![[IT-TIENI PARTI] Is-sensiela oriġinali Planet of the Apes](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/planet_of_apes_2.png)
Post it-teżori, rivolti, gwerer u qawmien mill-mewt
L-ILLUM tagħti ħarsa lejn ftit mill-films il-kbar li nħadmu Malta u li użaw pajjiżna minflok il-postijiet oriġinali fejn suppost kienet qed isseħħ l-istorja tal-film


Ftit ’il fuq mill-port ta’ Marsilja, wieħed jista’ jsib it-toroq ta’ Benghazi fejn saret rivolta mdemmija, li jinsabu wkoll viċin binjiet Rumani...li daqs nofs siegħa bogħod minnhom, hemm il-post fejn qam Ġesù mill-mewt.
Jekk forsi tħawwadt b’dan, qegħdin nitkellmu fuq imkien ħlief il-gżira tagħna, li minkejja d-daqs żgħir tagħha, tul is-snin ġiet magħżula biex jinġibdu xeni ta’ films popolari li l-produtturi tagħhom għażlu t-toroq, il-bajjiet u l-fortifikazzjonijiet tagħna biex iservu flok it-toroq ta’ Ġerusalemm jew Tel Aviv, il-port ta’ Marsilja, il-post fejn issallab Ġesù, kif ukoll saħansitra nbena l-Kolossew Ruman.
L-ILLUM se tagħti ħarsa lejn ftit mill-films il-kbar li nħadmu Malta u li użaw pajjiżna minflok il-postijiet oriġinali fejn suppost kienet qed isseħħ l-istorja tal-film.
Tul is-snin, f’Malta nħadmu ħafna films, li anke għamlu użu mit-tankijiet li hemm fil-film studios tar-Rinella. Kieku jkollna nsemmu l-films kollha li nħadmu Malta, mhux feature fuq il-gazzetta nagħmlu, iżda jkollna materjal għal ktieb sħiħ. Għaldaqstant, illimitajna ruħna għal selezzjoni ta’ wħud mill-films li dehrilna li kisbu popolarità kbira u li fihom, udjenzi minn madwar id-dinja kienu qegħdin jaraw it-toroq u l-pajsaġġi Maltin bl-impressjoni li qegħdin Ruma, Ġerusalemm, Spanja jew it-Turkija...fost il-ħafna postijiet oħra li flokhom intużat Malta.
Midnight Express


Tajjeb li nibdew b’film li jista’ jisejjaħ ‘klassiku’ llum u li ta spinta ’l quddiem sew lil Malta bħala lokazzjoni għall-films. Qed nirreferu għall-film tal-1978 dirett minn Oliver Stone, ‘Midnight Express’. Għal dan il-film, Malta ntużat biex tirrapreżenta t-Turkija, fi storja fejn ġuvni Amerikan ġie arrestat fl-Ajruport ta’ Istanbul fuq pussess ta’ droga. Il-famuża xena tal-ajruport li fiha anke ħa sehem l-attur Malti Joe Cordina inġibdet fl-ajruport nazzjonali f’Ħal Luqa. Apparti xeni f’dar il-Mediterran u f’toroq fil-Belt, l-aktar xeni li ma jintesewx minn ‘Midnight Express’ huma dawk li seħħew fil-ħabs, li għalih intużat il-parti t’isfel tal-forti Sant Iermu. Ħlief għalina l-Maltin li nafu li l-film inġibed Malta u fehmna lil Joe Cordina jitkellem bil-Malti minflok bil-lingwa Torka, għall-bqija tad-dinja, ‘Midnight Express’ huwa film ibbażat fuq storja vera li saret it-Turkija, u li għall-kull fini, nġibed ukoll fit-Turkija stess.
Gladiator


