![[IT-TIENI PARTI] Is-sensiela oriġinali Planet of the Apes](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/planet_of_apes_2.png)
Il-Moda din ir-Rebbiegħa: Iktar disinni u iktar kuluri
Esperti tal-moda li tkellmu mal-ILLUM jgħidulna dwar l-ilbies u d-dehra matul r-rebbiegħa 2016

L-istaġun tar-rebbiegħa, spiss nassoċjawh ma’ ħwejjeġ b’disinni ta’ fjuri, u kuluri ċari, hekk imsejħa pastels, però din is-sena dawn se jmorru pass ieħor lil hinn minn din in-norma. Fl-isfilati tal-moda internazzjonali bi tħejjija għal dan l-istaġun, stajna naraw bosta tendenzi, li wħud minnhom prattikament dehru fi kważi kull xow ta’ dawn id-disinjaturi rinomati. Fil-fatt, għal dan l-istaġun se nkunu qed naraw kuluri vivaċi ’l bogħod mil-lelà u l-pistaċċa, u minflok jew aħjar magħhom, jidħlu dawk il-kuluri vibranti bħall-oranġjo, u l-kuluri metalliċi bħall-fided. Dan minbarra l-linji, rigi, ċrieki u kull disinn ieħor ’il bogħod mis-soltu fjuri ta’ dan iż-żmien.
Vibranti u jidher
Il-kuluri huma element importanti li matul dan l-istaġun tar-rebbiegħa se jkun qed jieħu żvolta u qabża fit-tonalità. Minflok il-kuluri rotob tal-pastels, din is-sena se nkunu qed naraw iktar varjetà fl-isfumaturi, b’kuluri vibranti jieħdu l-iktar attenzjoni. Kemm jekk huwa ikħal, isfar jew oranġjo, li dan tal-aħħar se jkun popolari ferm fit-tonalitajiet diversi tiegħu, se jkun qed imur tajjeb. Dan ukoll bl-inklużjoni tal-kuluri metalliċi jew anke sempliċiment sfumaturi tiegħu.
Wiċċ frisk u sempliċi
F’dan l-istaġun, wiċċna għandu jgħidilna ‘grazzi kbira’ għaliex se jkun qed jieħu pawsa mit-tant żebgħat u kuluri ta’ prodotti li s-soltu mdorri li nitfgħulu. Fix-xows tal-iktar disinjaturi rinomati, u mhux, seta’ jispikka element partikolari importanti: il-wiċċ kien nadif. Nadif minn prodotti u kremi kkuluriti li s-soltu dawn l-isfilati jkunu tant magħrufin għalihom. Iktar ma jkun sempliċi, u inqas kemm jiġu applikati prodotti, iktar se jkun jidher frisk u adatt. Il-ftit irtokk li se jkun moda huwa dak l-iktar bażiku sabiex joħloq bażi sabiħa, b’xi highlighters li jilluminaw il-wiċċ u forsi dik ix-xoffa klassika ħamra li tkun tista’ tispikka aktar fuq wiċċ iktar sempliċi.


Il-komdu taċ-ċatt
Minbarra l-ħwejjeġ, ġeneralment xi ftit estravaganti, l-isfilati tal-moda spiss ikunu assoċjati ma’ żraben bi tkaken li tistagħġeb kif jirnexxielhom jimxu fuqhom il-mudelli. Din is-sena iżda, id-disinjaturi donnhom warrbu xi ftit l-iskumdità tat-tkaken għoljin u ffukaw iktar fuq iċ-ċatt li jagħti xi ftit tan-nifs lil dawk li jilbsuh. Hekk donnha tidher li se tkun it-tendenza b’diversi disinjaturi, fosthom Victoria Beckam li warrbet it-tkaken, anke minħabba li stqarret li dawn qed jgħajjuha u jirrovinawlha saqajha.
Linji, rigi u kull forma
Għalkemm fir-rebbiegħa spiss naraw fjuri u disinni delikati, din is-sena kien hemm żvolta, bil-prominenza tingħata lil disinni kbar u b’forom li jiġbdu l-għajn. Minn linji, rigi u ċrieki sa kaxxi u grafika interessanti, kull tip ta’ forma u disinn se jkun qed jidher spiss, diment li jkun b’forma kbira. Minbarra d-disinn fil-materjal tal-ħwejjeġ, se nkunu qed naraw forom diversi li jikkumplimentaw il-flokk, ġakketta, libsa, dublett u anke basktijiet. Il-moda tal-frilli u frenez se tkun qed tkompli miexja magħna f’dan l-istaġun ukoll wara li kienet tant popolari fi staġuni passati, u mhux biss fil-ħwejjeġ imma anke fl-aċċessorji bi żraben u basktijiet, mogħtija din id-dehra.

Ċingi, u kmiem ’l isfel
L-ispalel si jieħdu xi ftit tan-nifs din ir-rebbiegħa, u bit-temp kulma jmur iktar jisħon, din it-tendenza, għandha tintlaqa’ b’ferħ. Il-forma u d-disinn li dehru spiss fuq ir-runways għal dan l-istaġun kienet dik li tissejjaħ ‘cold shoulder’. Din il-forma tgħaqqad flimkien iċ-ċinga mal-għonq u l-kmiem off shoulder biex tingħata dik id-dehra tal-ittra ‘X’ fil-parti ta’ fuq tat-tibdila. Din it-tip ta’ komma/ċinga nistgħu nibdew insibuha mhux biss fuq flokkijiet u qomos, imma anke fuq ilbiesi u jumpsuits fost l-oħrajn.
Il-qmis bajda b’differenza
Xi ħaġa sempliċi u bażika bħal qmis bajda, hi xi ħaġa li mhix marbuta ma’ żmien jew staġun partikolari, imma hija xi ħaġa li kulħadd għandu jkollu fil-gwardarobba tiegħu. F’dan l-istaġun tar-rebbiegħa iżda, għandna naraw il-qmis bajda b’differenza. Id-differenza mhix l-istess f’kull każ għaliex id-disinjaturi liberament biddlu l-forma ta’ din il-biċċa ħwejjeġ biex jagħtuha laqta distinta. Kemm jekk hi b’komma waħda, bil-ġmieħ fil-ġnub, b’għonq għoli, bil-frilli jew bil-frenza, il-qmis bajda xorta se tibqa’ fil-gwardarobbi tagħna, anke jekk taħt forom kemxejn differenti.
X’qed jgħidu l-istilisti?

