Dawra mal-akbar lag fl-Italja

Vjaġġi mal-Bużu

Malcesine
Malcesine

Lago Di Garda hu l-akbar lag fl-Italja. Twil 52 kilometru u wiesa’ 16.7 kilometri u l-aktar parti fonda tiegħu hi 346 metru. Dan ifisser li l-lag fih kważi d-doppju tal-gżira Maltija fit-tul u daqs Malta u kwart fil-wisa’.

 

Diversi villaġġi jdawru dan il-lag fejn l-art hi msemmija li tagħmel ħafna żebbuġ, tant li t-Taljani jsejħulu wkoll il-Lago d’Ulive, jew il-lag taż-żebbuġ.

 

Dan il-lag jieħu l-ilma mix-xmara Sarca li wara li tidħol f’Lago di Garda tinbidel għal Mincio. Din ix-xmara, wara li timxi għal 65 kilometru, tgħaddi minn Mantova u tispiċċa fix-xmara Po.

 

Il-lag hu mdawwar b’diversi villaġġi li għandhom il-karatteristika tagħhom. L-ebda wieħed mhu bħall-ieħor u kollha huma affaxxinanti u fihom l-isplendur u l-istorja tagħhom. Se nżuru l-aktar popolari minnhom:

 

Malcesine u l-muntanja

Hi waħda mill-bliet tant imfittxija mit-turisti fejn tissemma mill-kittieb Goethe f’diversi xogħlijiet minn tiegħu. Malcesine kienet tagħmel parti mid-dominji della Scala fl-1277. It-turisti jistagħġbu jesperimentaw il-ħajja trankwilla ta’ din il-belt li hi magħrufa bħala belt ‘slow’.

Kastell grandjuż hu l-monument ewlieni ta’ dan il-pajjiż, il-kastell tal-Iscaligeri. Waqt li tipproċedi matul il-lag, tista’ tammira l-palazz tal-kapitani bi stil gotiku Venezjan. Wara li żżur dan il-villaġġ b’passiġġati matul it-toroq dojoq, wieħed ma jistax ma jżurx il-muntanja Monte Baldo li hi l-unika muntanja qrib il-lag li tista’ titla’ fuqha b’funikular fejn hemmhekk, filwaqt li tiftaħ il-pulmuni, titpaxxa fil-ġnien hekk imsejjaħ il-ġnien tal-Ewropa u tara xena spettakolari tal-lag. Fis-sajf, ikun hemm kjuwijiet kultant kbar wisq, iżda niggarantilkom li ftit stennija hi ‘worth it’.

 

Torre del Benaco

Belt oħra ċkejkna u ħelwa hi Torre del Benaco li tinsab f’żona strateġika bejn Riva u Peschiera li huma l-ewwel u l-aħħar belt li hemm madwar Garda. Madwar 40 lukanda tilqa’ lit-turisti hawn fost ambjent ta’ familjaritá kbira. Fl-1383, Antonio della Scala kien bena l-kastell. Bini ieħor importanti hu l-palazz tal-Kaptan fejn kien joqgħod il-kaptan tal-lag. Għal xi żmien, kien jgħix f’dan il-post l-attur Vittorio Gasman.

 

Garda

Aktar ma tinżel ’l isfel mal-lag, l-aspett tiegħu jinbidel u jitwessa’. Il-villaġġ antik ta’ Garda hu mimli toroq dojoq fejn wieħed jista’ jagħmel passiġġati mal-promenade. Fiċ-ċentru, wieħed jiltaqa’ mal-Palazz tal-Kaptan li hu sinonimu ma’ kull villaġġ, palazz mibni fuq stil venezjan filwaqt li Villa Albertini tas-seklu 16 tiddomina l-villaġġ. Ikolli nammetti li dan il-villaġġ hu wieħed mill-aktar favoriti tiegħi għalkemm mhux l-aktar wieħed. Għax il-favorit nett hu dan li ġej.

