La La Land qed ikaxkar fin-nominazzjonijiet għall-Oscars
14-il nominazzjoni għal dan il-film romantiku u mużikali jpoġġieh l-ewwel fil-lista ta' nominazzjonijiet għall-Oscars
Il-film La La Land li ħareġ ġimgħatejn ilu biss fiċ-ċinemas Maltin huwa l-aktar film li għandu nominazzjonijiet, 14 b'kollox, segwit minn Arrival u Moonlight bi tmien nominazzjonijiet kull wieħed.
Kollox f'dan il-film iseħħ fil-belt ta' Los Angeles - il-post tal-ħolm fejn kollox hu possibbli. Mal-ftuħ, mijiet ta' karozzi jinsabu mwaħħlin fit-traffiku fi triq prinċipali li tagħti għall-"Belt tal-Anġli". Minflok ħornijiet idoqqu, rabja, eċċitament palpabbli, eċċ., in-nies joħorġu mill-vetturi u jesibixxu danza sfrenata, tassew innovattiva b'ħafna movimenti ħfief u anki akrobatiċi [forsi eku tax-xogħlijiet ta' Bollywood?
Ikun f'din l-attività li jiltaqgħu Sebastian [Gosling], pjanista tal-mużika jazz, u Mia [Stone] li taħdem bħala kamriera fl-istudjows tal-Warner Bros u li tixtieq li ssir attriċi. Hawn, tinbet relazzjoni romantika bejniethom, it-tnejn li huma b'aspirazzjoni ħerqana li jsiru famużi fil-karriera li jridu jaqbdu, però wkoll se jgħaddu minn ħafna qtigħ il-qalb. "La la Land" qed jerġa' jirxoxta l-film mużikali b'entużjażmu ferventi u b'mod rifreskanti, kif ukoll bl-istil tal-kapulavuri ta' dan il-ġeneru tal-passat. B'andament li jinkludi diversi siltiet ta' żfin u kanzunetti ħelwin, Sebastian u Mia se jirrikreaw dinja fantastika għalihom. Meta kollox juri li qegħdin fis-seba' sema [anki f'waħda miż-żifniet isibu ruħhom qalb l-istilel], l-ambizzjoni egoistika personali tagħmel tagħha u anki jinfirdu.
Iżda dawn jistgħu jgħixu kuntenti mingħajr xulxin? Dan ix-xogħol jagħti omaġġ ġenwin lill-films mużikali, l-aktar dawk tal-MGM tas-snin ħamsin, fil-kostumi in-nisa bid-dublett "flared" jew bil-piegi, l-irġiel dejjem bl-ingravata, pullover u ġlekk], fil-kulur, fil-mod kif ir-relazzjoni romantika tiżvolġi b'manjiera ġentili u bews irżin u anki fil-prominenza li d-direttur jagħti fil-credits tal-bidu lill-kliem filmed in CINEMASCOPE li jimlew il-liżar kollu, kif ukoll fl-aħħar tidher THE END. "La La Land" qed jaffaxxina lill-udjenzi kullimkien u l-istess għandu jagħmel hawn Malta, hekk kif ħareġ ġimagħtejn ilu biss.