Lil hinn mil-fjuri u l-pastel
Fir-rebbiegħa, ta’ spiss naraw ħwejjeġ imżewqin bi fjuri u kuluri pastel li propja jirriflettu dan iż-żmien tas-sena. Madankollu, tajjeb li fil-moda, kultant niksru xi ftit minn dak li huwa mistenni, u din is-sena dak huwa eżatt dak li se naraw.
Kuluri vivaċi u mettalliċi
Il-moda għar-rebbiegħa 2016 hi karatterizzata minn kuluri vivaċi u metalliċi, li jikkumplimentaw ir-Rose Quartz u s-Serenity li ġew iddikjarati bħala ‘l-kuluri tas-sena’ mill-Pantone.
Element ieħor li se jkun popolari huma forom ġodda li bihom ħwejjeġ klassiċi se jingħataw ħajja mill-ġdid. Eżempju ċar hija l-qmis bajda li żgur kulħadd għandu waħda fil-gwardarobba. Dan l-istaġun se naraw din il-‘classic piece’ f’interpretazzjonijiet ‘oversized’, bil-kmiem twal iktar mis-soltu, b’pulzieri kbar jew qishom qanpiena, u f’materjali varji.
‘Cold shoulder’
Stil ieħor li se jiddomina huwa l-cold shoulder, fejn ilbiesi, jumpsuits, qomos eċċ se jkollhom gost li jesponi l-ispalla, u l-kmiem jibdew min-nofs in-naħa ta’ fuq tad-driegħ.

Gost ieħor li se jkun ferm popolari dan l-istaġun huwa l-frill, sew jekk fi stil romantiku fuq dbielet, kif ukoll fuq nota aktar Vittorjana fuq qomos b’għonq għoli mżewwaq b’xi ċoff irqiq.
Disinni mħallta
Mhux se jonqsu żgur id-disinni li drajna naraw f’dawn iż-żminijiet bħal rigi u fjuri, u magħhom se jiżdiedu wkoll disinni aktar grafiċi jew astratti li jikkumplimentawhom meta jintlibsu flimkien. Diment li l-patterns ikunu tal-istess grupp ta’ kuluri, ħadd m’għandu joqgħod lura milli jħallat u jqabbel iżjed minn disinn wieħed!
Segwi lil Mariel Sacco fuq il-blogg tagħha Confessions of a Former Size 6 jew fuq il-paġna tagħha fuq Facebook

Iktar glamour u inqas minimalistika
Id-dehra b’mod ġenerali għall-istaġun li ġej tar-rebbiegħa/sajf 2016 se tkun inqas minimalistika u b’ħafna iktar ‘glamour milli kieneet għal xi żmien.
Patterns
Is-sebgħinijiet se jibqgħu magħna għal xi ftit – xi jeans flared jew kull ħaġa b’xi frenza jew ġummien (tassel), għid li hija moda. Anke r-rigi u d-disinni huma verament moda u popolari bħalissa.
Kuluri
L-iswed u l-abjad, li ddominaw ix-xitwa li għaddiet, se jkunu qed jimxu magħna anke fl-istaġuni li ġejjin tar-rebbiegħa u anke s-sajf. L-abjad huwa dejjem il-kulur tal-istaġun, imma kull kulur vivaċi u jixgħel għandu jkun addattat u moda.

Il-ħwejjeġ femminili u ‘flirty’ huma verament in voga – lbiesi ‘slip on’, ħafna frilli u materjali trasparenti. Antaċċjoli u materjali li jleqqu, huma wkoll popolari ferm f’dan l-istaġun.
Aċċessorji
Fejn għandhom x’jaqsmu l-aċċessorji, f’dan l-istaġun se jkomplu jiddominaw dawk l-aċċessorji li jistgħu jintużaw kemm mill-irġiel u min-nisa, bil-‘bakpacks’ jibqgħu popolari, anke f’dan l-istaġun. Dan jgħidd ukoll għal żraben bi tkaken ħoxnin. Minkejja dan, wasal iż-żmien li nżidu magħhom aċċessorji iktar femminili bħal ġojjellerija iktar delikata, chokers u brooches. Tibżax tabbina aċċessorji differenti flimkien.
Sbuħija
Fejn tidħol is-sbuħija, il-moda se tkompli tiċċelebra dik id-dehra kemxejn iktar rilassata bl-inqas irtokk possibbli u stili tax-xagħar rilassati- immaġina fix-xagħar imġiegħed tas-sebgħinijiet u irtokk ‘nude’. Fl-isfilati għal dan l-istaġun, meta ma kien hemm irtokk ‘nude’, l-għażla marret fuq ħuġbejn iffurmati u l-kulur fix-xuftejn

Segwi lill-istilista Caroline Paris fuq is-sit tagħha www.carolinefashionstyling.com jew fuq il-paġna tagħha fuq Facebook