Fiċ-ċinema din il-ġimgħa
X'inhuma l-films li ħerġin matul din il-ġimgħa?
Passengers
Atturi Ewlenin: Jennifer Lawrence; Chris Pratt; Michael Sheen; Laurence Fishburne; Andy Garcia.
Direttur: Morten Tyldum.
Maħruġ minn KRS Releasing
Ħin: 116 min
Ċert: 12A
L-eku ta’ ‘2001: A Space Odyssey, l-aqwa film tax-xjenza ‘fittizja [?]’ u l-iżjed serju li qatt intwera, jirbombja fuq ‘Passengers’ - vjaġġ ta' ħafna u ħafna snin fil-wesgħat immensi u immaġinabbli tal-univers, passiġġieri reqdin f'nasgħa ta' aktar minn seklu, ħsara fis-sistema tal-vettura li tista' tittermina lil dawk reqdin, eżercizzji u ġiri fil-kuriduri verament twal, kollha dehru fil-film klassiku u kult tal-1968 ta' Stanley Kubrick. Omaġġ ieħor għal dan id-direttur hu d-dekor tal-bar tal-vettura li bilfors ifakkar f'dak tal-Overlook Hotel ta' ‘The Shining’ [1980] u tmiem li jagħmel ġieħ lil ‘Gravity’ [2013]. Minkejja dawn ix-xebhiet kollha, ‘Passengers’ hu xogħol tajjeb ferm, il-ħin kollu attiv, b'teknika li tħabbatha ma' ‘Avatar’. Fuq kollox, dan it-thriller spazjali jiffoka wkoll fuq andament romantiku li wkoll imur żmerċ. Il-vettura spazjali Avalon tinsab fuq vjaġġ fil-profondità u l-baħħ palpabbli tal-ispazju għal 120 sena. Abbord jinsabu ħamest elef passiġġier kollha fl-istat animat ta' raqda twila biex imorru jabitaw fuq il-pjaneta Homestead II. Wara tletin sena, żewġ passiġġieri, Aurora [Lawrence] u Jim [Pratt] iqumu sewwa qabel iż-żmien stipulat, wara żball tekniku fl-apparat. Però, kien hemm raġuni għal din il-ħaġa, u ż-żewġ passiġġieri li anke jsiru jinħabbu, iridu jiskopru l-għaliex ġara hekk. Wara ftit, il-vettura spazjali tibda turi sinjali ta' ħsara irreparabbli u l-ħajja ta' kulħadd tkun tinsab f'periklu serju. ‘Passengers’ jista' jitqies bħala wieħed mill-films primi tax-xjenza fittizja, tassew enerġetiku, lussuż fis-sets imponenti li fih, b'teknika meraviljuża, bil-proċess tad-3D, u jagħmel ġieħ lill-produzzjonijiet oħra ta' dan il-ġeneru. Tassew affaxinanti hi l-parti ta' Michael Sheen bħala robot li jservi b'diliġenza kbira wara l-bar. Film li m'għandux jintilef!
Monster trucks
Atturi Ewlenin: Lucas Till; Jane Levy; Amy Smart; Rob Lowe; Danny Glover; Barry Pepper
Direttur: Chris Wedge.
