Vjaġġi mal-Buzu: It-Triq Romantika fil-Ġermanja

Ġita li tagħmilha imqar darba f’ħajtek

Wurzburg: Fejn tista tibda jew tispiċċa t-triq Romantika
Wurzburg: Fejn tista tibda jew tispiċċa t-triq Romantika

It-Triq Romantika hi l-espressjoni tal-miljuni ta’ turisti li jħossu romantiċiżmu kbir meta jduqu dawn l-ibliet medjevali. It-triq Romantika tieħdok minn Fussen sa Wurzburg. Triq li tiftaħ beraħ ir-rikkezzi tal-istorja Ewropeja, l-arti u l-kultura lil vjaġġaturi matul din it-triq. Minn fuq s’isfel ix-xenarju jinbidel kompletament minn vallati bix-xmajjar għaddejjin f’nofshom, sa art agrikola, foresti u muntanji. Iżda it-triq romantika toffri aktar minn kampanja. It-Triq Romantika toffri armonija sħiħa bejn kulturi u ospitalita. Taħlita ta’ xenarju u bini li jimpressjonak u priservat għal dak oriġinali ta’ sekli sħaħ ilu.

200 kilometru ta triq Romantika minn Fussen ghal Wurzburg
200 kilometru ta triq Romantika minn Fussen ghal Wurzburg

 

Il-bidu tagħha bdiet fl-1950 meta l-Ġermanja riedet tara kif se tagħmel biex tibni ekonomija turistika wara l-gwerra Mondjali. Fejn ħolqu triq li hi twila 200 kilometru.

	Dinkelsbuhl
Dinkelsbuhl
4.	Fussen u l-kastell Neuschwanstein
4. Fussen u l-kastell Neuschwanstein

 

Tista tibda min-naħa t’isfel inkella minn fuq. Jien bdejtha min-naħa t’isfel u l-ewwel waqfa tiegħi kienet Fussen fejn wieħed jista’ jqatta ftit ħin fil-kafetteriji li jintramaw fit-triq prinċipali ta’ din il-belt ċkejkna, mimlija b’bini uniku li jagħti spettaklu lil dan il-post.  Dan il-post jibqa msemmi għar-re Ludwig II tal-Bavarja li hu magħruf ħafna bħala r-re ħalliem ‘The dream King’. Meta sar re ta’ l-eta żgħira ta’ 19-il sena iddeċieda li jibni kastell għalih u dan hu Neuschwanstein. Dan il-kastell tant kien differenti mill-oħrajn li nebbaħ lil Walt Disney li jibni l-kastell tal-fantasija u tal-ħrejjef tiegħu.

 

Meta mqabbla mal-belt ċkejkna ta’ Fussen, Augsburg hi ferm akbar u traffikuża. Tinsab fuq ix-xmara Lech u hi t-tielet l-akbar belt fil-Bavarja. Hi wkoll waħda mill-aktar bliet antiki fil-Ġermanja u kienet inbniet mill-Imperatur Ruman, Augustus fis-sena 15 qabel Kristu.

 

Komplejt insuq u waqaft f’belt kartolina, Dinkelsbuhl. Belt oħra mdawra bis-swar. Belt li biex vera ikollok mument trankwill li għandek tagħmel hu li ddurha minn madwar is-swar tagħha filwaqt li passiġġata matul jew bejn it-toroq dojoq tagħha huma spettaklu speċjalment li ħafna minnhom joħorġu għal fuq is-sur u kulfejn tħares tara spettaklu naturali.

 

5.	Rothenburg ob der Taiber
5. Rothenburg ob der Taiber
Rothenburg ob der Taiber
Rothenburg ob der Taiber

Belt oħra spettakolari fit-triq Romantika hi Rothenburg ob der Tauber. L-isem ifisser Rothenburg fuq ix-xmara Tauber. Il-kelma Rothenburg gejja mill-kliem Ġermaniż Rot għal Red (aħmar) minħabba l-bjut ħomor tagħha u burg – belt medjevali fortifikata. Hi belt medjevali imdawra b’ħitan li huma fost l-aktar priservati madwar l-ewropa kollha li kien anke rnexxielha teħlisha mill-bombi tal-allejati fl-aħħar gwerra dinjija. Rothenburg hi speċi ta’ maze ta’ bini kkulurit li għandu madwar 700 sena.

