L-ikla t-tajba

Insalata tal-Couscous (Kontorn)

Ingredjenti:

  • 2 kikkri stokk tat-tiġieġ jew dada tat-tiġieġ maħlula f’2 kikkri misħun
  • 1 ½ kikkri couscous
  • ¼ kikkra żejt taż-żebbuġa
  • ⅓ ħall tal-inbid aħmar
  • ¼ kċn bżar aħmar pikkanti midħun
  • ½ kċn paprika
  • Melħ u bżar
  • 1 basla mdaqqsa, mqatta’
  • 1 ponn ħabaq imqatta’
  • 2 kikkra cherry tomatoes maqsuma min-nofs
  • Qoxra ta’ lumija maħkuka
  • 1 kikkra ġobon feta 

Metodu:

  1. F’kazzola jew borma żgħira, għalli l-istokk u żid il-couscous. Għatti, u wara madwar 5 minuti, jew meta jkun inxtorob ħafna mil-likwidu, neħħi minn fuq in-nar u ħalli f’ġenb għal madwar 5 minuti.
  2. Itfa’ l-couscous fi skutella kbira u ħawwad b’fuketta biex tisseparah, u ħallih jiksaħ.
  3. Fi skutella żgħira, ħawwad flimkien iż-żejt, il-ħall, il-bżar aħmar, paprika u melħ u bżar.
  4. Mal-couscous, żid il-basal, ħabaq, tadam, u l-ġobon feta u ħawwad sew. Ferra’ t-taħlita taż-żejt fuq kollox u ħawwad flimkien.

Salamun b’qoxra ta’ għasel u mustarda (Platt prinċipali)

Ingredjenti:

  • 4 fletti tas-salamun
  • 1½ kċn mustarda Dijon
  • 1½ kċn għasel
  •  1 sinna tewm mgħaffġa
  • ¾ kikkra frak tal-ħobż niexef
  • 2 mrf tursin imqatta’
  • 1 kċn qoxra tal-lumi
  • 2 mrf żejt taż-żebbuġa
  • Melħ u bżar

Metodu:

  1. Fi skutella żgħira, ħawwad flimkien il-mustarda, l-għasel u t-tewm.
  2. Fi platt ċatt poġġi flimkien il-frak tal-ħobż, lumi u tursin, u żid magħhom iż-żejt taż-żebbuġa u ħawwad sew li ż-żejt ikun fuq kollox.
  3. Aqbad flett tas-salamum wieħed wieħed u idlek naħa minnhom bit-taħlita tal-għasel u l-mustarda. Poġġi l-flett, bin-naħa tat-taħlita l-isfel fil-platt bil-frak tal-ħobż biex tiksih. Ara li n-naħa tkun miksija sew, u itfa’ ftit bżar u melħ fuq kollox. Irrepeti l-proċess bil-biċċiet kollha tas-salamun.
  4. Aħmi f’forn jaħraq ta’ madwar 200˚C għal madwar 14-15-il minuta, sakemm is-salamun ikun sar kompletament. Servi b’biċċa lumija fil-wiċċ.

Gallettini red velvet (Deżerta)

Ingredjenti:

  • 2¼  kikkri dqiq plain
  • 2 kikkri zokkor
  • 2 mrf trab tal-kokkodina
  • 2 kċn baking powder
  • ¼ kċn melħ
  • 230g (pakkett) cream cheese
  • 4 mrf butir
  • 1 bajda
  • 1 mrf kulur aħmar
  • ½ kikkra icing sugar

Metodu:

  1. Fi skutella ħawwad flimkien id-dqiq, iz-zokkor, il-kokkodina, baking powder u melħ, u itfa’ f’ġenb.
  2. Fi skutella oħra kbira, ħabbat flimkien il-butir u l-cream cheese sakemm jitħalltu sew. Magħhom żid il-bajda u l-kulur aħmar.
  3. Żid it-taħlita tad-dqiq mat-taħlita l-oħra u ħawwad flimkien sakemm tifforma forma ta’ għaġina.
  4. Poġġi l-għaġina fil-friġġ u ħalliha toqgħod għal madwar sagħtejn.
  5. Poġġi l-icing sugar fi skutella.
  6. Aqta’ biċċa biċċa mill-għaġina u ffurmahom fi blalen żgħar u rembel fl-icing sugar. Poġġihom fuq dixx b’karta strazza u aħmi f’forn moderat ta’ madwar 180˚C għal bejn 10-12-il minuta.

More in Divertiment