Maħruġ minn KRS Releasing
Ħin: 104 min
Ċert: U
Il-kumpanija Nickleodeon Movies dejjem taħdem films għat-tfal u l-familji. ‘Monster Trucks’, produzzjoni mimlija effetti viżwali speċjali mill-aqwa, animazzjoni u bil-proċess tad-3D, li tmiss ġeneri ta' films tax-xjenza fittizja, avventuri tassew eċitanti mimlija azzjoni u movimenti, kif ukoll b'sens umoristiku, hi addattata għat-tfal ta' kull età. Il-karattru prinċipali hu Tripp [Till], żagħżugħ baħbuħ li għadu kemm spiċċa mill-iskola sekondarja u qed jaħdem ta' mekkanik f'post fejn ifarrku l-karozzi qodma jew spiċċuta wara ħabta. Il-ħsieb ewlieni tiegħu hu li jitlaq darba għal dejjem mill-belt fejn twieled u jibda ħajja ġdida f'post ieħor. Minn biċċiet ta' karozzi mfarrkin għall-ħadid, jirnexxielu jibni trakk kbir. Fil-qrib qed iħaffru għaż-żejt u inċident ikrah b'ħafna splużjonijiet u nirien, iġib kreatura stramba minn taħt l-art. Din tidħol fil-vettura li bena waqt li jiskopri li dan il-mostru hu fidil, imma b'manija kbira għall-ħeffa tremenda. B'dan il-ħabib ġenwin u bit-tfajla ġdida tiegħu, Meredith [Levy], jirrealizza li sab l-okkażjoni f'waqtha kif jeħles u jitlaq mill-belt. Din mhix se tkun ħaġa ħafifa għax isusu warajh hemm nies b'aġenda sigrieta, oħrajn malinni u pulizija li jagħmel ir-ronda fit-triqat twal tad-distrett. ‘Monster Trucks’ jiżvolġi b'andament ħelu, però jieħu rankatura kbira ta' ġiri sfrenat ta' karozzi wara xulxin, ‘stunts’ inkredibbli u ħerba spettakulari.
Ballerina
Vuċijiet Ewlenin: Elle Fanning; Dane DeHaan; Maddie Ziegler; Carly Rae Jepson
Diretturi: Eric Summer u Eric Warin
Maħruġ minn KRS Releasing
Ħin: 89 min
Ċert: U
L-eċċellenza fl-animazzjoni primarjament tal-kumpaniji Disney u DreamWorks, kif ukoll studios oħrajn ta' Hollywood, bħal Blue Sky Studios, Sony Animation u oħrajn, issa għandhom kompetizzjoni minn sorsi diversi. ‘Ballerina’ hi fantasija avventuruża animata permezz tal-kompjuter, produzzjoni Franċiża/Kanadiża, mitkellma bl-Ingliż. Dan hu xogħol mużikali maħdum ukoll bit-3D b'kuluri verament attraenti u andament tassew mexxej u pjaċevoli. Felicitie Milliner [vuċi ta' Fanning] hija tifla orfni Franċiża li tħobb tiżfen waqt li dejjem toħlom li ssir żeffiena. Hi, flimkien ma' Victor [DeHaan], tfajjel daqsha ta' ħdax-il sena, l-akbar ħabib u kapaċissimu biex jivvinta affarijiet, jaħarbu mill-istitut fil-kampanja ta' Brittany u jitilqu għal Pariġi. Hemm, hi bla kenn u flus, issib refuġju mal-misterjuża Odette [Jepson], li tnaddaf u taħsel fit-teatru tal-Opra ta' Pariġi. Tkun din li tiggwidaha biex tipprova tilħaq l-għanijiet tagħha minkejja żbalji kontinwi u fallimenti f'ħinijiet kruċjali. ‘Ballerina’ tassew hu xogħol divertenti, imħarrek u attraenti li jħallik iċċassat tħares lejn il-liżar mingħajr ma taqla' għajnejk għal sekonda waħda. Prominenza kbira għandu l-karattru ta’ Felicitie, b'xagħar kannella kulur ir-ram, tfajla makakka ta' intelliġenza speċjali, li kapaċi tindiehes fejn tixtieq, kif ukoll anki tisfida l-awtorità. Ma jistax ma jonqosx ħjiel ta' xebh ma' ‘Black Swan’ [2010], fl-omm determinata li bintha Camille [Ziegler], avversarja ta' Felicitie fiż-żfin, tirnexxi akkost ta' kollox u f'‘The Red Shoes’ [1948], is-sigriet tal-imsejkna zoppa Odette. Fuq kollox, l-omm krudili b'manija tal-ġenn fuqha mhix ħlief mera tal-kattiva Cruella de Vil ta' ‘One Hundred And One Dalmatians’ [1961]. Ballerina’ żgur li għandu jogħġob lil dawk kollha ta' qalb tajba ta' kull età.