U fit-tielet jum...qam mill-mewt
L-Għid it-Tajjeb lil kulħadd mingħand l-ILLUM
Illum ħafna rħula madwar Malta jiċċelebraw jum l-Għid il-Kbir permezz tal-purċissjoni tal-Irxoxt, li toħroġ wara l-quddiesa tal-Għid ta’ filgħodu u wara li f’ħafna parroċċi jsir ukoll it-tberik tal-figolli.
Il-purċissjonijiet tal-Irxoxt madwar Malta, jattiraw mhux biss folol kbar ta’ Maltin, iżda qegħdin isiru attrazzjoni kbira anke għall-barranin li jgħixu f’Malta u għat-turisti li jinzertaw f’pajjiżna fi żmien il-Għid. It-tajjeb hu li l-għażla mhux nieqsa għax fost il-ħafna rħula li joħroġu l-istatwa tal-Irxoxt wieħed jista’ jsib lill-Birgu, Bormla u l-Isla, Ħal Qormi, r-Rabat, in-Naxxar, il-Mosta u Ħal Luqa fost oħrajn. Din is-sena l-ILLUM għażlet ritratt tal-Irxoxt tar-Rabat mehud mill-fotografu Stefan Stafrace.
Wara l-purċissjonijiet tal-Irxoxt, ħafna familji jinġabru fi djarhom għall-ikla tal-Għid, li ħafna drabi tkun tradizzjonalment ħaruf. Għal dawk li żammew is-sawm matul ir-randan u anke ċċaħdu milli jieklu ħelu, f’jum il-Għid ma jonqosx li jgawdu xi biċċa figolla u xi naqra ċikkulata.