Marki tal-idejn

Ir-rakkont tal-ILLUM, miktub minn Sharon Calleja

“Nispera li qed tiċċajta,” qallu sieħbu Matthew b’għajnejh imberrqin.

“Niċċajta? U ajma. Ma nafx kif bniedem bħalek temmen f’dawk il-ħmerijiet!” wieġbu Ryan hekk kif xorob l-aħħar bela’ nbid f’nifs u qam minn fuq il-banketta.

Kienu qegħdin ġol-bar fejn kienu jiltaqgħu s-soltu. Waqt li Matthew kien ġuvni għażżien, żaqqu mrambla daqs bettiegħa u kien jagħli għax jisbaħ, kuġinuh Ryan kien eżattament l-oppost. Kien dejjem għaddej b’xi proġett, avventuruż, moħħu biex jitgħallem affarijiet ġodda u jmur f’postijiet differenti. Dan l-aħħar kien saħansitra ngħata ġieħ barra minn Malta talli kien ixxabbat ma’ xi muntanja kbira f’xi post barrani li Matthew lanqas biss kellu idea li kienet teżisti. Dak erħilu jintefa’ quddiem it-televiżjoni, pinta birra, ftit karawett u suq ħa mmorru.

Matthew ra lil kuġinuh isellimlu u jitlaq ’il barra mill-ħanut. Zekzek xufftejh ma’ xulxin u kemmex moħħu.

“Illejla ser nibqa’ sejjer hemm!” kliem kuġinuh kien għadu qed jisimgħu jidwi f’moħħu. Matthew kien qed jinkwieta.

“Agħmilli waħda tal-aħħar!” qal lil Toni li kien għadu kemm kien qed jissemma wara l-bar.

“Fejn sejjer dak il-miġnun issa?” staqsa lil Matthew b’għajnejh miftuħin qishom ta’ ċawla. Għal mument kien għoddu waqqa’ l-inbid fuq il-bar, tant kemm kienet qiegħda tieklu l-kurżità minn ġewwa.

“Irid imur jesplora l-bosk li hemm fit-tarf tar-raħal,” wieġbu Matthew bilkemm jiflaħ jitkellem.

Toni ħass xufftejh jibdew jirtogħdu.

“Dak il-bosk?”

“Eħe, dak.”

Imlielu t-tazza tal-inbid u telaq lejn it-tarf l-ieħor tal-bar.

Kulħadd kien jaf.

Kulħadd.

Il-bosk ta’ tarf ir-raħal kien post li ħadd qatt ma kien imur. Kien hemm ħafna għidut fuqu. Kienu jgħidu li kien post misħut u li kienu jismgħu l-vuċijiet. Ħsejjes strambi.

Matthew xorob it-tazza f’nifs u telaq ’il barra. Eżatt malli rifes l-għatba ta’ barra u sema’ l-bieb tal-bar jingħalaq warajh, għaddiet il-karozza ta’ kuġinuh minn quddiemu. Matthew għolla jdejh biex isellimlu, iżda Ryan kien diġà għadda riħ.

Kien lest għall-avventura. Fuq xufftejh kellu tbissima u kien qed iħoss l-eċitament li kien jaħkmu eżatt qabel jesplora post ġdid.

Kien ilu ħafna jtella’ u jniżżel jekk imurx f’dak il-bosk mistmerr minn kulħadd. Kien jaf li ħadd ma kien jersaq ’l hemm. Iżda Ryan ma tantx kien bniedem superstizzjuż u kien ċert li dak li kienu jgħidu fuqu n-nies kien għidut biss. Għidut u xejn aktar.

Kienet ix-xitwa u ftit ilu kienet għamlet ħalba xita. L-art kienet tiżloq u għalhekk ħa ħsieb isuq bil-galbu hekk kif wasal fit-trejqa mħarbta li kienet tagħti għall-post li kien ilu snin jixtieq jesplora. Saq ’il ġewwa sakemm wasal f’post imdawwar siġar kbar u ħaxix ħażin. Hekk malli pparkja l-karozza fin-nofs, ra li kien hemm dlam ċappa. Ħareġ mill-karozza u xegħel it-torċ.

Ħass dehxa għaddejja ma’ ġismu kollu.

Fl-aħħar.