 

Sirmione

Sirmione
Sirmione

L-ewwel traċċi ta’ preżenza umana f’Sirmione tmur lura sa 6,000 sena qabel Kristu. Iżda dak magħruf hu, li din il-belt mill-isbaħ mill-ewwel seklu kient belt imfittxija mill-aktar familji sinjuri li kienu ġejjin minn Verona li dak iż-żmien kienet l-akbar belt Rumana fin-naħa ta’ fuq tal-Italja. Sadanittant, fis-sekli 4 u 5 din il-belt kienet tintuża bħala l-akbar fortifikazzjoni biex tiġi difiża n-naħa t’isfel tal-lag. Fis-seklu 13, din waqgħet taħt l-Iscaligeri li mill-ewwel għamlu t-timbru tagħhom bil-bini tal-kastell li wieħed jilmaħ eżatt mal-entratura ta’ bieb il-belt. Għal 300 sena kienet ukoll maħkuma mill-Hapsburgs u dan kollu għen biex l-arkitettura ta’ din il-belt illum hi mżewqa b’diversi stili arkitetoniċi li tagħmilha unika. Ma niġba’ qatt indur fit-toroq u mal-kosta spettakolari tagħha.

 

Bardolino

Bardolino bil-knisja antika ta’ Sen Severo, tiddomina l-parti antika tiegħu li hu rikk b’ġonna, ħwienet u lokali pubbliċi. Il-kapitali tan-night life matul il-lag, Bardolino hu msemmi wkoll għaż-żejt u inbid preġjat.

 

Lazise

Lazise hi belt ċkejkna mal-Lago Di Garda. L-isem ġej mil-Latin ‘Lacus’ li jfisser villaġġ. Lazise oriġinarjament kienet grupp ta’ djar li kien jifforma villaġġ Ruman u suq.

Il-knisja ta’ San Nikola hi tas-seklu tnax u għandha frescos mill-iskola ta’ Giotto. Matul is-seklu 13 u 14 Lazise kienet okkupata mill-Iscaligeri ta’ Verona li dawru din il-belt bi swar u turretti u bnew kastell. Fl-1405 din il-belt waqgħet taħt ir-renju tal-venezjani sa ma fl-1866 din ġiet inkorporata mill-monarkija Taljana.

 

Peschiera del Garda

Peschiera del Garda
Peschiera del Garda

Peschiera del garda kienet fortifikata mill-iscaligeri u militarizzata mill-Venezjani. Il-belt antika li hi mdawra b’ħitan fortifikati li huma twal 2 kilometri u nofs, huma mimlija ħwienet, ġelateriji, ristoranti u postijiet fejn tqatta’ ftit ħin liberu.

 

Limone su Garda

Limone sul Garda
Limone sul Garda

Isimha magħha. Villaġġ ċkejken ċkejken iżda affaxxinanti. Mimli siġar tal-lumi, toroq mill-aktar ċkejknin u mserrpin u ristoranti tipiċi f’kull rokna. Qatt ma fallejt li nagħmel il-pranzu tiegħi f’dan forsi l-iżgħar raħal madwar il-lag u forsi l-aktar wieħed li jżuruh turisti. Aktar faċli li tasal għalih permezz tad-dgħajsa milli bil-karozza.

 

Gardaland

Dawra ma’ dan il-lag ma jkunx komplet jekk wieħed ma jżurx it-‘theme park’ ta’ Gardaland – ġenna ta’ l-art għat-tfal u xejn inqas għall-kbar. 

Hemm issib varjetá sħiħa ta’ attrazzjonijeit b’ismijiet eżotici bħal, ‘Magic Mountain’ u ‘Colorado’, diversi taqsimiet bħal ‘Adventure’ fejn f’din it-taqsima niltaqgħu ma’ ‘La valle dei Re’, ‘ Corsari’, ‘Tunga’, ‘Canyons’, ‘Jungle Rapids’ u ‘Fuga da Atlantide’.  U ‘Fantasy’ u ‘Energy Show’. Dawn huma lkoll żoni differenti, b’logħob u nteressi differenti, li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. Il-wirja tad-denfili hi fost l-aktar imfittxija filwaqt li bil-lejl wieħed jista’ jassisti għall-wirja spettakolari bil-‘laser’.

 

Biex iżżurhom u iddurhom

Tasal hemm minn Milan l-aħjar mod u titla sa Verona bit-tren u minn hemm, taqbad it-trasport pubbliku għal wieħed minn dawn il-villaġġ, forsi Peschiera del Garda l-aħjar post li minnu ddur il-lag kollu. Dawn il-villaġġi, rħula jew bliet żgħar l-aħjar mod li żżurhom hu billi taqta’ biljett ta’ tragetto jew dgħajsa tal-linja u li ddur magħhom u tniżżlek fuq kull waħda li tixtieq iżżur.

 

More in Divertiment