Films ġodda fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Miċ-ċinema għal din il-ġimgħa...

Manchester by the Sea

Atturi Ewlenin: Casey Affleck; Michelle Williams; Kyle Chandler; Lucas Hedges; Gretchen Mol

Direttur: Kenneth Lonergan

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 139 min

Ċert: 15

 

‘Manchester By The Sea’ miktub u dirett b'mod tassew realistiku minn Kenneth Lonergan, hu dramm sensittiv dwar familja tal-klassi tal-ħaddiema. Ambjentat f'post ħdejn il-baħar f'xatt tat-tramuntana ta' Massachusetts, l-andament jiżvolġi madwar il-familja Chandler. Lee Chandler [Affleck] li joqgħod fil-belt ta' Quincy u jaħdem bħala mastrudaxxa, hu bniedem kwiet ta' għalih waħdu. Lee jinsab hekk minħabba tensjoni fil-post tax-xogħol u f'din il-qagħda, jinvolvi ruħu fi ġlieda f'ħanut tax-xorb. Mingħand ħabib tal-familja jsir jaf li ħuh, Joe [Chandler] tah attakk tal-qalb u sakemm Lee jasal fil-belt ta' Manchester-By-The-Sea jilħaq imut. Sakemm jirranġa l-funeral ta' ħuh, isir jaf li Joe ħallieh bħala l-kustodju tat-tifel teenager tiegħu, Patrick [Hedges]. Qabel jieħu dan l-inkarigu, hu jibda jaħseb fuq il-passat traġiku tiegħu, avveniment li minħabba fih, martu Randi [Williams] iddivorzjatu. Il-miġja f'Manchester tieħu t-tul għax it-temp ħażin li jagħmel, jittardja l-funeral. Hawn, Lee jiskopri li ż-żagħżugħ Patrick ukoll qed isib problemi ma' wiċċu, fosthom ma' tfajliet tamparu, u jipprova jagħmel l-almu tiegħu kollu biex, bħala zijuh, ikun ta' xempju tajjeb għalih. ‘Manchester By The Sea’ jirrakkonta storja komuni li ħafna familji għaddew minnha. Din il-produzzjoni tgawdi primarjament minn atturi fl-aqwa tagħhom, speċjalment Casey Affleck [li diġà rebaħ l-unur tal-Golden Globe], bniedem li d-destin tah fuq wiċċu u jixhed dan b'konvinzjoni, kif ukoll Michelle Williams bħala l-eks martu sogħbiena, tassew kredibbli u vulnerabbli fl-istess ħin. Il-fotografija ta' ambjent xitwi, ta' kesħa kbira u anki ta' sema ċar hi ta' min ifaħħarha. Film għad-dilettanti vera taċ-ċinema!

The Unknown Girl

Atturi Ewlenin: Adele Haenel; Olivier Bonnaud; Jeremie Renier; Louka Minnella

Diretturi: Jean Pierre u Luc Dardenne

Maħruġ minn Side Street Films, Eden Cinemas

Tul: 113 min

Ċert: 15

L-aħwa diretturi Belġjani, Jean-Pierre u Luc Dardenne qed jerġgħu jippreżentaw film b'tema morali, ‘The Unknown Girl’. Infatti, f'dan it-thriller li fl-iżvolgiment tiegħu jmiss il-ġeneru ‘noir films’ fl-andament biss, imma mhux fl-ispirtu propju ta' dan it-tip, għal darb'oħra għandna protagonista mara. Bħal fl-aħħar xogħol tagħhom li ntwera hawn, ‘Two Days, One Night’ fejn il-protagonista tistaqsi u titkixxef jekk sħabha l-ħaddiema humiex lesti li jċedu l-bonus tagħhom biex hi tibqa' taħdem, f'‘The Unknown Girl’ insibu tabiba ambizzjuża li qed tirnexxi f'xogħolha, li tagħmilha ta' investigatriċi persistenti. Dr. Jenny Davin [Haenel] tgħaddi l-ġranet tagħha tikkura l-pazjenti b'diliġenza kbira. Meta darba tard filgħaxija ddoqq il-qanpiena tad-dar hi tiddeċiedi li ma tiftaħx il-bieb f'dak il-ħin. L-għada, mhux ’il bogħod mill-klinika fejn isservi tinsab mara mejta u mill-kamera tas-sigurtà tal-post tagħha tinduna li hi dik li ma fetħitilhiex.  Mimlija rimors, tibda tistaqsi lill-pazjenti tagħha u ma' kull min tiltaqa' jekk jafux lil din il-mara. Din l-investigazzjoni, pjuttost ta' fittagni żejda twassal lil din it-tabiba f'kunflitt ma' nies ta' karattru oskur. Din il-produzzjoni li hija bis-sotto titoli hi ddominata minn Adele Haenel fil-parti tal-medika li tikkonċerna ruħha b'investigazzjoni sfiqa fl-istess waqt li dejjem tibqa' mingħajr emozzjoni għal dak kollu li jiġi ma' wiċċha. Film kważi klawstrofobiku, bla ebda pretenzjonijiet, li xorta jżommlok l-interess ħaj. Iċ-ċinemasti Belġjani għandhom ikunu kburin bl-aħwa diretturi Dardenne!

More in Divertiment