Ismijiet imnaqqxa
Ir-rakkont ta' Sharon Calleja
Eżatt malli semgħet iż-żaqżiqa tal-bieba tal-kamra tal-isptar hi u tingħalaq bil-mod u l-passi taż-żarbun t’ommha jitbiegħdu fil-kuritur, Lara ħadet nifs twil.
B’idejha t-tnejn bdiet tagħfas il-liżar l-abjad li kien qed jgħattilha minn qaddha ’l isfel.
“Kuraġġ Lara……” semgħet leħen il-professur jidwi f’widnejha.
Qamet bil-mod minn fuq is-sodda bi tbatija kbira u ppruvat tistira ftit ruħha. Kienet għadha muġugħa. Kienet għadha muġugħa mhux ftit.
“Kollox bil-mod Lara……biex tweġġa’ ma ddumx. It-triq tal-fejqan hija itwal milli wieħed jaħseb. Imma taqtax qalbek.”
Kaxkret ftit saqajha u daħħlithom fil-papoċċ tas-sodda kulur il-kafè mdardar li kienet ġabitilha ommha, ħalli meta tħossha aħjar tkun tista’ tagħmel xi żewġ passi fil-kurituri tal-isptar. Hekk kif għamlet l-ewwel pass, ħarbitilha karba.
Inħasdet.
Il-ħoss.
It-tifrik.
Ġisimha jinbeżaq ’il barra mill-ħġieġa ta’ quddiem tal-karozza.
Il-ħsejjes.
Ir-riħa ta’ demmha stess li beda jitħallat mal-asfaltar tat-triq.
L-ilħna li kienu jinstemgħu ’l bogħod…….’il bogħod, ipespsu, jistagħġbu, jibku, jippanikjaw. U hi, hi żgur kienet qiegħda tipprova. Tipprova tiftaħ għajnejha. Tipprova turihom li kienet għadha ħajja. Iva, mela kienet għadha ħajja. Għalkemm kienet qiegħda tħoss kesħa kbira taħkmilha ġisimha kollu, xtaqet tgħidilhom li kienet għadha ħajja. Iżda kienet qiegħda tħossha debboli….wisq debboli.
Forsi kieku tintelaq ftit, forsi l-uġigħ kollu li kien ħa kontroll tal-preżent, forsi kien itaffi ftit.
Imbagħad semgħetha.
Is-sirena tal-ambulanza.
Kollox kien għadu frisk fil-memorja.
Resqet eqreb lejn il-mera tawwalija li kien hemm fil-ġenb tal-kamra li kienu tawha ġewwa l-isptar. Issa kien ilha ftit hawn. Kollox bil-mod. Kienet qiegħda tħossha ftit aħjar kuljum.
Eżatt malli rat ir-riflessjoni tagħha fil-mera, Lara nħasdet.
Imma mhux suppost kellha tinħasad, għaliex kienet taf. Kienu qalulha.
Resqet eqreb lejn il-mera bil-galbu. Imbagħad ħassitha li kienet qiegħda f’pożizzjoni tajba biżżejjed biex tara dak li kien hemm bżonn.
Ħasset ix-xfar ta’ għajnejha jaħarquha. Riedet tibki. Riedet tkun taf. Tara. Il-kurżità kienet qiegħda tiekolha minn ġewwa.
Għamlet idha ma’ wiċċha u ħasset il-faxex li kienu mdawwrin ma’ wiċċha kollu minn rasha sa’ għonqha.
“Kellna nagħmlulek xi punti f’wiċċek…..” leħen il-professur.
“F’wiċċi?” kienet staqsietu Lara bilkemm trid temmen id-destin kiefer li kien qed jistennieha.
“Tibżax Lara…..illum hawn il-mezzi. Sfortunatament, inti sofrejt ġrieħi serji f’wiċċek…..” kienet ratu jkemmex moħħu, donnu jipprova jikkonvinċi lilu nnifsu li kollox kien ser jerġa’ jiġi perfett.
Perfett bħal qabel.
Resqet eqreb lejn il-mera.
Idha bdiet tirtogħod. Subgħajha bdew jippruvaw isibu t-tarf tal-faxxa li donnha kienet imdawra b’sengħa kbira madwar wiċċha u rasha. Bejn għax bdiet tħossha eċċitata u bejn għax bdiet tibża’ fl-istess ħin, it-tarf tal-faxxa ma setgħetx issibu malajr. Bdiet iddawwar idejha t-tnejn madwar rasha.
Semgħet il-passi barra kamritha u staħbiet ftit wara l-ħajt sakemm indunat li l-passi baqgħu għaddejjin u ma kinux ġejjin ħdejha.
Jekk jinduna xi ħadd mill-infermieri jew il-professur li kien qed jieħu ħsiebha li kienet ser tikxef wiċċha, tgħidx x’kienu jagħmlu! Kienu għamluhielha ċara u tonda biex tħalli wiċċha mgħotti.
