitla’ 329 tarġa, u wara li terġa’ tikseb in-nifs lura, tkun tista tgawdi minn xena spettakolari ta’ Strasburgu.

 

Imbagħad il-passiġġata tiegħek bilfors trid twasslek sal-kwartieri Petite France id-distrett ta’ fuq l-ilma. Bla dubju, l-aktar distrett pittoresk fi Strasburgu l-antik. Sajjieda u negozjanti tal-għasel u tal-ġild għexu u ħadmu hawn fejn it-toroq inbnew fuq il-livell tal-ilma. Id-djar mill-aktar pittoreski tal-injam ilhom mibnija mis-seklu 16 u 17. Is-soqfa tagħhom, darba kienu jservu biex inixxfu l-ġild. Hawnhekk nagħtikom parir tpoġġu fuq xi mejda ta’ ristorant, kafè jew bar tul ix-xmara u tieħu xi flixkun birra, kafè Franċiż inkella l-platt tradizzjonali tagħhom, it-Tartes Flambèe, speċi ta’ pizza mimlija b’dak li tixtieq int b’għaġina irqiqa irqiqa u mpoġġija fuq injama. Għalkemm illum saru jħawruha b’diversi ingredjenti, l-oriġinali hi bil-basal, bacon u gratinata bil-ġobon Svizzeru u fil-fatt hi l-irħas fost l-għażliet kollha u niggarantilkom li hi l-itjeb ukoll.

 

Kont se ninsa nsemmilkom li quddiem il-kattidral hemm ħanut tal-gallettini artiġġjanali ‘La Cure Gourmand’ għoljin imma tajbin. Daħħlu jdejkom fil-but u akkwistaw kaxxa tal-għażla tagħkom u żgur ma jiddispjaċikomx li żżidu ftit kaloriji.

Barra li fi Strasburgu hemm x’tara u tista’ tqatta’ anke serata fil-bars u kaffetteriji li huma bil-gzuz matul ix-xmara, hemm shopping tajjeb u vast. Toroq mimlijin ħwienet bi ħwejjeġ Franċiżi u anke minn dawk li nsibu anke pajjiżna, iżda dejjem issib xi tip ta’ sales skont l-istaġun li jkun se jispiċċa hemm u jkun għadu tajjeb għal Malta.

 

COLMAR Venezja ta’ Franza u RIQUEWIHR Il-villaġġ tal-inbid u taċ-ċikonji

Colmar
Colmar

 

Minn Strasburgu wieħed jista’ jżur, permezz ta’ trasport pubbliku jew mill-istazzjon tat-tren, bliet oħrajn ferm viċin bħal Colmar li hi belt ċkejkna fl-Alsace magħrufa bħala l-belt kapitali tal-Inbid għax tinsab fit-triq tal-inbid. Din il-belt, hi waħda mill-aktar bliet pittoreski li qatt rajt. Taffaxxinak bit-toroq dojoq u djar li qishom tal-pupi. Filwaqt li żona mill-aktar magħrufa hi dik ta’ Petite Venice, minħabba l-fatt li hemm parti minn Colmar li hi veru ħelwa imdawra b’kanali u b’gondoli jdawru t-turisti qalb id-djar pittoreski mimlija fjuri u li għalhekk hi msejha bħala Little Venice. Colmar hi l-belt nattiva tal-arkitett Frederic Bartholdi li bena l-istatue of Liberty tal-Amerka u li wieħed jista’ anke jżur id-dar ta’ dan l-arkitett famuż.

 

Riqhuevihr
Riqhuevihr

Minn Colmar wieħed jista jmur Riquewihr u villaġġi oħra ċkejknin bħalu. Villaġġi bla dubju li jaffaxinaw lil kull min iżurhom. Villaġġi li baqgħu intatti minn żmien il-medju evu u ma nbidlu qatt. Wieħed jista’ jara d-djar antiki li jmorru lura sas-seklu 16, il-btieħi, il-galleriji, il-bjar u l-funtani tagħhom. Fuq id-djar, wieħed jista’ jara diversi bejtiet taċ-ċikonji li wieħed jista jgawdihom itiru mingħajr ebda biża’ li xi kaċċatur jispara fuqhom għax illum, dawn saru parti mill-villaġġi tal-Alsace. Kif tkunu hemm idħlu f’xi kantina tal-inbid u duqu ftit il-benna tal-inbid ta’ dan ir-reġjun u żgur toħroġ b’pakkett f’idejk b’xi tliet tipi tal-inbid tal-Alsace.

 

Kif tasal l-Alsace

L-aħjar mod hu li tmur mal-AirMalta inkella Lufthansa sa Frankfurt u minn hemm tieħu coach imħaddma mill-istess Lufthansa li tieħdok Strasburgu bi €48 u twasslek f’sagħtejn u nofs sal-istazzjon tal-ferrovija u l-istazzjon tat-tram. Wieħed jista’ wkoll jieħu t-train iżda bil-coach ħassejt li hu komdu u irħas.

 

 

More in Divertiment