Films ġodda fiċ-ċinema din il-ġimgħa
Films ġodda li ħerġin fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa
Hacksaw Ridge
Atturi Ewlenin: Andrew Garfield; Sam Worthington; Teresa Palmer; Hugo Weaving; Vince Vaughn; Rachel Griffiths.
Direttur: Mel Gibson.
Maħruġ minn KRS Releasing
Ħin: 134 min
Ċert: 15
Ħafna drabi, eroj ma jitwilidx hekk, lanqas forsi jħoss ġo fih din it-tendenza meta jikber. Kemm-il darba individwi ta' natura xipli, kwieta u mill-aktar ordinarja meta jsibu ruħhom taħt ċirkostanzi straordinarji jħossu n-neċessità li jistingwu ruħhom b'atti spontanji, tassew kuraġġużi fis-saħna ta' dak il-mument li qatt f'mitt sena ma kienu jobsruhom. Wieħed minn dawn kien Desmond T. Doss. L-istorja inkredibbli ta' dan l-altruwista kuxjentuz hi rrakkontata f'‘Hacksaw Ridge’, dirett bis-soltu ‘bravado’ minn Mel Gibson. Desmond Doss [Garfield], twieled f'Virginia ġo familja reliġjuża u kien assolutament konvint kontra l-użu tal-vjolenza, li kienet tmur kontra dak kollu li jemmen u l-prinċipji tiegħu. Ironikament, meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija minn jeddu mar japplika biex jidħol bħala suldat mediku biex ma jiggilidx. Lanqas biss azzarin ma ried iżomm f'idu. Tistgħu taħsbu x'persekuzzjoni għadda minnha meta sħabu l-kadetti ħasbu li se jkun ta' xkiel kbir għalihom, b'kull mezz ippruvaw ikeċċuh mill-armata. Hu baqa' jippersisti u sab ruħu fuq il-gżira ta' Okinawa qalb kumbattimenti mill-aktar brutali u mdemmija. Mingħajr qatt ma spara balla waħda, meta l-Amerikani rtiraw temporanjament minn fuq l-għolja msejha Hacksaw Ridge, baqa' waħdu hemm fuq ifittex il-feruti. Bil-Ġappuniżi jagħmlu r-ronda u joqtlu lil dawk li għadhom ħajjin, Desmond qalb periklu kbir irnexxielu jsalva 75 suldat ferut u jniżżilhom bil-ħbula minn għoli ta' 400 pied. Dan l-eroj, li fil-bidu meta kien iżgħar sab ma' wiċċu inkwiet fil-familja, kien l-ewwel persuna li rċieva l-U.S. Medal of Honor. Meta sema’ lil ħafna jfaħħru l-bravuri tiegħu, hu baqa' umli sal-aħħar, anki sostna li l-qalbenin vera jinsabu midfunin. Mel Gibson sawwar ‘Hacksaw Ridge’ b'andament verament qawwi u splussiv mimli tensjoni u eċitament, kumbattimenti ħorox li ftit rajna l-intensità tagħhom, kif ukoll b'partijiet konvinċenti. Fis-sekwenzi tat-taħriġ tas-suldati, dan ix-xogħol jimita xi ftit lil ‘The Dirty Dozen’ [1967] u ‘Full Metal Jacket’ [1987].
Sing
Vuċijiet Ewlenin: Matthew McConaughey; Reese Witherspoon; Seth MacFarlane; Scarlett Johansson; John C. Reilly; Taron Egerton; Tori Kelly
Direttur: Garth Jennings.
Maħruġ minn KRS Releasing
Ħin: 110 min
Ċert: PG
‘Sing’ huwa film animat mużikali ambjentat f'dinja tal-annimali. Fuq quddiem nett insibu lil Buster Moon [vuċi ta' McConaughey] koala ottimist, liebes impekkabbli, li qed jieħu ħsieb teatru li finanzjarjament għaddej minn żmien ħażin. Tant iħobb dan il-post tad-divertiment tiegħu li ma jixtieqx jitilqu. Billi jħobb joħlom sabiħ ħafna, tiġih l-idea li jorganizza kompetizzjoni tal-kant ħalli t-teatru prezzjuż tiegħu jerġa' jieħu l-fama ta' qabel. Malajr ifeġġu ħames kompetituri - Mike [MacFarlane], ġurdien li jkanta stil ta' Bing Crosby; Meena [Kelly], iljunfant teenager li titwerwer meta titla' fuq il-palk biex tkanta; Rosita [Witherspoon], omm imħabbta ta' 25 qsieqes żgħar; Johnny [Egerton], gorilla gangster li jrid jaqta' mis-serq li l-familja tiegħu sikwit jikkommettu u Ash [Johansson], qanfuda li ma tridx tkompli mas-sieħeb arroganti tagħha biex tkanta waħedha. Dawn kollha qed jaħsbu li dan huwa ċ-ċans li jbiddlu ħajjithom. Buster jibda jħarriġhom għall-final grandjuż, u bil-mod jinduna li hemm affarijiet oħra x'jipproteġi barra t-teatru ta' qalbu. Matul l-andament ta' ‘Sing’ jinstemgħu madwar 65 kanzunetta. Forsi l-idea ta' dan ix-xogħol ġiet f'moħħ il-produtturi mill-programm popolari ‘X Factor’, kif ukoll jinstemgħu kanzunetti ta' Frank Sinatra, il-Beatles, Gypsy Kings, Katy Perry, Lady Gaga u diversi oħrajn. ‘Sing’ huwa film allegru, b'sekwenzi tassew ħelwin, speċjalment tal-ħanżira omm u l-25 frieħ tagħha, b'atmosfera kkulurita u divertenti u anki xi ftit azzjoni.