Films ġodda fiċ-ċinema għal din il-ġimgħa

Aqra iktar dwar il-films li ħarġu din il-ġimgħa fl-iswali taċ-ċinema

Lion

Atturi Ewlenin: Dev Patel; Rooney Mara; David Wenham; Nicole Kidman; Sunny Pawar; Abhishek Bharate; Divian Ladwa

Direttur: Gareth Davis

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 118 min 

Ċert: PG

Le, l-isem tal-film ‘Lion’ ma jirreferix għall-annimal selvaġġ tal-gungla u x-xagħri, imma għal-‘laqam’ tal-protagonist ‘Sheru’ li bil-lingwa Hindi tfisser iljun. It-titlu jalludi wkoll għall-kuraġġ sfiq ta' tifel abbandunat li anki jsib triqtu fil-ħajja. Saroo Brierley [Pawar], tifel ta' 5 snin ikun abbandunat minn ħuh ikbar minnu, jorqod fuq ferrovija u jsib ruħu 1,600 kilometru ’l bogħod mill-villaġġ tiegħu, f'Kalkutta. Moħħu hemm, aktarx bil-ġuħ, jorqod barra, isib mezz biex ifendi għal rasu. Meta jinġabar f'orfanatrofju, ikun addottat minn koppja ġentili Awstraljana u jgħix ħajja komda f'Hobart, fit-Tażmanja. Wara 25 sena, bla l-iċken tagħrif, Saroo [issa Patel] jistinka biex ifittex lil ommu u familtu permezz ta' teknoloġija revoluzzjonarja magħrufa bħala Google Earth. ‘Lion’ hu film tassew kommoventi, eċitanti, brillanti fl-ewwel nofs tiegħu, però ftit sentimentali żżejjed fl-aħħar parti. Iċ-ċkejken Sunny Pawar mitluf qalb il-folol ta' belt storbjuża Indjana, jgħajjat b'karba lil ħuh, verament iġiblek ħniena u tassew iqaxxar il-parti tiegħu. Din il-produzzjoni Awstraljana hija bbażata minn fuq il-memorji tal-veru Saroo Brierley, ‘A Long Way Home’. Il-film b'mod vividu juri l-povertà palpabbli li teżisti f'dan is-sotto kontinent, però jibbilancja dan bl-imħabba u rispett dinjituż li hemm f'xi familji tal-klassi baxxa. Bħal ‘Slumdog Millionaire’ [bl-istess attur Dev Patel] u ‘Life Of Pi’, ‘Lion’ għandu jkun xogħol ieħor li jikseb suċċess.

 

Split

Atturi Ewlenin: James McAvoy; Anya Taylor-Joy; Haley Lu Richardson; Betty Buckley

Direttur: M. Night Shyamalan

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 117 min

Ċert: 15 

Il-kittieb, produttur u direttur Indjan M. Night Syamalan, jispeċjalizza f’films tal-biża' u t-twerwir, drammi oskuri u thrillers psikoloġiċi. L-aħħar xogħol tiegħu, ‘Split’ jirfes it-territorju ta' produzzjonijiet li jesploraw il-labirinti tal-moħħ kumpless ta' xi ġenju. Kevin [McAvoy], bniedem intelliġentissimu, tant il-menti tiegħu hi avvanzata li mal-psikjatra intima tiegħu, l-anzjana Dr. Fletcher [Buckley], jiżvela li għex il-personalità ta' 23 individwu differenti. Fil-ftuħ narawh fl-agħar burdata tiegħu, in-naħa l-aktar oskura li se tiddominah totalment. F'dan id-delirju li jinsab fih, hu jkun qisu mbuttat minn forza qalila biex jaħtaf tliet tfajliet teenagers. Waħda minn dawn hi Casey [Taylor-Joy], li meta kienet tifla għaddiet minn trawma u li bil-kalma kollha, mingħajr diskors, tosserva l-mossi tiegħu biex tirreaġixxi kif hemm bżonn meta jkun il-waqt propizju. Din l-azzjoni ta' Kevin tista' tkun il-waqa' tiegħu mill-poter mentali, ukoll meta t-tabiba tibda tissuspetta ħjiel ta' dak li wettaq. ‘Split’ hu wieħed mill-aħjar xogħlijiet ta' dan id-direttur ta' dan l-aħħar, li jiżvolġi b'mod pjuttost kumpless. B'waqtiet ta' film tal-biża', ftit oħrajn tas-sopranaturali u anki tas-supereroj, dan hu primarjament thriller qawwi psikoloġiku u anki mediku, b'diversi konversazzjonijiet inċiżi u interessanti bejn il-protagonist u l-psikjatra li jafda fiha. James McAvoy jerġa' jkun pilastru fid-diversi attribwiti fiżiċi li jesibixxi, waqt li Anya Taylor-Joy bħala ż-żagħżugħa Casey ukoll timpressjona l-aktar fil-movimenti sodi ta' wiċċha u dawk l-għajnejn sbieħ tagħha!