Fl-1999 id-Direttur Ridley Scott għażel lil Malta biex tintuża għall-partijiet mill-film epiku tiegħu ‘Gladiator’. B’differenza minn films oħra li fihom wieħed seta’ jara t-toroq tal-Belt u xi veduta tal-bajja t’Għajn Tuffieħa, ir-rwol ta’ Malta għal ‘Gladiator’ kien biex tinbena replika tal-Kolossew ta’ Ruma, fejn fih il-gladjatur Maximus, interpretat minn Russell Crowe, ikollu wħud mill-isbaħ xeni ta’ ġlied tal-film. Is-sett ta’ ‘Gladiator’ inbena kollu fil-fortizza tar-Ricasoli.
Gladiator u s-suċċess mondjali tiegħu għenu biex jaffermaw lil Malta bħala lokazzjoni għall-films, tant li l-industrija tal-films f’Malta ħadet spinta kbira minn wara ‘Gladiator’. Dan il-film jibqa’wkoll sinonimu ma’ Malta bħala l-aħħar film tal-attur veteran Ingliż Oliver Reed, li miet f’bar fil-Belt Valletta tul il-ġbid tal-film.
Troy


Minn ‘Gladiator’ tajjeb li naqbżu għal film epiku ieħor li uża diversi postijiet f’Malta li servew flok il-Greċja antika u l-Belt ta’ Troy. Fl-2003, ir-ramla ta’ Għajn Tuffieħa serviet flok ix-xatt ta’ Troy, li fuqu niżlu eluf ta’ vapuri Griegi biex jattakkaw il-Belt maestuża ta’ Troy. Bi Brad Pitt fil-parti ta’ Achilles u Eric Bana f’dik ta’ Hector, il-film ‘Troy’ uża wkoll il-forti Ricasoli biex fih jinġibdu xeni jirrapreżentaw l-intern tal-Belt ta’ Troy. Il-famuż żiemel ta’ Troy, għoli 38 pied inġieb Malta maqsum f’diversi biċċiet minn Shepperton Studios, fir-Renju Unit u ġie magħqud minn ħaddiema Maltin biex jintuża f’xeni miġbuda fil-fortizza Ricasoli. Postijiet oħra li ntużaw għal ‘Troy’ kienu l-Blue Lagoon ta’ Kemmuna, għal xena fil-bidu tal-film, fejn Achilles jitkellem ma’ ommu kif ukoll xi postijiet f’Ħal Far u l-Mellieħa fejn fihom inbnew settijiet oħra li kienu jirrappreżentaw djar u tempji fil-Grecja. Tajjeb li wieħed jinnota li tlieta mill-atturi prinċipali ta’ dan il-film, Brad Pitt, Eric Bana u Sean Bean ġew lura Malta jiġbdu films oħra xi snin wara. Brad Pitt ġie Malta darbtejn oħra għal ‘WWZ’ u ‘By the Sea’, Eric Bana għal ‘Munich’ u Sean Bean għal ‘Game of Thrones’.
The Count of Monte Cristo


Wieħed fost l-aktar films li nġibdu Malta li għamel użu estensiv tal-postijiet li joffri pajjiżna kien, ‘The Count of Monte Cristo’ il-film li nġibed f’pajjiżna fl-2002 taħt id-direzzjoni ta’ Kevin Reynolds. Fl-istil ta’ Reynolds, huwa jħobb juża aktar minn lokazzjoni waħda għall-istess xena, li jaqtgħu minn waħda għall-oħra u jagħtu l-impressoni li kollox qed isir f’post wieħed. U l-fatt li l-post mhux l-istess wieħed indunajna bih biss aħna l-Maltin li rajna karozzin joħroġ mill-bieb tal-Imdina u minnufih jaqsam minn fuq il-pont li jagħti għal Sant Anġlu. Fil bidu ta’ ‘The Count of Monte Cristo’, wieħed jista’ jammira xena mill-isbaħ tal-Port il-Kbir fil-Belt Valletta, u minnufih jaqra t-titlu ‘Port ta’ Marsilja’. Dan huwa parti mill-maġija tad-dinja tal-films, li l-użu ta’ numru ta’ lokazzjonijiet varji, anke mili ’l bogħod mill-post proprja fejn suppost qegħdin, xorta jieħdu l-udjenza fil-post intenzjonat mill-iskript. Fil-film, wieħed jista’ jara l-waterfront tal-Birgu li qabel ma ngħata d-dehra moderna li nafuh biha llum, kien perfett biex iservi bħala l-port ta’ Marsilja, fejn il-karattru prinċipali, Edmond Dantes interpretat minn Jim Caviezel kien jaħdem. Fl-istorja, Dantes jiġi arrestat u mibgħut fil-ħabs ta’ Chateau d’If, li filwaqt li għall-intern tiegħu intuża post barra minn Malta, l-estern ta’ dan il-ħabs kien it-Torri ta’ Kemmuna. Il-bajjiet tal-Blue Lagoon u Crystal Lagoon f’Kemmuna ntużaw ukoll bħala l-gżira ta’ Monte Cristo, li fuqha Dantes sab it-teżor. Fost postijiet oħra li dehru b’mod prominenti f’dan il-film, l-udjenza Maltija setgħet tagħraf il-pjazza tal-Katidral tal-Imdina li serviet bħala pjazza f’Venezja fejn kien qiegħed jiġi ċelebrat il-karnival.
Risen



