L-Olanda: Pajjiż mimli arti, divertiment u fjuri

Jekk tkun trid ftit kaffeina, fittex għal cafè u mhux coffee shop u l-prostituti fit-twieqi ilhom għal dawn l-aħħar 300 sena

L-aktar pajjiż fl-Ewropa b'popolazzjoni densa hi l-Olanda. Jgħixu fiha 17-il miljun ruħ u biex setgħu joqogħdu dawn in-nies kollha l-Olandiżi kellhom jibnu villaġġi u bliet litteralment fuq il-baħar. Forsi hi wkoll l-aktar belt priservata tas-seklu 17 u fl-istess waqt moderna u mqarba li kultant timbotta lil vjaġġaturi aktar konservattivi.

 

L-Olanda hi ppakkjata bl-arti, mix-xogħlijiet ta’ Rembrandt sal-ward tax-xemx ta’ Van Gogh. Il-Fjuri huma negozju kbir filwaqt li l-marijuana tinbiegħ fil-miftuħ fil-coffee shops. Hi art fejn l-imtieħen jaħtfu r-riħ b’mod tradizzjonali u anke b’mod modern.

 

Il-belt kapitali ta’ l-Olanda hi Amsterdam li fiha jgħixu miljun persuna u daqstant ieħor jeżistu roti. It-triq Damrak tgħaqqad l-istazzjon tal-ferrovija mal-pjazza prinċipali u minn din l-ispina il-belt tiftaħ bħal speċi ta’ mrewħa, b’mijiet ta’ pontijiet u serje ta’ kanali konċentrati.

 

L-isem ta’ din il-belt ġie meta l-Olandiżi kienu bnew dam fuq ix-xmara Amstel fis-seklu 13. Il-komunità li kienet tgħix f’din in-naħa, tat l-isem lil dan il-post bħala Amstel Dam li eventwalment saret Amsterdam.

 

L-Olanda hi wkoll msemmija għall-pubs li jbiegħu l-marijuana li huma msejħa coffee shops. F’Amsterdam biss hemm 300 minnhom. L-Olandiżi jqisu l-marijuana bħala soft drug bħat-tabakk u l-alkaħol. Il-marijuana hi tollerata iżda droga oħra hi illegali. Il-kwantitajiet huma limitati u barra li trid tkun ’il fuq minn 18-il sena, il-pulizija jużaw dawn il-coffee shops biex javżawk kontra d-droga aktar qawwija. Għalhekk jekk inti tkun trid ftit kaffeina, fittex għal cafè u mhux coffee shop għax tmur imqarraq.

 

Fil-qalba ta’ Amsterdam wieħed isib park sabiħ, Vondelpark. Fejn fih isiru diversi kunċerti fis-sajf. Park li hu popolari mal-koppji romantiċi, familji żgħażagħ u oħrajn bi spirtu liberu li jgħixu fil-park fejn jaqsmu ma’ xulxin kutri u birer.

 

Night Life: Mhux prostituzzjoni u marijuana biss

Amsterdam hu famuż għar-Red Light District. Professjonisti tal-aktar professjoni antika fid-dinja, b’mod legali jittantaw lil dawk li jżuru din il-parti biex iħajruhom iżommulhom kumpanija għal xi ftit minuti, imma li trid tħallashom talli tagħmlilhom kumpanija! Dawn issibhom fit-twieqi bħalma ilhom ikunu f’dawn l-aħħar 300 sena. Interessanti l-fatt li dawn il-prostituti jekk ikollhom bżonn l-għajnuna, għandhom buttuna li tmur dritt għand il-pulizija. Meta jidħol klijent, il-purtiera tingħalaq sa ma jinqeda. Il-prostituti ħafna minnhom ikunu miżżewġa u kollha jkunu ċertifikati nodfa mill-mard sal-ħin tal-viżta tagħhom għand it-tabib. Fl-istess żona jkun hemm diversi klabbs li fihom ikun hemm atti ta’ sess live.

 

Personalment, nieħu aktar gost li mmur cruise fil-kanal wara li tinżel ix-xemx. Dawn id-dgħajjes jieħdu lill-viżitaturi tagħhom dawra rilassanti u mimlija xenarju ta’ Amsterdam fl-aqwa tagħha.

 

Dan minbarra d-diversi bars u pubs b’mużika live filwaqt li hemm toroq b’ristoranti b’togħmiet kulinarji minn kull parti tad-dinja li wkoll jagħmlulek serata mill-isbaħ.

 

L-arti ma tonqosx

 

Żewġ postijiet li wieħed għandu jżur f’Amsterdam huma Rembrandt's House. Fejn wieħed jara fejn għex dan l-artist, u kif ħadem, għalkemm ix-xogħol artistiku tiegħu jistgħu jinstabu fir-Rijksmuseum.

 

Maestro ieħor modern kien Vincent Van Gogh fejn il-mużew tiegħu hu disinjat biex wieħed jimxi matul l-istorja tal-ħajja mqanqla tiegħu li turi kif il-ħajja u l-arti huma minsuġa flimkien.

 

Interessanti li żżuru wkoll Haarlem, li hi belt mimlija arkitettura tas-seklu 17. Il-pjazza prinċipali hi libera mit-traffiku sa mill-1960. Iżda biex ddur dawra ma’ Haarlem u tiskopriha, dejjem trid toqgħod attent minn xi daqqa ta’ rota.

 

L-Olanda hi pajjiż żgħir anke jekk illum hi d-doppju ta’ li kienet 300 sena ilu minħabba li rebħet ħafna art mill-baħar. Dan għamluh billi ppumpjaw l-ilma baħar, bnew dams enormi u fejn dak li kien qiegħ ta’ baħar mijiet ta’ snin ilu, illum hi art fertili, villaġġi u bliet li huma mibnija taħt il-livell tal-baħar. Biex jippumpjaw l-ilma baħar, l-Olandiżi wżaw l-akbar riżorsa naturali li għandhom, ir-riħ. Għal sekli sħaħ l-Olandiżi bnew imtieħen tar-riħ u sal-lum hemm aktar minn elf waħda li għadhom jaħdmu.

 

Il-ħamrija mielħa hi trattata b’mod organiku u eventwalment issir fertili immens. Bla dubju li l-aħjar ħajja li toħroġ minn din l-art fertili huma l-fjuri. U hawn f’Alsmeer Flower Auction, hu ċar li l-fjuri huma negozju kbir fl-Olanda. Kuljum, mal-20 miljun fjura jitilqu minn dan il-post għal madwar l-Ewropa kollha u d-dinja, destinati li jferrħu lil xi ħadd.

 

Jekk qed iżżur l-Olanda għall-ħajja bla rażan tagħha, inkella għall-istorja tagħha jew biex tirrilassa f’xi pjazza tar-raħal, hawn kollox hu oriġinali għax l-Olanda hi unika u bħalha ma ssib imkien.

 

Kif tasal

 

Wieħed jista jasal permezz ta’ titjira mal-Air Malta diretta għal Amsterdam, inkella bir-Ryan Air sa Eindhoven u minn hemm wieħed jista jaqbad it-trasport pubbliku jew it-tren sa Amsterdam.

 

 

More in Divertiment