Bijografija | Vasile Alecsandri (1821-1890)
Vasile Alecsandri, wieħed mill-figuri letterarji u politiċi ewlenin Rumeni tas-seklu 19
Vasile Alecsandri, wieħed mill-figuri letterarji u politiċi ewlenin Rumeni tas-seklu 19, twieled fil-21 ta’ Lulju 1821, f’Bacǎu, fil-Moldova, bin Vasile Alecsandri u Elena Cozoni, familja aristokratika b’konnessjoni mal-qorti rjali. Huwa ġie edukat privatament, iżda fl-1834 intbagħat, flimkien ma’ żgħażagħ Moldovani oħrajn, f’Pariġi. Hemmhekk, Vasile studja l-mediċina, il-liġi u l-letteratura. Huwa bena relazzjonijiet b’saħħithom ma’ studenti Mutenni, partikularment ma’ Ion Ghica (1816-1897), li bħala grupp qiesu ruħhom bħala Rumeni, aktar milli Moldovani jew Mutenni.
Fl-1839 Vasile mar Iasi biex jaħdem mal-Ministeru tat-Teżor ta’ Moldova; huwa beda jikteb, jippubblika u jippromwovi l-idea ta’ għaqda. Huwa kien wieħed mill-ewlenin tat-teatru Rumen, kemm bħala organizzatur, direttur u kittieb. Huwa kien ukoll editur ta’ ġurnali nazzjonalisti bħal ‘Dacia Literarǎ’ (Letteratura ta’ Dacia) u ‘Propǎşirea’ (Prosperità).
Alecsandri kien involut sew fl-attivitajiet tar-rivoluzzjonarji Moldovani. Matul is-snin 40, huwa ħadem magħhom, jieħu messaġġi sigrieti; kien ta’ spiss iżur id-dar ta’ Costache Negri (1812-1876), ċentru ta’ riformisti Moldovani. Bi pressjoni dejjem tiżdied fl-1848, il-Prinċep Mihail Sturdza (1795-1884) sejjaħ laqgħa biex iħalli xi wħud mill-idealisti żgħażagħ iressqu l-ilmenti tagħhom. Bi tweġiba, Alecsandri editja petizzjoni għar-riformisti u r-rivoluzzjonarji, jippromwovi l-idea ta’ għaqda u libertà għall-Moldova. F’dan iż-żmien, huwa kiteb il-manifest-poema ‘Desteptarea Romaniei’ (Qum Rumanija).
Wara d-disfatta tal-attività rivoluzzjonarja f’Moldova, Alecsandri ħarab lejn it-Transilvanja biex jiskansa arrest, fejn hemm ippubblika l-fuljett ‘Protest in the Name of Moldova, Humanity and God’ (Protest f’Isem Moldova, l-Umanità u Alla). Huwa kiteb aktar poeżija unjonista ispirata mill-assemblea ta’ Baj f’Mejju 1848, u ffirma ‘Our Principles for Reform of the Country’ (Il-Prinċipju Tagħna għal Riforma tal-Pajjiż). Meta huwa analizza l-falliment tar-rivoluzzjoni f’Moldova, huwa sar aktar unjonist.
F’Ġunju, Vasile mar Cernauti fejn inħatar Segretarju tal-Kumitat Rivoluzzjonarju Moldovan. Huwa kiteb f’isem il-kumitat il-‘Proclamation of the National Party of Moldova to All Romanians’ (Proklamazzjoni tal-Partit Nazzjonali ta’ Moldova lil Rumeni Kollha), u ppubblika poeżiji fil-ġurnal Pan-Rumen ‘Bucovina’.
F’Settembru huwa mar Pariġi bħala propagandist biex ixandar fl-Ewropa l-kawża nazzjonali Rumena; huwa mar ukoll Kostantinopli, l-Ungerija u t-Transilvanja biex jippromwovi l-idea ta’ għaqda u libertà. F’Pariġi, Alecsandri editja, flimkien ma’ Nicolae Balescu (1819-1852) u Alecu Russo (1819-1859), ‘The Future Romania’ (Ir-Rumanija tal-Futur).
Fi tmiem is-sena 1849, Gregore Ghica (1803-1857), liberali u unjonist, talbu jirritorna fil-Moldova, u ħatru Arkivista Statali. Il-ġurnal tiegħu ‘Romania Literara’ (Letteratur Rumena) lagħab parti importanti fil-ħajja kulturali; fl-1856 huwa ppubblika “Hora Unirii’ u sar l-innu tal-moviment unjonist. Wara l-ħatra ta’ Alecandru Ion Cuza (1820-1873) fl-1859, Vasile nħatar Ministru tal-Affarijiet Barranin; wara t-tneħħija ta’ Cuza, huwa naqqas mill-politika, iżda qatta’ l-aħħar ħames snin ta’ ħajtu bħala Ambaxxatur fi Franza.
Il-kollezzjoni ta’ Alecsandri ta’ poeżiji popolari folkloristiċi (1862) kienet l-aqwa; il-poemi tiegħu ispiraw ġenerazzjoni ta’ poeti, u d-drammi storiċi kienu suċċess, imfittxijin fi Franza u l-Italja.
Alecsandri miet f’Mirceşti fit-22 ta’ Awwissu 1890.