Fl-aħħar kien se jara jekk dak li kien jingħad fir-raħal kienx għidut jew le.

Daħak waħdu. U żgur li kienu għidut!

Beda jimxi ġewwa s-siġar, jisma’ l-ħoss tal-ħaxix niedi jqarmeċ taħt iż-żarbun u jħoss il-kesħa ta’ Jannar ma’ wiċċu. Għalkemm kien liebes ġakketta ħoxna, seta’ jinduna li peress li dan il-bosk kien qiegħed f’wied, kien hemm l-umdità. Peress li kien hemm iċ-ċpar, ma tantx seta’ jara sew.

Daħal fil-fond tal-bosk.

Siġar.

Siġar u aktar siġar.

Kwiet.

Ħassu kważi fil-ġenna tal-art. Ħadd ma kien jersaq ’l hawn u l-paċi kienet tinħass sew. Mexa mixja sewwa. Esplora kważi l-bosk kollu. La sema’ ħsejjes u lanqas ra xejn mhux f’loku.

Wara li ħassu sodisfatt, mexa lura lejn il-karozza, sab kollox normali kif kien ħallieh u qabbadha. Beda jdawwar ħalli joħroġ eżatt minn dik it-trejqa mħarbta li kienet wasslitu sa hawn ġew. Qabad isuq u beda jitbissem waħdu. Ftakar f’wiċċ Matthew xħin kien qallu biex jiġi miegħu hawn.

Saq ’il quddiem. Beda jipprova jagħraf it-triq minn fejn kien daħal.

Ryan beda jkemmex moħħu u ħassu konfuż. Din it-triq kolla tidwir ma kinitx l-istess waħda li kien ġie minnha.

Beda jdawwar rasu ’l hawn u ’l hemm. Iħares. Siġar. Siġar u aktar siġar. Ċpar. Kesħa. Dlamijiet.

Hekk biss kien qed jara.

Kien ċert li hu ma kienx dam isuq ’il ġewwa aktar minn ħames minuti, u issa kien donnu ilu xi kwart għaddej idur u jsuq għalxejn.

Qalbu għamlet tikk.

Kien reġa’ sab ruħu fl-istess post li kien telaq minnu.

“Ġesù tiegħi...” beda jgemgem, xi ftit frustrat. Għalkemm xħin kien qed jieħu n-nifs ’il barra kienet qiegħda toħroġ daħna żgħira bil-kesħa, ħass l-għaraq ixoqq għalih.

“Ħadd qatt ma jmur hemm!” leħen Matthew. Għajnejh iżebbġu. Reġa’ rah quddiemu.

Xengel rasu ħalli jneħħi l-ħsibijiet ħżiena minn quddiem għajnejh.

Reġa’ dawwar u kompla jsuq. F’ħin minnhom, ra donnhom żewġ toroq quddiemu, waħda minnhom moħbija xi ftit bis-siġar.

“Hawn int,” beda jitkellem waħdu hekk kif qabad it-triq l-oħra.

Saq u saq. Siġar. Dlam. Ċpar. Din it-triq kienet donnha iżjed dejqa u mħarbta mill-oħra.

F’ħin minnhom, tant kienet dejqa li bilkemm seta’ jsuq. Ħass nifsu ser jinqata’. Kellu jieqaf.

Xi għeruq ta’ siġra kbira tal-ballut,  kienu fin-nofs.

Ryan beda jgerger waħdu. Ħareġ mill-karozza, qabad l-għeruq b’kemm kellu saħħa u beda jiġbed. Xħin kien kważi tilef nifsu, irnexxielu jaqlagħhom u għamel biżżejjed wisgħa kemm jgħaddi.

Kien jaf li din żgur ma kinitx it-triq li kien daħal minnha. Imma issa tant kemm kien xeba’ jsuq għalxejn li kien iddeċieda li jkompli għaddej sakemm jasal lura fiċ-ċivilizzazzjoni.

Saq ftit minuti f’dik it-triq mudlama u waqaf.

Ħass demmu tiela’ f’rasu.

Dlam. Dlam biss.

Fetaħ ħalqu u ħass griżmejh xotti.

Tgħid x’jagħmel?

Xarrab xufftejh b’ilsienu.

