![[IT-TIENI PARTI] Is-sensiela oriġinali Planet of the Apes](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/planet_of_apes_2.png)
Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa
Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Detroit
Atturi Ewlenin: John Boyega; Will Poulter; Algee Smith; John Krasinski; Anthony Mackie.
Direttriċi: Kathryn Bigelow.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 143 min.
Ċert.: 15
Fis-sajf tal-1967, l-Istati Uniti kienu milquta minn tensjoni politika, qawwija u soċjali. Diversi snin ta' inġustizzji razzjali u ripressjoni kontra s-suwed qajmu skuntentizza u rabja li żbruffat f'irvelli fl-ibliet il-kbar. F'Detroit, Michigan, mit-23 sas-27 ta' Lulju, ipprovokati mill-pulizija, il-maġġorparti tagħhom bojod, l-Afro-Amerikani qamu jirvellaw u partijiet minn din il-belt saru ħuġġieġa waħda. ‘Detroit’ jiftaħ b'dawn l-irvelli, li ħallew 43 mejta u aktar minn 10000 ruħ feruti. Iżda, l-qofol tiegħu jseħħ x'ġara minn grupp ta' kantanti prinċipjanti, The Dramatics, li kellhom il-wirja tagħhom ikkanċellata u sabu ruħhom fl-Algiers Hotel, ftit ’il bogħod mill-istorbju. Ċajta ta' bla ħsieb, però perikoluża fis-sitwazzjoni tal-mument, iġġib il-pulizija f'dan il-post fejn, f'lejl wieħed, se jiġru affarijiet ta' brutalità; gwappa u anki mwiet. Bl-istess stil dirett, ta' preċiżjoni u li ma jħalli kważi xejn lejn l-immaġinazzjoni, bħal ta' ‘The Hurt Locker’ u ‘Żero Dark Thirty’, id-direttriċi Kathryn Bigelow terġa' turi impenn totali fl-andament kollu, waqt li teċċella fil-karatterizzazzjoni. Is-sekwenza animata tal-bidu tagħti tagħrif siewji ta' x'ikkawża verament dawn l-irvelli. Film li jissummak!

Pawn Sacrifice
Atturi Ewlenin: Tobey Maguire; Liev Schreiber; Peter Starsgaard; Michael Stuhlbarg.
Direttur: Edward Zwick.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 115 min.
Ċert.: 12+
Għal diversi snin sħaħ, il-ġugaturi taċ-ċess tal-Imperu Sovjetiku kienu jiddominaw id-dinja mingħajr sfida denja minn imkien. Bobby Fischer ta' sitt snin, minn Brooklyn, New York, fl-1951 kien diġà beda juri l-abbilità u l-konċentrazzjoni meħtieġa biex farrak avversarji ferm akbar u maturi minnu. Meta kellu biss madwar 13-il sena, dan il-ġenju li diġà beda jbati minn delużjonijiet u taħwid tal-moħħ, laħaq il-grad għoli ta' granmastru internazzjonali ta' din il-logħba. Minkejja dan is-suċċess, l-imġiba personali tiegħu ma kenitx ta' min jafdaha u l-istabilliment konservattiv taċ-ċess kellhom dubbji kbar dwaru. Il-ħolma ta' Fischer [Maguire] kienet li jiffaċċja lis-superġenju Russu, Boris Spassky [Schreiber]. Wara li ddomina lill-aqwa plejers tad-dinja, fl-1972 ikkwalifika biex jiltaqa' mal-veteran Russu fil-‘Logħba tas-Seklu’, minn imur l-aħjar minn kompetizzjoni ta' 21 logħba f'Reykjavik, l-Islanda. Għalkemm baqa' juri aġir anti-soċjali wera li kien kapaċi xorta waħda jwaqqaf dominanza ta' 24 sena ta' trijonf mill-Unjoni Sovjetika f'din id-dixxiplina. Għall-miljuni kbar ta' nies din ma kenitx biss logħba sportiva, imma kellha implikazzjonijiet fuq id-dominanza taż-żewġ superpoteri - l-Amerika u r-Russja - fl-eqqel tal-Gwerra Bierda. ‘Pawn Sacrifice’, isem li jalludi għas-sitt logħba ta' dan it-turnament, mirbuħa minn Fischer u meqjusa l-aktar waħda klassika fl-istorja, għandu andament ta' tensjoni waqt li juri li l-konċentrazzjoni stretta għaċ-ċess tirrikjedi sforz qawwi fuq il-moħħ li mhux kulħadd jiflaħ għalih.