 

T2 - Trainspotting

Atturi Ewlenin: Ewan McGregor; Ewen Bremner; Jonny Lee Miller; Robert Carlyle; Kelly Macdonald; Shirley Henderson

Direttur: Danny Boyle

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 117 min

Ċert: 18

 

Fl-1996, ‘Trainspotting’ dwar il-kultura ta' dawk ivvizzjati bid-drogi kellu suċċess kbir fir-Renju Unit.  Fil-preżent, dan il-film hu stmat bħala xogħol kult. Wieħed u għoxrin sena wara, insibu riunjoni bejn it-tlett iħbieb li kienu spiċċaw traduti. Mark Renton [McGregor] wara 20 sena jirritorna minn Amsterdam lejn Edinburgh, l-uniku belt li jista' jikkunsidra li hi daru. Hu ried jerġa' jsir familjari ma' sħabu, Daniel Murphy [Bremner], imsejjaħ Spud u Simon Williamson [Lee Miller], bil-laqam ta' Sick Boy. Francis Begbie [Carlyle], magħruf bħala Franco, b'makakkerija joħroġ mill-ħabs, b'intenzjonijiet malinni għal dawn it-tlett iħbieb. Anki fil-familja tiegħu, Begbie ma tantx hu stmat minn ibnu li hu ħafna aktar serju u dinjituż milli qatt kien hu. Dawn il-karattri spissjati kienu, u wara dan iż-żmien kollu baqgħu kważi l-istess. Waqt li l-produzzjoni tal-1996 kienet kummiedja b'toni oskuri ħafna, dan is-sikwel hu aktar serju. ‘T2 – Trainspotting’ hu bbażat minn fuq il-ktieb ‘Porno’ tal-2002 ta' John Hodge, bl-istess Danny Boyle jerġa' jidderieġi. Ix-xogħol ta' qabel kien ambjentat fi Glasgow, issa l-iffilmjar sar kollu fil-belt ta' Edinburgh. ‘Trainspotting 2’ li fih mużika u kanzunetti tassew addattati hi produzzjoni li tagħmel unur lill-atmosfera kkreata minn dak tal-passat li għadu popolari sal-preżent.

 

Jackie

Atturi Ewlenin: Natalie Portman; Peter Sarsgaard; Billy Crudup; Greta Gerwig; John Hurt

Direttur: Pablo Larrain

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 99 min

Ċert: 12

Id-dinja kollha ġiet maħsuda nhar it-22 ta' Novembru 1963 bl-aħbar xokkanti tal-qtil tal-maħbub President Amerikan, John F. Kennedy. Ħarġu diversi films fil-passat dwar dan ir-reat u dwar teoriji x'seta' kien il-mottiv. Din id-darba, dan l-avveniment se jitwarrab ftit fil-ġenb f' ‘Jackie’, produzzjoni bijografika li tiffoka fuq dak li għaddiet martu, Jacqueline [Portman], il-First Lady Amerikana, fil-ħamest ijiem wara l-assassinju nfami ta' żewġha u l-funeral tiegħu.  L-andament ta' dan ix-xogħol jiżvolġi primarjament fuq l-intervista twila ta' Theodore H. White [Crudup], ta' LIFE magazine ma' din l-armla friska fid-dar ta' Hyannis Port, Massachusetts.  Matul il-film, insegwu lil Jackie, dejjem simpatika u eleganti, però eċitata ħafna, imnikkta għall-aħħar u tassew f'qagħda vulnerabbli, imma xorta waħda żżomm id-dekor tal-istat tagħha, wara l-mewt ta' żewġha. Għall-kuntrarju, f'intervista u dawra li kienet tat fil-White House fl-1961, hi tesebixxi l-fattizji ħelwin u ġentili, tassew magħrufa għalihom, li daħħlu sewwa fil-qlub Amerikani. Timpressjona tassew meta f'ħoġorha jkun hemm żewġha mejjet frisk, mimli dmija u wara hi tirrufjuta li tneħħi l-marki tad-demm sakemm inxtegħlet il-fjamma perpetwa fuq il-qabar tiegħu fiċ-ċimiterju nazzjonali ta' Arlington. Natalie Portman daħlet għal din il-parti riskjuża u rnexxielha toħroġ bl-unuri kollha. Tassew tiddomina fil-mod erudit kif tippronunzja d-djalogu, bil-fattizzi ta' xufftejha verament jimitaw b'finezza lill-veru Jacqueline Kennedy, nee Bouvier. Id-direttur Ċilen, Pablo Larrain qatt qabel ma dderieġa nisa protagonisti, però hawn wera perspettiva sabiħa ta’ din il-mara kolta, intiża fl-arti u l-mużika u kapaċissima f'relazzjonijiet privati u pubbliċi, anki internazzjonali.

Żewġ xogħlijiet minn Side Street Films

 

Bħalissa, fl-Eden Cinemas qed jintwerew ‘Black Mud’ u ‘One Piece Film: Gold’

‘Black Mud’ hi produzzjoni Kanadiża li kellha l-premiere tagħha fit-Toronto International Film Festival. Il-film jaqbad il-via ta' ‘road movie’, fejn żewġ aħwa orfni jivvjaġġaw matul il-pajjiż biex minn Toronto jmorru Alberta ħalli jibdew ħajja ġdida hemm. Għall-ewwel jiddependu sewwa minn xulxin, imma t-tensjoni tibda tagħmel tagħha meta l-flus jonqsu sewwa. Meta jkunu f'din is-sitwazzjoni imwiegħra, Alex, il-kbir jiltaqa' ma' Flora, ukoll persuna li tħobb tiġġerra minn post għall-ieħor u li tixtieq li tivvjaġġa magħhom. ‘Black Mud’ hu film ta' atmosfera minima magħmul l-aktar biex jintwera fil-festivals li jappoġġjaw din il-kwalità ta' produzzjonijiet.

‘One Piece Film: Gold’ hi fantasija animata, stil manga mill-Ġappun mimlija avventuri u azzjoni. Dan il-film dwar pirati, mużika u logħob fil-casinos hu wieħed mis-serje imsejħa ‘One Piece’ ta' Eiichiro Oda. Andament imħarrek u fl-istess ħin divertenti.

More in Divertiment