13-il sena wara l-ewwel żjara tiegħu f’Malta għall-film ‘The Count of Monte Cristo’, fl-2014 id-Direttur Kevin Reynolds reġa’ għażel pajjiżna biex ikun l-isfond għall-film Bibbliku l-ġdid li kien se jidderieġi, bl-isem ta’ ‘Risen’. Reynolds għażel Malta għax emmen li tista’ toffri ambjent u dehra simili ta’ Ġerusalemm fiż-żmien il-passjoni ta’ Ġesu. Għax-xeni tal-tisliba, Reynolds għażel dehra differenti fejn flok fuq għolja, is-‘set’ sar fil-foss tal-fortizza Manoel, imdawwar bi blat għoli li taw effett differenti minn dak li mdorrija għalih l-udjenza f’films Bibbliċi. Post f’Malta li jintagħaraf aktar mill-foss tal-fortizza Manoel użat ukoll f’‘Risen’ kien il-‘Heritage Trail’ tax-Xemxija, li Reynolds dehrlu li jidher perfett għall-qawmien mill-mewt ta’ Ġesà minn qabar imħaffer fil-blat, b’siġra taż-żebbuġ kbira quddiemu. Għal ‘Risen’, minbarra numru kbir ta’ xeni miġbuda ġewwa l-fortizzi Manoel u Ricasoli, ħafna Maltin setgħu jagħrfu l-irdum tal-Imtaħleb f’xena li suppost seħħet fil-Galilija meta Ġesà tkellem mal-Appostli wara li qam mill-mewt.
Munich


Immorru lura fis-snin, b’film ieħor li għalih, Malta intużat biex tirrappreżenta numru differenti ta’ pajjiżi oħra fid-dinja. Fl-2004, wara li kien diġà f’pajjiżna għal Troy ftit tas-snin qabel, l-attur Eric Bana ġie lura, din id-darba jinterpreta rwol prinċipali fil-film ‘Munich’, dirett minn ħadd ħlief Steven Spielberg. ‘Munich’ kien ibbażat fuq avvenimenti vera li ġraw fis-snin 70, u postijiet f’Malta servew flok Tel Aviv, Ruma, il-Lebanon u Ċipru. Xena prinċipali tal-film, inġibdet fix-xatt ta’ Tas-Sliema, fejn dan ġie trasformat f’Tel Aviv, hekk kif tnejn mill-atturi prinċipali, Eric Bana u Geoffrey Rush dehru jippassiġġaw jiftiehmu fuq il-missjoni li hija l-qofol tal-Istorja kollha tal-film. Partijiet differenti minn Bugibba ntużaw kemm biex jirrappreżentaw kafeterija f’Iżrael, kif ukoll għal waħda mill-ikbar xena ta’ azzjoni tal-film, fejn lukanda fi Triq il-Pjunieri f’Buġibba ntużat minflok waħda f’Ċipru u waqt lejl ta’ ġbid tax-xeni, in-nies ta’ Buġibba raw azzjoni bla waqfien, sparar u splużjonijiet liema bħalhom. Kif kienu Malta, Spielberg iddeċieda wkoll li bħala loġistika, il-produzzjoni ma jaqblilhiex titla’ Ruma biex tiġbed ix-xeni li fl-istorja seħħew verament Ruma, u għaldaqstant, il-pjazza ta’ San Pawl fir-Rabat, serviet perfettament bħala sfond biex jirrappreżenta parti minn Ruma. Għal post ieħor li suppost kellu jkun Ruma, xena oħra minn ‘Munich’ inġibdet fi pjazza Reġina, l-Belt Valletta. Postijiet oħra li ntużaw għal ‘Munich’ kienu lukanda żgħira fil-Belt Valletta, u l-baċir ta’ Bormla, għal xena ta’ sparatura kbira li suppost kienet qiegħda sseħħ f’Beirut.
13 Hours: The Secret Soldiers of Benghazi