 

Wurzburg hi l-aħħar belt jew l-ewwel belt tat-triq romantika u hi wahda mill-isbah bliet barokki fil-Ġermanja kollha fejn saret famuża bħala ċentru tal-produzzjoni tal-inbid tal-Franconia. Hawn wieħed jista jgawdu l-atmosfera ta din il-belt li tinsab fil-vallata tax-xmara Maine imdawra b’gholjiet kollha dwieli tal-inbid. Bla dubju l-isbaħ belt fit-triq Romantika u għalhekk iddeċidejt li nagħlaq biha. Il-postijiet li fiha x’tara din il-belt ma tgħoddhomx u lanqas temmen meta wieħed ikun jaf li 90 fil-mija ta din il-belt gew mitħuna fl-aħħar raid ta’ 20 minuta tal-allejati fl-aħħar gwerra dinjija fit-2 ta’ Marzu 1945. Bi program kważi mirakoluż irnexxielhom jerġgħu jibnu kull struttura mportanti filwaqt li rrestawraw l-aktar bini mportanti bħal Wurzburg Residence li hi wirt dinji li kien sofra ħsara kbira. Il-pont antik tagħha jirrifletti dik l-epoka. Pont li jixbaħ ferm lil Charles Bridge ta’ Praga. Ta min iżur il-fortizza (Festung) Marienberg fejn wieħed jista’ jara veduta mill-isbaħ fuq Wurzburg. Għal min jixtieq jitbiegħed ftit mill-istorbju tal-belt u mit-toroq tax-shopping tajjeb li jqatta ftit ħin fil-ġonna t’hawnhekk.

 

Kif tasal għar-Romantic Road

Hemm diversi modi tasal għal Romantisches Strasse. L-aħjar ajruporti li jwassluk fuq naħa jew oħra biex tibda t-triq Romantika huma Frankfurt jew Munich. Frankfurt jekk se tibda minn fuq għal isfel għax l-ajruport hu qrib Wurzburg. Munich hu qrib in-nofs tat-triq Romantika u tagħżel int minfejn tibda. Interessanti wkoll dan l-ajruport jekk wieħed irid iqatta xi jiem f’in il-Belt sabiħa tal-Bavarja. Iż-żewġ ajruporti huma milħuqa direttament mill-Air Malta jew Lufthansa.

Biex iżżurha

Hemm diversi modi kif iżżur din it-triq romantika. Tista tagħżel it-trasport pubbliku fejn l-"Europabus Romantische Strasse" tibda minn Wurzburg  filgħodu u tispiċċa Fussen filgħaxija jew viċi versa. Din titlaq minn Frankfurt kuljum u tista tieqaf fejn trid u tkompli l-għada.

Iżda jien nagħtikom parir biex triq bħal din ma taħluhiex f’ġurnata waħda għax ikun biss aperitiv u ma tgawdihiex. Nemmen ukoll li l-aħjar mod li  tikri karrozza għax tieqaf fejn trid anke f’villaġġi fejn it-trasport pubbliku ma jgħaddix jew ma jieqafx.

Mod ieħor li qed isir ferm popolari hi bir-rota għalkemm hawn min hu kuraġġuż biżżejjed li jagħmilha bil-mixi. Tinsewx li din it-triq hi twila 200 kilometru.

Hawn min jagħżel li jżur it-triq Romantika f’ġurnata waħda li tieħu biss aperitive inkella tagħmilha f’4 ijiem  fejn nissuġerilkom dan l-itinerarju:

Ġurnata 1 : Tibda minn Wurzburg sa’ Rothenburg b’waqfa f’Bad Mergentheim għal parnzu.
Ġurnata 2 : Wara li tiskopri Rothenburg terħilha lejn Dinkelsbuhl u torqod f’Nordlingen
Ġurnata 3 : Waqfa qasira f’Donauwörth, u ibqa sejjer Augsburg.
Ġurnata 4 : Ġurnata twila u panoramika b’waqfa Neuschwanstein Castle sa ma ttemmha f’Fussen.

Tista toħloq itinerarju ta’ 7 ijiem ħalli tagħmilha b’aktar trankwillita, iżda dan skont il-persuna x’jgħoġbu. Il-fatt hu li darba waħda f’ħajtek it-triq Romantika trid tagħmilha, anke jekk m’ingtix romantiku.

 

More in Divertiment