Dal-Milied fi Vjenna
Vjenna: Barokka, romantika, ta’ klassi, ikkulurita u mlibbsa għall-Milied
Jekk qatt mort Pariġi u għoġbitek, mela Vjenna, il-kapitali tal-Awstrija se togħġbok żgur. Għandha l-lussu kollu ta’ belt klassika Ewropea, il-klassi ta’ kull belt Ewropea, il-barokk ta’ ħafna mill-bliet glorjużi Ewropej u toroq sħaħ li joffru kull tip ta’ kummerċ. Iżda minkejja l-bixra barokka u anke neo-gotika tagħha, tibqa’ kapitali organizzata, relattivament kwieta, nadifa u rikka.
Minn ftit ġimgħat ilu, Vjenna ħadet bixra oħra, iktar ikkulurita. B’temp ġeneralment kiesaħ, temperatura qrib iż-żero u sema griż, il-kalma li ġġib ix-xitwa tinkiser biss bis-swieq tal-Milied madwar il-belt kollha.
Immaġinak. Filli tkun miexi qalb monumenti u binjiet barokki u elaborati, titgeddes fil-ħwejjeġ ħoxnin li jkennuk mill-kesħa, u f’daqqa waħda ssib ruħek f’villaġġ kollu kulur, tfal, mużika, ikel, xorb u dak kollu li huma simbolu tal-Milied. Is-swieq tal-Milied ta’ Vjenna huma esperjenza bil-wisq aktar rikka, minn dik is-solita u monotona tax-shopping fi ħwienet li ħafna minnhom għandna bħalhom Malta u li huma differenti biss fid-dekor.
Fi żjara li grupp ta’ persuni mill-qasam tax-xandir kellhom fi Vjenna, korteżija tal-Malta International Airport, minn fejn jitilqu bosta titjiriet għal din il-belt meraviljuża, żorna s-suq li jsir quddiem is-City Hall. Dan is-suq magħruf bħala, Christkindlmarkt, jilqgħek b’bankarelli li jbigħu kull xorta ta’ tiżjin tal-Milied, minn blalen għal fuq is-siġra tal-Milied sa dawl sempliċi li jikkrea ambjent mill-isbaħ sa, saħansitra, linef magħmulin apposta biex jitwaħħlu matul dan iż-żmien.
Timxi ftit ’il ġewwa u tibda tara xelta vasta ta’ ċikkulajjet Awstrijaċi, u jekk fi Vjenna tista’ dduq xi ħaġa ta’ kwalità mill-ifjen apparti l-għażla ta’ inbejjed, hija ċ-ċikkulata. Kull tip u b’kull prezz, b’garanzija waħda, li tagħtik il-gost li ċikkulata ta’ kwalità biss kapaċi tagħtik.
Tradizzjoni f’kull suq fi Vjenna huwa x-xorb tal-‘punch’ f’tazzi forma ta’ żarbun ta’ Santa Klaws u li jisserva b’togħmiet u biċċiet tal-frott differenti. Mit-tuffieħ, għall-larinġ, fost frott oħrajn, din ix-xarba tkun servuta sħuna, b’dik in-naqra alkoħol fiha li tagħtik gost f’dik it-temperatura kiesħa tal-belt. L-ikel ma jonqosx, l-aktar interessanti hija soppa li tisserva fil-qoxra ta’ ħobża, magħrufa bħala ‘Goulash’. Din is-soppa hija taħlita ta’ ħaxix u laħam, ideali ħafna għat-temp xitwi tal-Milied, fl-Ewropa ċentrali.
Is-swieq tal-Milied huma mifruxin madwar il-belt kollha, u apparti Christkindlmarkt, wieħed jista’ jżur ukoll swieq oħrajn, bħas-suq tal-Milied ħdejn il-Palazz Belevedere, wieħed mill-isbaħ binjiet fil-belt sinonimu mal-arkitettura barokka elaborata u żewġ koppli kbar li jidhru min diversi bnadi fil-belt.
Iżda Vjenna mhiux sabiħa biss għall-villaġġi tal-Milied, sabiħa wkoll jekk mhux iktar minħabba li hija belt ta’ ċerta klassi, fejn f’kull rokna hemm l-arkittettura u fejn it-tiżjin tal-Milied, mhux sempliċiment dawl, imma ornamenti oriġinali ta’ ċertu lussu. Laqtuni ħafna tiżjin tal-Milied fil-forma ta’ linef li jiżżejnu madwar it-toroq prinċipali li jagħtu għall-Katidral ta’ San Stiefnu, jidher minn kull parti tal-belt antika ta’ Vienna.
Mhux biss id-dehra li hija ta’ klassi. Huwa wkoll dak kollu gastronomiku u dak relatat. Is-servizz fir-ristoranti madwar din il-belt huwa ta’ kwalità għolja ħafna, kif inhuma d-diversi inbejjed Awstrijaċi li wieħed jista’ jsib fix-xelta. Hekk ukoll huwa għoli l-livell ta’ ikel servut, bil-laħam taċ-ċanga fost l-aktar popolari fost l-Awstrijaċi. Fil-fatt, simili wkoll għal dak li kien isir f’ħafna kċejjen Maltin, hija soppa tradizzjonali taċ-ċanga. Hija fil-fatt meqjusa bħala s-soppa tradizzjonali ta’ Vjenna u apparti laħam tari baqta, wieħed jista’ jgawdi dan il-platt ma’ dumplings tas-smid u oħrajn tal-fwied. Wara, tista’ tgawdi t-tjubija ta’ ftit ħelu, il-Krupshkapfen, magħmula minn kejk, ftit rum u anke Cointreu.
Vjenna hija biss il-bidu u ċ-ċentru li dan il-Milied jista’ jieħdok f’uħud mill-isbaħ widien, żoni ta’ muntanji u pajjiżi f’dan il-kontinent Ewropew, fost l-eqdem u l-iktar rikki fid-dinja. Minn Vjenna wkoll, tista’ titlaq għal diversi bliet, fosthom Bratislava fl-Islovakkja u Budapest fl-Ungerija. Jekk tkun trid tivvjaġġa xi ftit iktar fit-tul, tista’ saħansitra taqsam il-fruntiera lejn l-Islovenja u tgawdi wħud mill-sbaħ skiing resorts fl-Ewropa.