Riċentament, fl-2015, id-Direttur popolari tal-films tal-azzjoni Michael Bay, għażel lil Malta biex jiġbed parti sostanzjali mill-film tiegħu ‘13 Hours: The Secret Soldiers of Benghazi’, li kien jitratta dwar storja vera ta’ rivoluzzjoni u attakk fuq l-ambaxxata Amerikana f’Benghazi fil-Libja. Malta ntgħażlet bħala lokazzjoni minħabba l-klima, il-ġebla Maltija u ċertu arkitettura u l-fatt li fil-Libja vera, fi żmien il-ġbid tal-film kien għadu għaddej ħafna nkwiet li kien ikun theddida għas-sigurtà u l-andament tal-ġbid. Bejn il-Mosta u Ta’ Qali, inbena set kbir li fih inġibdu parti kbira tax-xeni t’azzjoni li suppost seħħew f’Benghażi. Apparti li kien set mibdni biex jixbaħ il-Benghazi tal-llum, l-udjenza Maltija setgħet tagħraf Ta’ Qali u l-Mosta fl-isfond. Għal xeni li suppost graw f’toroq fil-Libja, intużat ukoll Triq l-Ilvant fil-Belt Valletta, li kull min ra l-film għaraf mill-famuż pont li hemm f’din it-triq, li tajjeb jingħad li dan kważi ntuża f’kull film li nġibded f’Malta f’dawn l-aħħar snin. Għal xeni oħrajn ta’ azzjoni waqt ‘13 Hours’, toroq prinċipali fil-Gżira u f’Raħal Ġdid ġew magħluqa u użati. Minkejja sinjali tat-traffiku, tabelli u kartelluni li ġew mibdula għall-Għarbi biex il-post jidher aktar qisu l-Libja, il-Maltin li raw dan il-film, kollha għarfu t-toroq fil-Gżira u l-Knisja ta’ Raħal Ġdid. Avolja ma tantx jidher li Malta, ħafna xeni oħrajn minn ‘13 Hours’ inġibdu f’set mibdni Kordin, fir-triq ta’ ħdejn il-grawnd u l-ħabs l-antik.
Assasin’s Creed


U nispiċċaw bl-aktar film riċenti li ħareġ fis-swali taċ-ċinema minn dawk li nġibdu Malta. Fl-2015 ukoll, ftit ġimgħat biss wara li spiċċat il-produzzjoni ta’ ‘13 Hours’, bdew il-preparamenti biex jinġibdu xeni minn ‘Assasin’s Creed’, il-film ibbażat fuq logħba diġitali. Ix-xeni li nġibdu f’Malta, kellhom jirrapreżentaw Spanja fiż-żmien tal-Inkwiżizzjoni tas-seklu 15. Għaldaqstant, il-Belt Valletta kienet perfetta bħala Belt biex tirrapreżenta dik l-epoka. Minkejja użu qawwi ta’ grafika diġitali, partijiet mill-Belt Valletta, speċjalment fi Triq l-Ilvant u Triq il-Merkanti xorta setgħu jintagħrfu. Ix-xeni miġbudin fil-Belt, kienu aktar iffukati fuq il-bjut u l-kampnari milli fit-toroq, hekk kif il-karattri tal-Assassini għamlu numru ta’ manuvri akrobatiċi u qbiż minn fuq bejt għall-ieħor tul it-toroq tal-Belt. Minbarra l-Belt, għal ‘Assasin’s Creed’ intużat ukoll il-fortizza Manoel u l-Fortizza Ricasoli, fejn fihom inbnew diversi sets li ntużaw għal xeni li fl-istorja kienu qed iseħħu f’Belt Spanjola fis-seklu 15.