Quddiemu kien hemm daħla fid-dlam. Daħla f’mina li kienet tidher fi dlam totali, donnu n-naħa l-oħra tagħha kienet ’il bogħod.

Qal talba żgħira bejnu u bejn ruħu u kompla jsuq għal ġo fiha. Ma kellux għażla. Issa kien qed iħoss il-kesħa tiġri ma’ ġismu kollu.

Hekk malli daħal fil-mina, il-karozza donnha bdiet taħdem b’mod ħażin.

Intfiet.

“Madonna tal-ħniena!” beda jgħid hekk kif tella’ t-twieqi tal-karozza u seta’ jisma’ qalbu tħabbat ġewwa sidru. Barra mill-karozza, fil-mina, donnu kien hemm ħoss ta’ xi ilma qed iqattar.

Ipprova jqabbad il-karozza.

Inħasad. Inxtegħel ir-radju tal-karozza b’ħoss qawwi ta’ textix.

Kien propju dak il-ħin li twerwer.

Il-karozza ma riditx taqbad. Beda jisma’ ħafna ħsejjes ta’ taħbit mal-ħġieġa ta’ wara tal-karozza. Ryan berraq għajnejh, ħass l-għaraq ixoqq għalih u beda jirtogħod. Qabdu attakk biex jitlaq ’il barra minn ġo din il-mina tal-biża’.

Il-ħsejjes li beda jisma’ kontinwament kienu donnhom ta’ ħafna persuni li riedu jidħlu fil-karozza.

Persuni. Jew...?

Ryan ippanikja. Reġa’ ħa ċans iqabbad il-karozza u qabdet!

B’ħoss ta’ twerżiq ta’ roti, saq b’kemm kienet tagħti l-karozza ’il quddiem lejn l-apertura tat-tarf l-ieħor tal-mina.

Eżatt malli wasal barra, saq ’il quddiem bla ma waqaf jew ħares lura, fl-oblivju ta’ dak li kien qed jiġri madwaru. Saq u saq.

Wasal għand Ġanni li kellu pompa tal-petrol fit-tarf tar-raħal. Lil Ġanni dejjem kont issibu hemm fil-ħanut sa tard bil-lejl.

Ryan waqaf bil-karozza tiegħu maġenb il-pompa, il-palpitazzjonijiet li kellu f’qalbu għadhom għaddejjin.

Ġanni ttawwal u rah.

“Kollox owkej sieħbi?” għajjat Ġanni.

Ryan ma weġbux.

Ġanni resaq lejn il-karozza.

Hekk malli Ġanni resaq qrib induna li Ryan kien qisu wieħed imbellaħ iħares fil-vojt minn ġol-mera tal-karozza, donnu qed jibża’ minn xi ħadd warajh.

“Jekk jogħġbok,.” qallu Ryan, bilkemm jiflaħ jitkellem. “Neħħili dawn il-marki tal-idejn li għandi mal-ħġieġa ta’ wara tal-karozza.......”

“Ara l-ieħor!” qallu Ġanni. “Għal daqshekk?”

Ftit wara, Ryan kien qiegħed bilwieqfa maġenb il-karozza, iħares lejn Ġanni jnaddafflu l-ħġieġa tal-karozza. Ġanni kien qed jogħrok u jogħrok. Ryan kien għadu ċċassat.

“Ryan,” qallu Ġanni.

Ryan inħasad. Ħares lejn Ġanni.

“Ma jridux jitilqu ta’,” qallu.

“X’inti tgħid Ġann?” qallu Ryan kważi jgħajjat miegħu. “Qed ngħidlek neħħihomli issa!”

“Mhumiex jitilqu!” ħatfu Ġanni fil-pront.

“Mela lanqas m’int kapaċi tnaddaf ħġieġa ta’ karozza?” wieġbu Ryan imfantas, waqt li kien għadu xxukkjat b’dak li kien ġralu.

“Le ta mhux għalhekk...”

“U mela għala? Mank int kapaċi tnaddafha sew?”

Ryan qabad il-biċċa u beda jimsaħha hu. Iżda l-marki tal-idejn baqgħu hemm.

“Kif jista’ jkun?” qal Ryan imwerwer.

“Dawk il-marki qegħdin min-naħa ta’ ġewwa Ryan,” qallu Ġanni b’leħen kalm.

More in Divertiment