Iżda issa ma setgħetx tistenna aktar. Il-kurżità kienet ħakmitha sew u ma setgħetx tissaporti aktar.
Ħalliet subgħajha jmellsu l-faxxa fejn kienet sabet tarfha. Ħadet nifs twil u semgħet qalbha tħabbat mija mija.
Tgħid wiċċha kif kien ġie?
Din il-mistoqsija kienet saret parti minn ħajjitha.
Issa jekk…….
Frank.
Riedet titbissem. Riedet tibki.
Kienet immissjatu mill-ewwel ġurnata li kien telaq.
“Qalbi……” kien qalilha eżattament xi tliet xhur ilu. “Se jkolli mmur nagħmel dak il-kors li kont għidtlek barra minn Malta. Ġejja miegħi?”
“Frank,” kienet weġbitu. “Nixtieq kieku, imma minħabba x-xogħol…..”
“Lara,” kien qalilha, kważi bid-dmugħ f’għajnejh. Dakinhar kien ħadha qalb l-għelieqi li kien hemm maġenb id-dar tagħha. “Ara,” kompla jgħidilha hekk kif qabad ġebla żgħira minn ġol-ħamrija niedja, dawwarha tħares lejn siġra kbira li kien hemm f’nofs l-l-għalqa u beda jnaqqax ismu flimkien ma’ tagħha fuq is-siġra, finalment idawwarhom b’qalb kbira. “La niġi lura nġibek hawn, f’dan il-post eżatt u nipproponilek sabiex tkun marti.” Indunat li dak kien mument importanti. “Inwiegħdek, Lara.”
L-emozzjonijiet li kienet ħasset dak il-ħin preċiż, ma kienet ser tinsihom qatt.
Frank ried jiżżewwiġha? Riedha tkun martu? Kien iħobbha bl-istess mod li kienet tħobbu hi!
Frank.
Kienu ltaqgħu flimkien b’kumbinazzjoni u l-imħabba ta’ bejniethom kienet kibret kuljum. Lara kienet taf li jekk ma tkunx mart Frank, ma kienet ser tħares lejn l-ebda raġel ieħor żgur. Kien jogħġobha f’kollox u kienet saret tħobbu daqs il-mimmi t’għajnejha.
“Kemm inti sabiħa,” kien jgħidilha. “Int l-isbaħ tfajla li jien qatt rajt.”
Ġibdet it-tarf tal-faxxa ’l isfel u ħassitha tinħall bil-mod minn ma’ wiċċha. Ratha taqa’ mal-art, tiġi eżatt maġenb saqajha fuq il-madum nadif tal-isptar.
Ħarset lejn il-mera u żammet in-nifs. Rat li wiċċha kien għadu mgħotti b’ħafna garżi li kienu poġġewlha għall-protezzjoni taħt il-faxex.
Ressqet idha lejn wiċċha. Bdiet tirtogħod iżjed u kienet kważi qiegħda tisma’ t-taħbit eċċitat ta’ qalbha.
F’salt wieħed, neħħiet il-garżi kollha b’ħarsitha mdawra lejn il-ġenb tal-kamra.
Kienet qiegħda tibża’. Kienet qiegħda tibża’ li ma kinitx għadha l-istess Lara li kienet imdorrija tħares lejha minn ġol-mera. Kienet qiegħda tibża’ li wiċċha kien ġie sfigurat.
Ħarset lejn wiċċha fil-mera.
Hekk malli lemħet wiċċha fil-mera, Lara ħassha ħażin.
Xi jiem wara, kienet qiegħda d-dar, tħares fil-vojt ’il barra mit-tieqa ta’ kamritha.
“Wiċċek mhux kif qed tpinġih inti!” kienet qiegħda tgħidilha ommha. “Xbajt ngħidlek! Dak li għandek huma l-punti, in-nefħa u d-daqqa li ħadt! Maż-żmien…..”
“Qed ngħidlek ma rridx noħroġ aktar minn hawn!” għajtet Lara, tħoss id-dmugħ jerġa’ jtappnilha l-viżta.
“Frank llum reġa’ ġie jħabbat……”
Għal ftit minuti, Lara waqgħet f’muta.
“Għidlu li għandi ieħor! Li ma rridx narah iżjed! Fhimt?” weġbitha Lara kważi maħnuqa bil-biki.
“Jien hekk qed ngħidlu kull darba! Illum jew għada ser jaqta’ jiesu minnek u ser jiddispjaċik!”
“Int jidhirlek li la jarani hekk ikun irid jibqa’ miegħi?” staqsietha Lara, ddawwar ħarsitha lejn ommha.
Ommha nħasdet. Il-ħarsa ta’ bintha kienet mimlija uġigħ.
“Tajjeb….” weġbitha ommha u ħarġet bil-mod mill-kamra.
Dawn ix-xenati kienu ilhom għaddejjin xi sitt xhur sħaħ.
