Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa
Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa
The Mountain Between Us
Atturi Ewlenin: Kate Winslet; Idris Elba; Beau Bridges; Dermot Mulroney.
Direttur: Hany Abu-Assad.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 109 min
Ċert.: P.G.
F'ċirkostanzi straordinarji diffiċli, persuni b'karattru u manjieri diversi ġeneralment jaddattaw sewwa għall-bżonnijiet ta' xulxin. Din hi t-tema li hi l-qofol tal-film ‘The Mountain Between Us’ Ġo ajruport f'Utah, fil-ftuħ, Alex Martin [Winslet], ġurnalista fotografika kollha arja, mingħajr paċenzja u b'mod arroganti taqbeż il-kju biex tindaga dwar it-tluq ta' ajruplan li se ttir fuqu. Ben Bass [Elba], kirurgu li sejjer New York biex jopera fuq il-moħħ ta' tifel, hu bniedem metodiku, preċiż u ddixxiplinat. It-tnejn huma tassew esperti fil-professjoni tagħhom. Alex hi mgħaġġla għax l-għada se tiżżewweġ. Minħabba temp mill-agħar li riesaq fuqhom, l-ajruplan se jittardja u mgħaffsin mill-ħin, dawn it-tnejn jiddeċiedu malajr li jikru ajruplan żgħir biex jeħodhom Denver, biex minn hemm imorru band'oħra. Meta l-pilota [Bridges] tal-Piper ta' żewġ postijiet jħossu ħażin f'nofs il-vjaġġ, l-ajruplan jikkraxxja fuq muntanja miksija silġ. Weħidhom, f'reġjun iżolat imdawwar bil-muntanji, mingħajr l-iċken ċans ta' salvataġġ, Alex u Ben ikunu prattiċi ferm li jserrħu fuq l-għajnuna ta' xulxin meta ffaċċati mill-elementi naturali estremi, annimali selvaġġi bil-ġuħ u nuqqas ta' ħin. Din il-fiduċja reċiproka twassal għall-ammirazzjoni kbira lejn xulxin li se tibdel ħajjithom radikalment. Kważi matul l-andament kollu ta' ‘The Mountain Between Us’ jidhru biss iż-żewġ protagonisti li hawn juru li huma tnejn mill-aqwa u mill-aktar rispettabbli taċ-ċinema tal-mument.
The Snowman
Atturi Ewlenin: Michael Fassbender; Rebecca Ferguson; Val Kilmer; Charlotte Gainsbourg; J. K. Simmons; Chloe Sevigny.
Direttur: Tomas Alfredson.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 125 min.
Ċert.: 15
‘The Snowman’ hu bbażat minn fuq is-seba' rumanz tal-popolari serje ddedikata għad-ditektiv ittormentat, Harry Hole, tal-awtur Norveġiż Jo Nesbo. Harry Hole [Fassbender]. L-aktar investigatur espert f'Oslo, jfittex fuq l-għibien ta' vittma hekk kif il-pajjiż jesperjenza l-ewwel silġ tax-xitwa. Meta mat-triq jibdew jidhru figuri misterjużi tas-silġ, qalbu mill-ewwel ħebbritu li qattiel gwapp ta' diversi nisa [serial killer] imlaqqam ‘The Snowman’ qed jerġa' jimbarka fuq sensiela oħra ta' delitti faħxin. Bil-għajnuna ta' rekluta tassew prattika, Katrine Bratt [Ferguson], id-ditektiv jilmaħ konnessjoni sħiħa ma' serje ta' każi tipiċi oħrajn, ta' qtil brutali, li jmorru sa għoxrin sena lura. ‘The Snowman’ hu dirett mill-Isvediż Tomas Akfredson, dak li tana, fost oħrajn, l-oriġinali ‘Let Me In’ u anki ‘Tinker, Tailor, Soldier, Spy’, li ġej minn familja ta' diretturi taċ-ċinema, fosthom missieru Hans u ħuh Daniel. Michael Fassbender jinterpreta lid-ditektiv b’manija serja fuqu li jsib soluzzjoni, però b'debulizza għall-alkoħol.
On Body and Soul
Atturi Ewlenin: Ġeża Morcsanyi; Alexandra Borbely; Zoltan Schneider; Ervin Nagy; Itala Bebes.
Direttur: Ildiko' Enyadi.
Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas.
Tul: 116 min.
Ċert.: 18
Film bi premessa mhux tas-soltu u bi żvolġiment eċċentriku hu l-produzzjoni Ungeriza, bis-sotto titoli, ‘On Body And Soul’. Wara waqfa ta' 18-il sena, id-direttur/kittieb Ildiko' Enyadi qed jerġa' jirritorna fuq il-liżar ċinematografiku b'xogħol li bil-pawsa jindika l-attrazzjoni diffiċli lejn xulxin ta' żewġ ħaddiema f'biċċerija, li tista' twassal għal tmiem traġiku. Waqt li fil-ħajja normali ta' kuljum dawn iż-żewġ erwieħ mitlufa u ta' waħedhom ma jistgħux jikkonnettjaw flimkien, fid-dinja tal-ħolm jinvolvu ruħhom fl-istess avvenimenti. Il-film jiftaħ b'xena pittoreska tax-xitwa f'foresta mimlija silġ b'żewġt iċriev, mara u raġel, juru mħabbithom billi jħokku mnieħer ma' mnieħer. Din l-istess sekwenza ta' ħolma b'xi tibdil tirrepeti ruħha matul il-film u t-tifsira tagħha tasal lejn in-nofs. Xena maestuza bħal din taqta' sewwa mal-ambjent tetru, mimli dmija tal-annimali fil-biċċerija. Kemm Endre [Morcsanyi]. Id-direttur li jieħu ħsieb il-finanzi u kemm il-bjonda, mistħija u riġida Maria [Borbely], l-uffiċjal ġdida li tispezzjona l-kwalità tal-laħam, sikwit jesperjenzjaw din l-istess ħolma. L-ewwel laqgħa bejniethom tirriżulta disastru assolut fir-reazzjoni li juru għal xulxin. ‘On Body And Soul’ b'ħin ta' kważi sagħtejn jidher twil wisq u kultant jitlef l-attenzjoni, però ċ-cineasti jkunu konxji li qed isegwu xogħol ta' direttur ta' stoffa.