Ta’ kull filgħodu, Lara kienet tqum u tmur toqgħod tħares lejn wiċċha fil-mera. In-nefħa kienet niżlet xi ftit iżda wiċċha kien għadu sfigurat. Ma kinitx toħroġ mid-dar. Ħlief għall-viżti l-isptar, ma kienet tmur imkien.
“Irridu nagħmlulek xi operazzjonijiet hawn…..u din il-parti……u fuq din in-naħa……però maż-żmien taf tiġi lura kważi għan-normal. Trid iż-żmien Lara,” kien qalilha l-professur.
“Trid iż-żmien…..” kienet qiegħda tgħid bejnha u bejn ruħha hekk kif ħarset ’il barra mit-tieqa ta’ kamritha u ftakret fiż-żminijiet sbieħ li kienet għaddiet ma’ Frank. Ma xtaqitux jaraha hekk. Aħjar titilfu milli jaraha hekk. Riditu jibqa’ jiftakarha hekk kif kienet qabel.
Semgħet taħbita mal-bieb ta’ kamritha.
Ma weġbitx.
“Lara,” daħlet ommha. Kienet qiegħda żżomm envelopp f’idha. “Ġie Frank u ħallielek din….”
Lara ħasset id-demm tiela’ għal rasha.
Envelopp. Lilha.
Ħaditu f’idha u fetħet il-parti ta’ fuq b’idejha jirtogħdu. Malli rat it-tarf tal-kartonċina kkulurita li kien hemm fuq ġewwa, qalbha waqfet.
Invit għal tieġ!
Frank kien ser jiżżewweġ!
“Frank…..” qalet b’leħen miksur. “Frank ser……..Frank……” bilkemm felħet titkellem.
Bl-envelopp f’idha, telqet tiġri ’l barra mill-kamra.
“Lara?” għajtitilha ommha. Iżda Lara kienet diġà telqet ’il barra mill-kamra, izzappap xi ftit. Bla ma ħasbitha xejn, telqet tħaffef lejn l-għelieqi.
Hemm.
Ratha.
Is-siġra li kienu qagħdu taħtha xi ftit żmien ilu.
Kienu qishom għaddew xi mitt sena!
Mill-ġenb ta’ għajnejha setgħet kważi tarah qiegħed hemm u lilha stess bilqiegħda jiċċajtaw u jidħku flimkien.
“Frank!” ħarġitilha karba, hekk kif waslet eżatt maġenb is-siġra, niżlet kokka taħtha u bdiet tibki.
“Lara.”
Inħasdet.
Għarfet il-leħen.
Wiċċha żammitu mgħotti b’idejha t-tnejn maz-zokk ewlieni tas-siġra l-ħoxna, eżatt taħt isimhom imnaqqax li kien għadu jidher sew.
“Tersaqx lejja!” Issa jekk jara wiċċha? “Mur!” qaltlu.
Frank.
“Lara,” semgħet il-passi tiegħu jersqu lejha.
“Mur fejn dik li ser tkun martek!” qaltlu b’qalbha maqsuma.
“Iftaħ l-envilopp sew, Lara,” qalilha.
Lara dawret ħarsitha ’l isfel, iċċaqalqet ftit ħalli tkun tista’ tara l-envelopp. Mingħajr ma ħallietu jara wiċċha, fetħitu u rat l-invit sew.
Għalkemm għajnejha kienu għadhom mimlija dmugħ u minfuħin bil-biki, ratu.
Ismu.
Isimha.
Frank u ……….Lara?
“Xi jfisser?” staqsietu mingħajr ma ħarset lejh.
“Irridek tiżżewwiġni!” qalilha. “Jien għamiltlek wegħda li….”
“Jekk tarani sew……”
“Diġà rajtek, Lara.”
Frank resaq lejha. Għamel idu taħt gedduma u dawrilha wiċċha lejh.
Għal mument, ħasset għoqla kbira fl-istonku tagħha tiela’ għal ġo griżmejha.
Ħares lejn wiċċha.
Ma ċċaqalqitx. Ħasset qalbha tieqaf.
Ħasbitu ser jitlaq jiġri. Ħasbitu ser jinfaqa’ jidħak.
Iżda Frank……Frank ma għamel xejn minn dan.
Anzi, Frank beda jbusha fuq wiċċha!
“Xorta għadek sabiħa, Lara…..u avolja ġralek l-aċċident, għalija inti tibqa’ sabiħa għal dejjem!”
“Frank…..” ħasset leħinha jirtogħod. “Kif bqajt…….jien bgħatt lil ommi tgħidlek li jiena għandi lil xi ħadd ieħor……”
“Meta kont għadni msiefer ommok bagħtitli r-ritratti tiegħek. U jiena xorta bqajt narak sabiħa. Int sabiħa minn ġewwa u minn barra, Lara.”
“Int kont taf? Ommi….”
“Ġo qalbi hemm imnaqqax ismek. Trid tiżżewwiġni Lara?”